Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0157/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0157/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

18.4.2007

imressqa skond l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura
mill- Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali ta' kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta' setturi operattivi
(C6‑0000/0000)

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0157/2007
Testi mressqa :
B6-0157/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0157/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali ta' kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta' setturi operattivi
(C6‑0000/0000)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali ta' kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta' setturi operattivi (C6 0000/0000),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2006/512/KE tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tapplika standards internazzjonali ta' kontabilità għall-kontijiet konsolidati ta' kumpaniji ta' l-UE kkwotati fil-borża; billi dawn l-istandards ta' kontabilità huma mdaħħlin fil-liġi ta' l-UE permezz ta' komitoloġija skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju,

B.  billi fil-proċess ta' konverġenza bejn l-IFRS u l-GAAP ta' l-Istati Uniti l-IASB iddeċieda li jissostitwixxi l-IAS14 bl-IFRS 8,

1.  Huwa mħasseb dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tapprova l-IFRS 8 li permezz tiegħu għandha l-ħsieb li tinkorpora l-SFAS 131 ta' l-Istati Uniti fil-liġi ta' l-UE u b'hekk timponiha fuq il-kumpaniji ta' l-UE kkwotati fil-borża;

2.  Jinnota li din l-approvazzjoni għall-IFRS 8 timplika t-tranżazzjoni minn reġim li jiddefinixxi b'mod ċar kif il-kumpaniji ta' l-UE kkwotati fil-borża jeħtieġu jiddefinixxu u jirrapurtaw fir-rigward tas-setturi għal approċċ li jippermetti lill-amministrazzjoni nnifisha li tiddefinixxi s-setturi operattivi li l-aktar li hija ssib adegwati u li barra minn hekk jirrikjedi livell aktar baxx ta' rrappurtar u jista' għaldaqstant iwassal għal nuqqas ta' konsistenza fir-rappurtar;

3.  Jemmen li l-istandard adottat għandu jinkludi miżura ddefinita ta' qligħ jew telf settorjali, bħalma jagħmel l-IAS 14;

4.  Jenfasizza li l-istandard IFRS 8, li ma jirrikjedix li l-kumpaniji jużaw miżuri ta' l-IFRS fl-irrappurtar tagħhom dwar is-setturi operattivi, jista' jkollu impatt negattiv fuq il-komparabilità ta' informazzjoni finanzjarja u b'hekk jista' jkun ta' problema għall-utenti (eż. investituri);

5.  Huwa mħasseb li, kontra l-prinċipji ta' regolamentazjoni aħjar, il-Kummissjoni qed tipproponi li ddaħħal fil-liġi ta' l-UE standard barrani mingħajr ma twettaq ebda studju ta' impatt;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt li jista' jkollu pass bħal dan fuq it-tfassil tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u fuq l-utenti tagħhom fl-UE u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitwettqu dan l-istudju ta' l-impatt;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b'mod urġenti twettaq studju bir-reqqa ta' l-impatt qabel ma tapprova l-istandard;

8.  Jenfasizza li jekk il-Kummissjoni tonqos li tagħmel dan, il-Parlament jagħmel l-istudju ta' l-impatt tiegħu;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.