Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0078/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0078/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.3.2007

biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Angelika Beer, Caroline Lucas, Jill Evans, Jean Lambert u Gisela Kallenbach
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari

Proċedura : 2007/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0078/2007
Testi mressqa :
B6-0078/2007
Testi adottati :

B6‑0078/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konsensus qawwi fl-UE biex jingħata nifs ġdid u jissaħħaħ l-NPT minn issa sal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2010 li għad trid issir,

–  wara li kkunsidra, u filwaqt li jerġa’ jisħaq ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-NPT, partikularment ir-riżoluzzjoni b’firxa wiesgħa tiegħu adottata fl-10 ta' Marzu 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari ta' Mejju 2005;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  iqis il-kunsens internazzjonali dejjem ikbar dwar l-urġenza tad-diżarm nukleari kif promossa mill-Koalizzjoni ta' l-Aġenda l-Ġdida u d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tas-Samit Dinji tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi (imlaqqa’ minn Mikhail Gorbachev u s-sindku ta' Ruma, Walter Veltroni) tat-30 ta' Novembru, 2006,

B.  iqis l-appell ta’ Dr Henry Kissinger, fost l-oħrajn, tal-5 ta’ Jannar ta’ l-2007 (ippubblikat f’The Wall Street Journal) dwar l-effett li d-dinja tinsab fuq "preċipizzju ta’ era nukleari ġdida u perikoluża" u li l-uniku mod kif kollha kemm aħna nevitawha hu li jinbena kunsens globali li jiżgura “viżjoni ta’ dinja ħielsa mill-armi nukleari” u biex issir ħidma “enerġetika” għal dak l-għan,

C.  iqis l-istqarrija ta’ Kofi Annan, li dak iż-żmien kien is-Segretarju Ġenerali tan-NU, tat-28 ta’ Novembru 2006 (fl-Università ta’ Princeton), li ż-żamma ta’ armi nukleari minn xi wħud tista’ timmotiva lil oħrajn biex jakkwistaw dan it-tip ta’ armi: "billi jżommu u jimmodernizzaw il-ħażna tagħhom... stati li għandhom l-armi nukleari jinkoraġġixxu lil stati oħra... sabiex iqisu l-armi nukleari bħala essenzjali, kemm għas-sigurtà tagħhom u kemm għall-istatus tagħhom"; f'din il-perspettiva, jinsab imħasseb li l-kredibilità ta’ l-UE biex tippromwovi l-NPT qed tiddgħajjef mill-pjanijiet kemm ta’ Franza kif ukoll ta’ l-Ingilterra biex jimmodernizzaw l-armament nukleari tagħhom,

D.  jinnota b’sodisfazzjon li l-Kampanja għall-Paċi, appoġġjata mill-Parlament Ewropew, tkompli tissaħħaħ, b'aktar minn 1 000 belt parteċipanti mill-UE biss (madwar 1 600 madwar id-dinja), permezz ta' l-affermazzjoni tagħha tal-'Viżjoni 2020' ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari sas-sena 2020,

E.  jenfasizza l-irwol tal-parlamenti u tal-parlamentari biex jippromwovu non-proliferazzjoni u diżarm nukleari u f'din il-perspettiva jilqa' l-isforzi tan-Netwerk Parlamentari globali dwar id-Diżarm Nukleari (PNND),

1.  Iħeġġeġ lill-Presidenza f’isem l-UE biex tippreżenta kontribuzzjoni koordinata, pożittiva u viżibbli ta’ l-NPT Prepcom ta’ Vjenna:

2.  Jistieden kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kmmissjoni biex jiċċaraw liema passi qed jaħsbu li jieħdu biex isaħħu t-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni u biex ifittxu multilateraliżmu effettiv kif stipulat fl-Istrateġija ta’ l-UE ta’ Diċembru 2003 kontra l-Proliferazzjoni ta' Materjali u Armi għad-Distruzzjoni tal-Massa;

