MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.3.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stefano Zappalà, Karl von Wogau, Tunne Kelam, Vytautas Landsbergis u Bogdan Klich
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari
B6‑0087/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra u tenna r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni (NPT) u partikularment ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2005,
B. issottolinea li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-proliferazzjoni ta' l-Armi tal-Qerda tal-Massa u r-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU jenfasizzaw l-importanza tan-non-proliferazzjoni nukleari u diżarm, u jiddeskrivu l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa u l-metodu ta' twassil tagħhom bħala waħda mit-theddidiet l-aktar importanti għall-paċi u s-sikurezza internazzjonali,
C. ifakkar l-istqarrija fir-rapport tal-Bord Għoli tas-Secretarju Ġenerali tan-Nu dwar it-Theddidiet, l-Isfidi u l-Bidla 'Dinja aktar sikura: Ir-Responsabbilità tagħna lkoll' li 'qed noqorbu lejn punt fejn it-tgħawwir tar-reġim tan-non-proliferazzjoni jista' jsir wieħed irriversibbli u jirriżulta f'żieda qawwija fil-proliferazzjoni',
1. Jerġa jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li l-NPT huwa l-pedament tar-reġim globali ta' non-proliferazzjoni, is-sies essenzjali għall-promozzjoni ta' koperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari u element importanti sabiex jitmexxa 'l quddiem l-għan li jintlaħaq diżarm nukleari u diżarm ġenerali skond l-Artikolu VI tat-Trattat;
2. Jiddikjara li kull ksur li jdgħajjef ir-reġim globali tan-non-proliferazzjoni nukleari mhux għaqli u huwa imġieba irresponsabbli vis-à-vis il-kumplament tad-dinja, kemm jekk ikluż fl-NPT jew le;
3. Iħeġġeġ kemm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw b'mod attiv fid-diskussjonijiet li qed isiru fil-laqgħa tal-PrepCom ta' l-NPT fi Vjenna u sabiex jagħtu kontribut koordinat, sostanzjali u viżibbli lejn ir-riżultat pożittiv tal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2010;
4. Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jippreżenta rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni ta kull waħda mit-43 miżura adottata mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2005 relatata mal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2005 kif ukoll lista ta' impenji ġodda li l-Kunsill jispera li jilħaq fil-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2010;
5. Fl-isfond ta' tendenzi li qed jikbru u li jiksru jew idgħajjfu l-prinċipji ta' l-NPT, jistieden lill-partijiet kollha għall-NPT, speċjalment l-istati membri ta' l-UE, sabiex jieħdu pożizzjoni ta' prinċipju u ta' għaqda rigward dan il-ksur, billi jimplimentaw b'mod riġidu r-riżoluzzjonijiet xierqa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u deċiżjonijiet internazzjonali oħra rilevanti;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenza fil-kariga tal-Kunsill, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Istati kollha msieħba ta' l-NPT.