Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0077/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0077/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.3.2007

biex tagħlaq id-dibattitu fuql-istqarrija tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Saïd El Khadraoui
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar il-konklużjoni tal-Ftehima dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa,u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, minn naħa l-oħra

Proċedura : 2007/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0077/2007
Testi mressqa :
B6-0077/2007
Testi adottati :

B6‑0077/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-Ftehima dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa,u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, min-naħa l-oħra COM(2006)0169,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp ta' l-aġenda għall-politika esterna ta' l-avjazzjoni tal-Komunità[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE iddeċidiet li bosta ftehimiet bilaterali ta' l-avjazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jmorru kontra l-prinċipji tal-liġi ta' l-UE u billi ftehima ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti hija l-aħjar mezz li biha jkun hemm konformità sħiħa mal-liġi ta' l-UE,

B.  billi s-swieq ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti flimkien jiffurmaw 60% tat-traffiku ta' l-ajru dinji u ftehima ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku u tista' sservi ta' mudell għal iżjed liberalizzazzjoni u konverġenza regolatorja mad-dinja kollha,

C.  billi l-Kunsill ta' l-UE kkunsidra l-abbozz tal-ftehima li ġie finalizzat f'Novembru 2005 bħala wieħed li ma jipprovdix bilanċ suffiċjenti ta' opportunitajiet, sakemm l-Istati Uniti ma joħolqux opportunitajiet akbar għall-kumpaniji ta' l-UE biex ikollhom aċċess għas-suq domestiku ta' l-Istati Uniti permezz ta' investiment u parteċipazzjoni fil-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti,

D.  billi d-Dipartiment tat-Trasport ta' l-Istati Uniti rrisponda b'Avviż ta' Proposta ta' Tfassil tar-Regoli, li jnaqqas ir-riġidità ta' l-interpretazzjoni tiegħu tar-rekwiżit statutorju li l-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti jridu jkunu taħt il-kontroll proprju taċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti, imma ddeċieda f'Diċembru 2006 biex jirtira dan l-Avviż wara li analizza bosta kummenti pubbliċi, anke dawk riċevuti mill-Kungress ta' l-Istati Uniti,

E.  billi din toħloq sitwazzjoni ġdida li titlob evalwazzjoni mill-ġdid tat-test ta' l-abbozz ta' ftehima ta' Novembru 2005 u passi ġodda li jwasslu għal ftehima bilanċjata ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti,

F.  billi fi ftehima bħal din il-konverġenza tar-regolamenti hija b'mod partikulari importanti, speċjalment ta' regolamenti dwar is-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema,

Prinċipji ġenerali

1.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ftehima ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti mhux biss għal mertu tagħha stess imma wkoll bħala eżempju għal ftehimiet oħra fil-futur;

2.  Jistieden lin-negozjaturi ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti biex jilħqu ftehima ta' l-avjazzjoni bbilanċjata kemm jista' jkun malajr;

3.  Jippreferi l-konklużjoni ta' ftehima ġenerali bilanċjata waħda li tkopri l-aspetti kollha tal-ftuħ tas-suq u tal-konverġenza regolatorja minflok approċċ b'fażijiet differenti fi ftehimiet parzjali;

4.  Huwa ta' l-opinjoni li, jekk l-Istati Uniti ma jkolliex il-volontà li tressaq kwalunkwe element li jibbilanċja ftehima għas-servizz bl-ajru, l-UE tista' tiddeċiedi biex tnaqqas xi wħud mil-libertajiet li l-kumpaniji ta' l-ajru Amerikani qed igawdu fil-preżent fl-UE, biex terġa' tistabbilixxi reċiproċità sħiħa fis-suq ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma jiffirmawx l-abbozz ta' ftehima ta' Novembru 2005 sakemm din tkun modifikata biex tikseb bilanċ sħiħ ta' interessi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex jekk ma tkunx possibbli ftehima ġenerali, taqbel ma' approċċ b'fażijiet differenti biss jekk fażijiet li jiġu aktar tard, skadenzi għal konklużjoni tagħhom u l-konsegwenzi ta' kwalunkwe falliment f'dan ir-rigward jissemmew b'mod obbligatorju fi ftehima ta' l-ewwel fażi;

