MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
18.4.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Angelika Niebler
f'isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar in-negozjati ta' kuntratt ta' konċessjoni Galileo
B6‑0155/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati ta' kuntratt ta' konċessjoni Galileo
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-iskjerament u l-fażijiet kummerċjali operattivi tal-programm Ewropew tal-programm ta' radju navigazzjoni bis-satellita (COM(2004) 0477),[1] u l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-6 ta' Settembru 2005,
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Istatuti ta' l-Intrapriża Konġunta Galileo,[2] annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 (http://ec.europa.eu/prelex/liste_resultats.cfm?CL=en&ReqId=0&DocType=COM&DocYear=2006&DocNum=0351COM(2006)0351), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2006,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-twaqqif ta' strutturi għall-immaniġġjar tal-programmi Ewropej tar-radju navigazzjoni bis-satellita [3] u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda dan ir-Regolament (http://ec.europa.eu/prelex/liste_resultats.cfm?CL=en&ReqId=0&DocType=COM&DocYear=2005&DocNum=0190COM(2005)0190), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' l-10 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2006 dwar analiżi ġenerali tal-Programm Galileo,[4]
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għat-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija (TTE) fit-22 ta' Marzu 2007 dwar analiżi ġenerali tan-negozjati ta' kuntratt ta' konċessjoni,
– wara li kkunsidra d-dokumenti relevanti ppreżentati lill-Ministri TTE, bħall-ittra mill-Viċi President Barrot tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tan-negozjati ta' konċessjoni u r-rapport mill-President attwali tal-Kunsill rigward il-kwistjonijiet pendenti elenkati mill-konsorzju li għamel l-offerta,
– wara li kkunsidra l-mandat doppju mogħti mill-Kunsill TTE fuq il-Viċi President Barrot tal-Kummissjoni Ewropea biex jippreżenta lill-laqgħa tal-Kunsill ta' Ġunju proposti biex jiżguraw l-objettivi finanzjarji pubbliċi fuq perjodu ta' żmien fit-tul u għal possibilitajiet alternattivi, fil-każ ta' falliment, biex ikomplu negozjati effettivi u bi żmien li jorbot mal-konsorzju li għamel l-offerta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Programm Galileo, inklużi s-servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita EGNOS bħala prekursur ta' Galileo, iżda huwa mħasseb serjament bil-fatt li n-negozjati ta' konċessjoni waqfu għal bosta xhur u li dewmien bħal dan se jkollu impatt sinifikattiv fuq l-ispiża ġenerali;
2. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2006, li stiednet lill-partijiet ikkonċernati fin-negozjati biex jilħqu ftehima b'mod kostruttiv; għalhekk, jilqa' l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Programm Galileo u l-konklużjonijiet tal-Kunsill TTE tat-22 ta' Marzu 2007, u jenfasizza l-importanza tal-partijiet ikkonċernati li jimplimentaw id-deċiżjonijiet milħuqa f'Diċembru 2005 ('l hekk imsejħa ftehima van Miert);
3. Jinnota li l-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi ta' l-UE jappoġġjaw b'mod qawwi l-mandat ċar mogħti lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Programm Galileo biex iressaq lill-Kunsill ta' Ġunju, b'mod partikulari:
- a.pjan direzzjonali kredibbli biex jintlaħqu l-konklużjonijiet kuntrattwali mill-aktar fis possibbli,
- b.soluzzjonijiet possibbli biex jiżguraw obbligi finanzjarji fuq perjodu ta' żmien fit-tul,
- c.possibilità għal dispożizzjoni mill-aktar fis possibbli ta' servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita EGNOS,
- d.possibilitajiet alternattivi għat-twettieq tal-programm, b'mod speċjali għal spejjeż, riskju u prezz li jkun possibbli li jitħallas;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi b'rittmu mgħaġġel fir-rigward tal-leġiżlazzjoni relatata mas-suq regolat, ibbażat fuq il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjonijiet tan-Navigazzjoni bis-Satellita, biex tiżgura pjan ta' negozju kredibbli;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq proposta - flimkien ma' l-ESA - kapaċi li ssolvi l-problema ta' tmexxija pubblika aħjar billi tiżgura responsabilità u tmexxija politika ċara min-naħa tal-Kummissjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-karatteristika Komunitarja tal-proġett, biex tirrispetta il-Ftehima ta' Qafas dwar relazzjonijiet bejn il-PE u l-Kummissjoni u,[5] b'mod partikulari, il-paragrafu 19 tagħha dwar ir-relazzjonijiet esterni, u b'hekk biex tiżgura li l-Parlament ikun infurmat b'mod sħiħ bl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li tikkonkludi ftehimiet dwar is-sħubija assoċjata tagħhom għal parteċipazzjoni fl-Awtorità Superviżorja Galileo;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżentalu rapport ta' progress wieħed sa nofs Lulju 2007 u ieħor ferm qabel ma n-negozjati jilħqu l-punt ta' proposta riveduta għal bażi legali modifikata għal iffinanzjar tal-Programm Galileo ikun disponibbli;
8. Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li kwalunkwe dewmien ieħor għal dan il-proġett jibqa' f'livell minimu;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.