MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.3.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano u Carlos Carnero González
f'isem il-Grupp PSE
dwar ir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji
B6‑0096/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-Konferenza tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewro-Mediterranji ta' Tampere, COM 620(06);
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-tmien Konferenza tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin f'Tampere fis-27 u t-28 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea ta' Viċinanza, COM 726 (06),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ministerjali Ewro-Mediterranja għall-kummerċ, li saret f'Marrakexx fl-24 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-Forum Ċivili, li ltaqa' f'Marrakexx mill-4 sas-7 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-konferenzi li saru dwar il-kwistjoni ta' l-immigrazzjoni, il-konferenza Ewro-Afrikana ta' Rabat, fl-10 u l-11 ta' Lulju 2006, u l-konferenza ta' Tripoli tat-22 u t-23 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-reġjun Mediterranju u l-Lvant Nofsani għandhom importanza strateġika għall-UE, u billi hemm il-ħtieġa għal politika Mediterranja ta' solidarjetà sabiex jiġu ffaċċjati l-bosta sfidi komuni kif ukoll sabiex jintlaħqu objettivi li għandhom l-għan li jwaqqfu zona ta' paċi, stabilità u prosperità komuni,
B. billi ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr paċi, stabilità, solidarjetà u mingħajr it-tħaddim ta' tmexxija tajba; u li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun fil-qalba tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.
C. billi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina aggrava ruħu f'dawn l-aħħar snin, u billi dan wassal għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni umanitarja fl-Istrixxa ta' Gaza u fix-Xatt tal-Punent, u dan għandu konsegwenzi negattivi ħafna fuq is-sigurtà fir-reġjun kollu,
D. billi l-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewro-Mediterranji ddeċidew, f'Tampere, li jorganizzaw konferenza fl-2007 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu bi qbil mal-liġi internazzjonali, bħala miżura ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Mġiba Euromed, li ġie adottat matul is-Samit ta' Barċellona f'Novembru 2005,
E. Billi sa issa, l-Unjoni Ewropea ma għandiex politika komuni fil-qasam ta' l-immigrazzjoni u kull Stat Membru jimxi f'dan ir-rigward mad-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti minn pajjiż għall-ieħor,
F. billi l-immigrazzjoni illegali tiftaħ il-bieb għall-esplotazzjoni, għax xogħol sfurzat u għat-traffikar tal-bnedmin,
G. billi l-enfasi fuq il-fatt li l-integrazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika u soċjali tikkostitwixxi element essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetajiet,
H. billi l-problema tad-dejn u tad-defiċit kummerċjali fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea għandha effetti negattivi fuq l-iżvilupp tal-maġġoranza tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran,
I. b'kunsiderazzjoni għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea ta' Viċinanza (ENP), li fiha b'mod partikolari numru ta' proposti maħsuba sabiex jittejjeb sew l-impatt tal-politika ta' sħubija, sabiex ikun hemm possibiltajiet ġodda għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet komuni, sabiex jissaħħaħ id-djalogu politiku u tiżdied l-integrazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-politiki ta' l-Unjoni,
J. billi l-finanzjament li ngħata mill-UE lill-pajjiżi SEM (tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran) għall-perjodu 2007-2013 għandu jinżamm, minħabba l-piż kummerċjali, ekonomiku u strateġiku ta' dan ir-reġjun fir-relazzjonijiet tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea,
K. billi l-ħolqien ta' suq ta' l-enerġija Ewro-Mediterranju interkonness bis-sħiħ u integrat bl-estensjoni u l-integrazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija fir-reġjun Ewro-Mediterranju u 'l isfel mis-Sahara, flimkien mat-twettiq tal-proġetti ta' infrastruttura ta' l-enerġija neċessarji, għandhom vantaġġi enormi għall-imsieħba kollha,
L. billi jista' jkun utli li tiġi stabbilita konnessjoni bejn l-objettivi tal-politika Ewro-Mediterranja, u partikolarment id-dimensjoni ekonomika u finanzarja, u l-objettivi tar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-pajjiżi membri tal-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf,
M. billi l-EMPA hija l-istituzzjoni li tippermetti li jiġi intensifikat id-djalogu ġenerali bejn iż-żewġ reġjuni,
1. Iqis li huwa xieraq illi tissaħħaħ id-dimensjoni politika ta' viċinanza lejn in-Nofsinhar, tenut kont tal-kumplessità tar-relazzjonijiet mar-reġjun tal-Mediterran, li l-proċess ta' Barċellona rrappreżenta ppass sinifikanti fihom; jinnota li għadna l-bogħod milli nilħqu l-objettivi li permezz tagħhom ġiet imnidija din il-politika bil-għan illi jiġu stabbiliti relazzjonijiet stabbli, ibbażati fuq il-valuri komuni u mħaddna wkoll mill-ġirien il-ġodda ta' l-Ewropa mkabbra.
2. Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' l-ENP ma jistax jiġi llimitat għall-aġġornament tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ta' koperazzjoni ma' kull pajjiż ikkonċernat, billi titqiegħed enfasi biss fuq id-dimensjoni bilaterali, u jistieden lill-imsieħba kollha jniedu mill-ġdid u jaġġornaw l-objettivi strateġiċi u politiċi tal-Proċess ta' Barċellona, inkluż il-ħolqien ta' netwerks ta' koperazzjoni u l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar;
3. Jilqa' b'sudisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li l-ENP tingħata dimensjoni tematika, li l-ftehimiet ta' skambju liberu jidħlu iktar fil-fond u li jissaħħaħ l-appoġġ għar-riformi li jtejbu l-ambjent regolatorju u l-klima ta' investiment;
4. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel iktar konkreti r-relazzjonijiet bejn l-ENP u l-isħubija Ewro-Mediterranja billi żżid ftehimiet u programmi multilaterali ġodda f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-enerġija u mat-trasport filwaqt li ssaħħaħ dawk li diġà eżistenti;
5. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi mnidi mill-ġdid il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani filwaqt li tiġi kkunsidrata l-gravità tas-sitwazzjoni fuq il-pjan politiku u umanitarju; jikkunsidra li tnidija mill-ġdid tan-negozjati bbażati fuq il-pjan ta' ħidma ma jkunx biżżejjed mingħajr kunsiderazzjoni ta' proposti l-oħra, bħall-Pjan Għarbi ta' l-2002 u l-parteċipazzjoni ta' l-operaturi kollha tar-reġjun fin-negozjati.
6. Jerġa' jisħaq it-tħassib tiegħu rigward il-gravità tal-qerda sistematika tar-riżorsi naturali u tal-potenzjal uman permezz tad-diversi kunflitti li għaddejjin bħalissa; jitlob li ssir mobilizzazzjoni ikbar tal-miżuri politiċi u ekonomiċi, fil-qafas tas-Sħubija u tal-programm ta' azzjoni għal ħames snin, sabiex jiġu ffaċċjati dawn il-problemi;
7. Jinsisti fuq l-importanza ta' djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet filwaqt li tiġi affirmata mill-ġdid in-neċessità li jiġu osservati l-valuri komuni u l-iżvilupp ta' l-Istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dak kollu li tista' għat-twaqqif ta' kumitati għad-"demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem" flimkien mal-pajjiżi kollha firmatarji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-ENP u jitlob lill-pajjiżi sħab josservaw l-impenji tagħhom speċjalment f'dak li jirrigwarda l-każijiet individwali; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiddefinixxu flimkien ma' l-sħab tagħna miżuri li jippermettu l-applikazzjoni tal-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem fuq bażi ta' kriterji kemm li jorbtu iktar u kemm li huma iktar effettivi;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa tiġi kkunsidrata iktar fil-politiki ta' għajnuna u fil-programmi Ewro-Mediterranji fil-pajjiżi msieħba;
10. Jerġa' jisħaq fuq l-importanza ta' politika soċjali, li toħloq ix-xogħol, l-iktar għaż-żgħażagħ, partikolarment permezz tat-twaqqif ta' klima favorevoli għaż-żieda fl-investimenti diretti barranin u li tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ sabiex joħolqu impriżi ġodda fil-livell lokali billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti xierqa, bħall-mikrokrediti; iqis li politika ta' taħriġ u edukazzjoni hija essenzjali għall-integrazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u ekonomika;
11. Jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lil dawk tal-pajjiżi Mediterranji msieħba sabiex jiżguraw li l-prinċipji strateġiċi, politiċi u ekonomiċi tagħhom jikkunsidraw l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u ta' Götenborg dwar l-iżvilupp sostenibbli u ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija Mediterranja għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jikkunsidraw ukoll it-tnaqqis neċessarju fin-nuqqas ta' ugwaljanza u tad-disparitajiet bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran;
12. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba sabiex jagħtu importanza ikbar lill-problemi ta' l-ambjent u partikolarment sabiex jaffaċċjaw il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fil-bliet u ta' l-attivitajiet industrijali u kummerċjali fuq ix-xtut taż-żewġ naħat tal-Mediterran;
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet soċjali u ta' l-unjins fl-implimentazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja u teknika tagħhom lill-pajjiżi msieħba; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timplimenta programm reġjonali għall-kostruzzjoni ta' spazju soċjali u Ewro-Mediterranju, ibbażat fuq Djalogu Soċjali bejn l-imsieħba kollha li għandhom ix-xogħol bħala għan prijoritarju;
14. Jitlob li l-istrateġija Ewropea fir-reġjun tiżviluppa investimenti ikbar fuq il-pjan tal-politiki u tar-riżorsi finanzjarji fid-dimensjoni reġjonali u intrareġjonali tas-sħubija li tikkostitwixxi l-valur miżjud ta' din l-istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni, sabiex kif kien deċiż waqt l-adozzjoni tal-baġit ta' l-UE għall-2007, tiżgura t-twaqqif ta' dokumenti strateġiċi u ta' programmi relatati, li r-riżorsi globali marbutin ma' l-azzjonijiet reġjonali u multilaterali jinżammu fil-livell tagħhom għal perjodu 2000-2006, b'kunsiderazzjoni għal fatt li skond il-Kummissjoni, dan il-livell huwa ekwivalenti għal 20% mit-total tar-riżorsi;
15. Jenfasizza li l-immigrazzjoni hija parti importanti mir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u jfakkar fil-ħtieġa għal koperazzjoni msaħħa u għal djalogu kostruttiv bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn dawn ta' l-aħħar u l-pajjiżi ta' l-oriġini u ta' tranżitu fil-Mediterran f'dak li għandu x'jaqsam mal-qsim tar-responsabilità; jitlob li minnufih ikun hemm kollaborazzjoni operazzjonali u li jkun hemm għajnuna teknika bejn is-servizzi ta' kontroll fuq il-fruntieri fl-Istati Membri u li jiżdied il-pakkett finanzjarju allokat għal FRONTEX u għall-proġetti marbuta mal-politika ta' l-immigrazzjoni fil-Mediterran;
16. Jenfasizza l-bżonn ta' politika Ewropea komuni fil-qasam ta' l-immigrazzjoni u l-ażil u t-tmexxija aktar rigoruża tal-flussi migratorji, iktar globali u bbilanċjati li jibbenefikaw minnhom il-popli tal-Mediterran; jenfasizza l-importanza, fi spirtu ta' sħubija u fuq il-bażi tal-Programm ta' ħidma fuq 5 snin ta' Barċellona, li jinfetħu opportunitajiet għal immigrazzjoni legali filwaqt li jkun hemm ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali ta' l-immigranti u tal-persuni li jkunu qed ifittxu ażil; jitlob sabiex issir ġlieda kontra l-isfruttar u t-traffikar tal-bnedmin;
17. Jinsisti bis-saħħa fuq it-twaqqif ta' politika għall-integrazzjoni denja ta' isimha u l-applikazzjoni tad-drittijiet ċivili ta' l-immigranti; jipproponi t-twaqqif ta' Kodiċi ta' Mġiba għall-osservazzjoni ta' l-etikett fil-prattiki tar-reklutaġġ, fil-promozzjoni ta' Xogħol Diċenti u fir-responsabilità ta' l-intrapriżi Ewropej;