6.  Jistieden lill-Istati Uniti biex tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha b'mod fundamentali dwar ir-regoli li huma ristrettivi b'mod qawwi fuq il-pussess u kontroll barrani tal-kumpaniji Amerikani u dwar drittijiet ta' kabotaġġ għal kumpaniji ta' l-ajru barranin, billi ftehima għas-servizz bl-ajru komprensiva u bilanċjata bejn l-Istati Uniti u l-UE tidher impossibbli jekk l-Istati Uniti żżomm il-pożizzjoni attwali tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet;

Il-ftuħ tas-suq

7.  Jenfasizza li ftehima ta' l-avjazzjoni UE-Stati Uniti ġdida għandha tkun bilanċjata f'termini ta' aċċess tas-suq, billi jiġu kkunsidrati wkoll kwistjonijiet bħal kabotaġġ, dritt ta' stabbiliment, pussess u, fil-fatt, kontroll u għajnuna statali;

8.  Għalhekk jippreferi l-inklużjoni ta' kabotaġġ fil-ftehima, għax mingħajr kabotaġġ ftehima għandha ħabta tkun favur kumpaniji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, li huma permessi jwettqu titjiriet bejn postijiet fi Stati Membri differenti ta' l-UE, filwaqt li kumpaniji ta' l-UE mhumiex permessi titjiriet bejn postijiet fl-Istati Uniti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-każ li l-inklużjoni ta' kabotaġġ mhijiex possibbli, biex issib b'mod ieħor approċċ ibbilanċjat, b'mod preferibbli billi jkun hemm kumpens għall-kumpaniji ta' l-UE f'oqsma oħra, jew billi jitnaqqsu d-drittijiet tal-kumpaniji ta' l-Istati Uniti fl-Ewropa b'mod proporzjonat;

10.  Jenfasizza li sussidji tal-gvern għal kumpaniji ta' l-ajru jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni u jistieden liż-żewġ partijiet biex jillimitaw l-użu tagħhom sa livell minimu filwaqt li fl-istess ħin jintlaqgħu proċeduri li bihom il-partijiet jistgħu jinfurmaw lil xulxin u jiddiskutu miżuri meħuda minn kull naħa;

Konverġenza regolatorja

11.  Jinnota li l-iżvilupp ta' konverġenza regolatorja hija biss ittrattata b'mod parzjali fil-ftehima ta' Novembru 2005 u l-parti l-kbira minnha titħalla fi ħdan il-Kumitat Konġunt;

12.  Barra minn hekk jinnota li safejn il-ftehima ta' Novembru 2005 tittratta l-konverġenza regolatorja, din taffettwa l-iżjed dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza u s-sigurtà, bi ftit referenza dwar l-aspetti ambjentali u soċjali;

Sikurezza u sigurtà

13.  Jilqa' l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti fil-qasam tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni, kemm fil-livell ta' l-UE u fil-livell federali ta' l-Istati Uniti kif ukoll fil-livell ta' l-Istati (Membri);

14.  Jinnota l-importanza tal-"blacklist" Ewropea ta' kumpaniji li mhumiex ta' standard xieraq u s-sistema ta' l-Istati Uniti li timmonitorja l-istandards tal-kumpaniji ta' l-ajru u jistieden liż-żewġ partijiet biex jaqsmu informazzjoni f'dan ir-rigward;

15.  Jinnota l-importanza ta' miżuri tas-sigurtà għall-avjazzjoni imma jwissi kontra miżuri eċċessivi jew mhux ikkoordinati li mhumiex ibbażati fuq evalwazzjoni tar-riskju proprja; f'dan ir-rigward jinsisti li jitneħħew il-kontrolli aktar stretti li ġew imposti dan l-aħħar fuq likwidi, mediċini u affarijiet simili li jistgħu jittellgħu abbord sakemm jista' jintwera li ntlaħqu gwadann fis-sigurtà/valur miżjud reali fir-rigward ta' l-esperjenza s'issa;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex fin-negozjati tagħha ma' l-Istati Uniti, tirrevedi l-effiċjenza ta' miżuri tas-sigurtà addizzjonali fis-seħħ mill-2001 biex telimina l-irduppjar u ħoloq dgħajfa fil-katina tas-sigurtà;