3.  Jafferma li sabiex l-isforzi multilaterali jkunu effettivi dawn għandhom ikunu bbażati fuq viżjoni żviluppata sew għall-kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari fl-eqreb data possibbli;

4.  Iħeġġeġ lill-Presidenza biex kull sena qabel il-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2010 tippreżenta rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta' kull waħda mill-43 miżura adottati fil-Pożizzjoni Komuni ta’ l-UE ta' l-2005 dwar l-NPT;

5.  Iħeġġeġ lill-Presidenza biex waqt il-Prepcom tippromwovi numru ta’ inizjattivi ta’ diżarm, ibbażati fuq id-“Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u ta’ l-Għanijiet” li sar ftehim dwarha fl-aħħar tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-1995 u fuq it-“13-il Pass Prattiku” li kien sar ftehim unanimu dwaru fil-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT tas-Sena 2000 u għandhom jittejbu u jiġu implimentati sabiex isir progress (biex tkun evitata rigressjoni jew waqfien);

6.  B’mod partikulari jħeġġeġ lill-Presidenza biex jintrebaħ l-istaġnar attwali dwar it-twaqqif ta' Trattat dwar il-Qtugħ tal-Produzzjoni ta' Materjal Fissili (Fissile Material Cut off Treaty) li jkun verifikabbli, biex jitħaffu l-firma u r-ratifikazzjoni tat-Trattat Komprensiv ta' Projbizzjoni bi Prova (CTBT) mill-pajjiżi kollha, speċjalment dawk meħtieġa sabiex it-trattat jidħol fis-seħħ u twaqqif totali tal-provi ta' l-armi nukleari kollha sakemm is-CTBT jidħol fis-seħħ, biex jitbaxxa l-istatus operattiv attwali mill-Isparar ta' armi nukleari f'Każ ta' Twissija (Launch-on-Warning of nuclear weapons), biex jitnaqqas l-irwol ta' l-armi nukleari f'duttrini ta' sigurtà u ta' l-assigurazzjonijiet ta' sigurtà negattivi għal stati li m'għandhomx armi nukleari u jitkompla jitnaqqas in-numru ta' armi nukleari ta' l-Istati Uniti, tar-Russja, taċ-Ċina u ta' stati oħra li għandhom armi nukleari;

7.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Uniti biex tneħħi l-armi nukleari tagħha minn territorju Ewropew; iħeġġeġ ukoll lil Franza u lill-Ingilterra biex iwaqqfu, rispettivament, l-iżvilupp tal-programm missilistiku M51 u l-immodernizzar tal-programm tas-sottomarini b’armi nukleari Trident;

8.  Jistieden lill-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE, fil-qafas tar-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Istati Uniti, sabiex tqajjem il-kwistjoni dwar il-ftehima nukleari ta' bejn l-Istati Uniti u l-Indja u l-konsegwenzi tagħha fuq l-IAEA u l-Grupp tal-Fornituri Nukleari (NSG), u biex tagħmel talba effettiva fi ħdan l-NSG għal veto biex jiġu aġġustati l-Linji Gwida mifthema li jipprojbixxu l-provvista ta' apparat, materjal jew teknoloġiji nukleari lil kwalunkwe stat li ma jaċċettax is-salvagwardji komprensivi ta' l-IAEA dwar il-faċilitajiet nukleari kollha tiegħu;

9.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jibgħat delgazzjoni fi Vjenna sabiex tipparteċipa fl-avvenimenti tal-Prepcom ta' l-NPT; jirrikjedi lill-Presidenza sabiex tinkludi rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fid-delegazzjoni ta' l-UE (preċedent stipulat mid-delegazzjoni għall-Programm tan-NU tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-Azzjoni f’New York fl-2006);

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati membri ta' l-NU, lin-Netwerk Parlamentari dwar id-Diżarm Nukleari, lis-Sindki għall-Paċi, kif ukoll lill-organizatturi oħrajn tal-konferenza internazzjonali dwar id-diżarm nukleari fil-PE, li mistennija ssir fid-19 ta' April 2007.