PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL
23.4.2007
minn Graham Watson, Marco Pannella, Marco Cappato u Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-produzzjoni ta' l-opju għal skopijiet mediċi fl-Afganistan
B6‑0187/2007
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-produzzjoni ta' l-opju għal skopijiet mediċi fl-Afganistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politiki ta' droga fuq livell internazzjonali huma meħuda mill-Konvenzjonijiet ta' l-1961, l-1971 u l-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi dawn il-konvenzjonijiet jipprojbixxu b'mod partikulari, il-produzzjoni, it-traffikar, il-bejgħ u l-konsum ta' firxa sħiħa ta' sustanzi ħlief għal skopijiet mediċi jew xjentifiċi, fejn dawn ta' l-aħħar huma permessi bil-kundizzjoni li l-pajjiżi jwaqqfu Aġenziji Nazzjonali biex jissorveljaw il-produzzjoni, l-irfinar u t-trasport u l-kummerċ ta' dawk is-sustanzi,
B. billi r-Rapport 2006 maħruġ mill-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) fl-1 ta' Marzu 2007, jiddikjara li fl-Afganistan l-erja totali li użata għall-kultivazzjoni illeċita tax-xaħxieħ żdiedet għal ammont rekord ta' 165,000 ettaru, żieda ta' 59% fuq iċ-ċifra ta' l-2005, u aktar mid-doppju taċ-ċifra ta' l-2003,
C. billi r-rapport intitolat 'Afganistan: Strħarriġ ta' l-2006 dwar l-Opju' miġbur mill-Uffiċċju tan-NU dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) jenfasizza li s-sena li għaddiet, l-erja użata għall-koltivazzjoni illeċita ta' l-opju f'dak il-pajjiż laħqet livell rekord ta' madwar 6,100 tunellata, żieda ta' 50% fuq iċ-ċifra tas-sena ta' qabel,
D. billi ċ-ċifri ta' hawn fuq juru b'mod ċar li se jkun impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fid-dikjarazzjoni politika adottata mill-UNGASS (l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti) fl-1998 f'New York, rigward il-qerda totali jew tnaqqis sostanzjali ta' l-uċuħ tar-raba' illeċiti sa l-2008,
E. billi l-Istrateġija Nazzjonali Afgana għall-Kontroll tad-Drogi li ġiet adottata f'Jannar ta' l-2006, tindirizza t-tnaqqis kemm tal-provvista u kif ukoll tad-domanda, l-għajxien alternattiv u t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet governattivi, u billi l-'Ministeru ta' Kontra n-Narkotiċi', imwaqqaf b'finanzjament sostanzjali Ewropew, huwa l-aġenzija ewlenija għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija,
F. billi fl-1 ta' Awwissu 2006, il-Gvern ta' l-Afganistan waqqaf il-Kumitat għar-Regolazzjoni tad-Drogi, li huwa magħmul minn uffiċċjali mill-Ministeri ta' Kontra n-Narkotiċi, tas-Saħħa u tal-Finanzi, sabiex 'jiġu regolati l-liċenzjar, il-bejgħ, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tad-drogi kollha bi skopijiet illeċiti fil-pajjiż',
G. billi l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' l-1961 tan-NU jiddikjara li 'kull meta l-kundizzjonijiet prevalenti f'pajjiż jew territorju ta' Parti kontraenti jrendu l-projbizzjoni tal-koltivazzjoni tax-xaħxieħ [...] l-aktar miżuri xierqa, fl-opinjoni tiegħu, biex jitħarsu s-saħħa u l-benesseri pubbliċi u għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni tad-drogi għal ġewwa traffiku illeċitu, il-Parti konċernata għandha tipprojbixxi l-koltivazzjoni' u billi jqis li l-kundizzjonijiet prevalenti fl-Afganistan ma jistgħux jiżguraw l-impożizzjoni ta' sistema effettiva ta' kontroll tal-koltivazzjoni tax-xaħxieħ permezz ta' projbizzjoni,