17.  Jenfasizza li l-privatezza taċ-ċittadini Ewropej u ta' l-Istati Uniti għandha tkun rispettata meta jkun hemm skambju bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' dejta personali tal-passiġġieri, bi qbil mal-kriterji mitluba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003[2] u tas-7 ta' Settembru 2006[3]; jenfasizza f'dan ir-rigward l-urġenza li jinkisbu standards mad-dinja kollha dwar protezzjoni tad-dejta u dwar il-privatezza;

18.  Iħaddan il-kunċett ta' "kontroll wieħed tas-sigurtà", b'kontrollar fuq il-passiġġieri u bagalji li jsir biss fil-bidu tal-vjaġġ tagħhom u mhux mill-ġdid ma' kull trasferiment;

19.  Jinnota lin-negozjaturi li l-falliment possibbli tan-negozjati m'għandux iżomm milli jintlaħqu l-ftehimiet ta' koperazzjoni fil-futur bejn l-EASA u l-FAA fil-qasam tas-sikurezza;

Ambjent

20.  Jirrikonoxxi li s-settur ta' l-avjazzjoni għandu ħafna effetti ambjentali negattivi, b'mod partikulari bħala sors ta' storbju u bħala kontributur sinifikanti għall-bidla klimatika, bħal modi oħrajn ta' trasport, u li dawn l-effetti se jiżdiedu bit-tkabbir ta' l-avjazzjoni;

21.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 tal-ftehima ta' Novembru 2005 jisħqu l-iżjed fuq l-effetti negattivi possibbli ta' miżuri ambjentali u l-ħtieġa biex dawn jittaffew, minflok ma jkun hemm enfasi fuq il-ħtieġa ta' azzjoni ambjentali fl-avjazzjoni;

22.  Għalhekk jenfasizza l-ħtieġa kemm għan-naħa ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istati Uniti biex jieħdu miżuri effettivi biex inaqqsu l-impatt ambjentali negattiv ta' l-avjazzjoni, mingħajr esklużjoni minn qabel ta' kwalunkwe strument regolatorju, finanzjarju jew ta' tip ieħor biex jintlaħaq dan l-għan;

23.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tinkludi l-avjazzjoni fis-sistema ta' kummerċ ta' l-emissjonijiet Ewropej biex jitnaqqas l-impatt tas-settur ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika; jinnota li taħdidiet iridu jitwettqu ma' l-Istati Uniti fi stadju tal-bidu bil-ħsieb li jinkludu t-traffiku bl-ajru transatlantiku fi ħdan is-sistem Ewropea ta' kummerċ ta' l-emissjonijiet mill-2012 biex jippermettu l-avjazzjoni biex tkun inkluża fi ħdan il-perjodu ta' żmien stipulat;

24.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattika dwar it-tnaqqis ta' l-istorbju, filwaqt li jkunu rikonoxxuti d-differenzi f'ċirkustanzi lokali;

Politika soċjali

25.  Jistieden lill-partijiet li għandhom sehem ta' l-avjazzjoni ta' l-Istati Uniti u ta' l-UE biex jieħdu sehem fi djalogu kontinwu dwar standards soċjali, bl-għan li jippromwovu qbil reċiproku, kundizzjonijiet indaqs u fl-istess waqt livell għoli ta' standards soċjali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob għall-introduzzjoni ta' referenzi għal leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali fil-ftehima, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol inkorporati fil-konvenzjonijiet fundamentali ta' l-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), fil-linjigwida ta' l-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u fil-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali (1980);

27.  Jinsisti li l-leġiżlazzjoni soċjali ta' l-UE għandha tiġi applikata għall-ħaddiema reklutati u/jew li jaħdmu fl-Istati Membri ta' l-UE, b'mod partikulari d-Direttivi dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni tal-ħaddiema (2002/14/KE, 98/59/KE u 80/987/KE), id-Direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' staff mobbli fl-avjazzjoni ċivili (2000/79/KE) u d-Direttiva dwar l-impjegar ta’ ħaddiema fil-qafas tad-dispożizzjoni tas-servizzi (96/71/KE);

Il-proċess tan-negozjati

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm informazzjoni u konsultazzjoni sħaħ tal-Parlament Ewropew u tal-partijiet li għandhom sehem relevanti kollha qabel u matul in-negozjati;

29.  Jilqa' l-idea li jkun hemm laqgħat regolari bejn Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kungress ta' l-Istati Uniti biex jiddiskutu l-kwistjonijiet relevanti kollha rigward ftehima ta' l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kungress Amerikan.