18. Jitlob li jiġu konklużi ftehimiet ekwitabbli għall-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni u li titwaqqaf politika effikaċi għar-ritorn fil-pajjiż, speċjalment bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 tal-Ftehima ta' Cotonou u d-dispożizzjoniji marbuta mal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u mal-programmi ta' Viċinanza Ewro-Mediterranji; iqis importanti li jiġu studjati u indirizzati l-'push factors' li jwasslu sabiex in-nies iħallu pajjiżhom u jissuġġerixxi t-twaqqif ta' programmi ċari ta' l-għajnuna għall-iżvilupp u l-investiment fil-pajjiżi ta' l-oriġini u ta' tranżitu tal-Mediterran, kif ukoll l-organizzazzjoni ta' kampanji informattivi dwar l-immigrazzjoni u d-dritt għall-ażil; jitlob fuq xewqa tiegħu li jitwaqqfu mekkaniżmu li jiffranka l-flus għall-iżvilupp kif ukoll fond ta' garanzija;
19. Jitlob li t-tqassim ġeografiku ta' l-għajnuna esterna previst fil-baġit Komunitarju bejn id-diversi blokki reġjonali jikkunsidra. b'mod partikolari, l-interessi ta' l-UE kemm fil-qasam ekonomiku u kummerċjali u kemm f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà, sabiex l-istrateġija Ewropea fir-rigward ta' l-imsieħba l-oħra bl-ebda mod ma tmur kontra l-impenji tagħha illi tiżviluppa konnessjonijiet iżjed mill-qrib ma' l-imsieħba tagħha fil-Mediterran;
20. Jilqa' b'sudisfazzjon ir-riżultati pożittivi tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' investiment u ta' sħubija (FEMIP) fil-qafas tal-Bank Ewropew għall-Investiment;
21. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ ta' l-appoġġ tal-FEMIP lis-settur privat, speċjalment rigward l-SMEs u jitlob li tittieħed inizjattiva ġdida bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Ewro-Mediterranji tagħha sabiex l-FEMIP tiġi trasformata fil-Bank Ewro-Mediterranju għall-investiment u l-iżvilupp;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex iniedu proposta bil-għan li tiġi vverifikata l-possibilità ta' koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha msieħba u l-pajjiżi membri tal-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf, partikolarment fil-qasam finanzjarju u ekonomiku;
23. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta' inizjattivi li diġà ġew ikkonfermati fil-Konferenza Ewro-Mediterranja f'Marrakexx, jiġifieri n-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u d-dritt ta' stabbiliment, in-negozjati dwar l-approfondiment tal-liberalizzazzjoni fil-qasam ta' l-agrikoltura, it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' soluzzjoni tal-kunflitti u l-konverġenza tar-regoli;
24. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi msieħba sabiex ikomplu jaħdmu għal integrazzjoni bil-mod tas-swieq ta' l-enerġija Ewro-Mediterranji, għat-twettiq tal-programmi ta' l-enerġija fl-interess komuni u għall-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli, bi qbil mal-pjanijiet u mal-programmi nazzjonali;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koperazzjoni għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran, permezz ta' miżuri li jikkonċernaw id-diversifikazzjoni tar-riżorsi ta' l-enerġija, il-promozzjoni ta' l-effikaċità ta' l-enerġija, metodi ta' konservazzjoni, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, attivitajiet dwar ir-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll permezz tat-tisħiħ ta' l-opportunitajiet finanzjarji għall-proġetti ta' l-enerġija fl-interess komuni;
26. Jitlob lill-Kunsill sabiex iżomm post attiv fost il-mistednin, fl-EMPA, għal-laqgħat u għall-konferenzi ministerjali EUROMED;
27. Jitlob lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni lill-Bureau ta' l-EMPA, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.