H. billi barra minn hekk, kemm il-Bank Dinji u kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali jistmaw li kważi 40% tal-Prodott Gross Domestiku ta' l-Afganistan huwa relatat ma' l-opju, u li xi 2.9 miljun persuna (12.6% tal-popolazzjoni) huma involuti fis-settur tax-xaħxieħ,
I. billi sitta biss mill-34 provinċja fil-pajjiż huma ħielsa mix-xaħxieħ u billi b'mod partikulari fil-provinċja tan-nofsinhar ta' Helmand, fejn l-attakki mit-Taliban kontra l-gvern u t-truppi internazzjonali żdiedu, il-koltivazzjoni illeċita żdiedet għal 69,300 ettaru,
J. billi l-Unjoni Ewropea tibqa' l-ikbar donatur għall-isforzi mmirati biex jitnaqqsu l-provvista ta' l-opju permezz ta' proġetti għall-promozzjoni ta' għajxien alternattiv - li huwa meħtieġ ħafna anki biex jikkomplementa d-dieta nazzjonali - biex jieħu post il-koltivazzjoni illeċita billi qed tikkunsidra prattiki aktar intrużivi bħall-kontroll permezz ta' l-eradikazzjoni,
K. billi fl-2005, il-'Kunsill ta' Senlis' tal-Grupp ta' Politika għas-Sigurtà u l-Iżvilupp iffinalizza studju ta' fattibilità dwar il-produzzjoni ta' l-opju fl-Afganistan, li ġie ppreżentat f'Kabul f'Settembru ta' dik is-sena,
L. billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa indikat li 10 pajjiżi jikkunsmaw 80% tad-derivati ta' l-opju disponibbli legalment madwar id-dinja, billi l-180 stat l-oħra li jinkludu l-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jikkonsistu fi 80% tal-popolazzjoni tad-dinja, u billi l-INBC stiednet lill-komunità internazzjonali biex tippromwovi l-preskrizzjoni ta' mediċini għall-uġigħ speċjalment fil-pajjiżi foqra, fejn kien hemm żieda straordinarja ta' nies bl-HIV/AIDS u fejn 'il fuq minn 15-il miljun każ ta' kanċer huma mistennija fl-10 snin li ġejjin,
M. billi l-Istati Uniti tistma li l-ħtieġa ta' drogi narkotiċi għall-2007 għall-Afganistan hija ta' 15,000 gramma ta' Kodeina, 375,000 gramma ta' Dextropropoxyphene, 7,500 gramma ta' Diphenoxylate, 3,000 gramma ta' Morfina, 60,000 gramma ta' Petidina u 70,000 gramma ta' Folkodina,
N. jikkundanna l-fatt li r-ribelli, il-kmandanti tal-gwerra, it-Taliban u l-gruppi terroristiċi jsibu s-sors ewlieni ta' fondi tagħhom fit-traffikar tan-narkotiċi illegali,
O. konvint li sabiex jiġu promossi u jissaħħu l-paċi u s-sigurtà fl-Afganistan, hemm bżonn li l-preżenza militari tiġi komplementata b'koperazzjoni ċivili dejjem akbar biex jitrawmu l-iżvilupp u l-progress,
P. konvint li l-promozzjoni ta' proċess ta' bini ta' istituzzjonijiet, demokratizzazzjoni u affermazzjoni ta' l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jistgħu jseħħu biss permezz ta' politiki li ma jimponux soluzzjonijiet vjolenti għal prattiki mhux vjolenti, bħall-qerda furzata ta' l-uċuħ tar-raba',
1. Jindirizza r-rakkomandazzjoni li ġejja lill-Kunsill:
iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni - skond l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - rigward strateġija komprensiva 'kontra n-narkotiċi' fl-Afganistan, li għandha tipprovdi għall-produzzjoni ta' xaħxieħ għal skopijiet mediċi biex tintuża, fil-qafas ta' proġett pilota mmaniġġjat b'mod internazzjonali, għall-produzzjoni ta' analġeżiċi bbażati fuq l-opju għas-suq nazzjonali Afgan u possibilment għal dawk il-pajjiżi li jesperjenzaw nuqqas ta' disponibilità ta' derivati ta' l-opju;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, sabiex tkun infurmata, lill-Kummissjoni.