Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0190/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0190/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.5.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda, Reino Paasilinna and Panagiotis Beglitis
f’isem il-Grupp PSE
dwar is-Samit UE-Russja

Proċedura : 2007/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0190/2007
Testi mressqa :
B6-0190/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0190/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (PCA), li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li tiskadi fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar ir-Russja u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar is-Samit UE-Russja[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kienu qed jikbru b'mod kostanti tul l-aħħar ftit snin u b'hekk wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika profonda u komprensiva, li mistennija jiżdiedu aktar fil-futur qarib,

B.  billi koperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta' l-Ewropa kollha u l-Istati ġirien,

C.  billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa hija ta' importanza kbira għal din il-koperazzjoni ikbar, b'mod partikolari fir-rigward ta' żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bbażati fuq l-ugwaljanza, it-trasparenza u r-rispett ghall-proċeduri rikonoxxuti fil-kamp internazzjonali, għat-tisħiħ tas-sigurtà u ta' l-istabilità fl-Ewropa billi jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi għall-kunflitti reġjonali fil-viċinanzi komuni, u għat-tkomplija tat-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-qafas demokratiku bħala bażi għal dawn ir-relazzjonijiet,

D.  billi l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' l-erba' oqsma komuni, b'qasam ekonomiku komuni, qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, qasam ta' sigurtà esterna u qasam ta' riċerka, edukazzjoni u kultura għandhom ikunu fil-qalba tan-negozjati dwar din il-Ftehima ta' Sħubija Strateġika ġdida,

E.  billi ftehima futura bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għandha tinkludi l-prinċipji tal-Karta ta' l-Enerġija mmirata lejn it-tiġdid tar-rabtiet u u t-tnaqqis tat-tħassib ta' l-Ewropa li r-Russja qed tuża r-riżorsi vasti tagħha bħala arma politika,

F.  billi l-Litwanja qed thedded li timblokka ftehima dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar l-għeluq ta' pajplajns taż-żejt Russi ta' Druzhba li huma marbuta mar-raffinerija Litwana f'Mazeikiu Nafta minn Ġunju 2006 minħabba allegazzjonijiet li t-tiswijiet ta' lijk minn Transneft, l-operatur Russu tal-pajplajn, qed isiru bil-mod apposta,

G.  billi t-tensjonijiet bejn l-Estonja u r-Russja qed jikbru minħabba t-tneħħija ta' l-istatwa ta' suldat tal-bronż miċ-ċentru tal-belt ta' Talinn, statwa li tonora lit-truppi Sovjetiċi li nqatlu matul it-Tieni Gwerra Dinjija; billi l-kunsiderazzjonijiet tar-Russja li timponi sanzjonijiet fuq l-Estonja jistgħu jwasslu għal aktar dewmien fin-negozjati mar-Russja dwar il-PCA,

H.  billi l-UE u r-Russja qed jiddiskutu t-twaqqif 'hotline' għall-kriżijiet ta' l-enerġija li tippermetti lill-uffiċjali minn Brussell u Moska sabiex jikkuntatjaw lil xulxin b'mod instantanju sabiex jevitaw diżordni potenzjali fil-forniment ta' gass u żejt minħabba problemi politiċi u aċċidenti tekniċi,

I.  billi t-tnedija ta' Ftehima ta' qafas ġdida bejn l-UE u r-Russja sabiex il-PCA jiġi sostitwit, li tiskadi fl-2007 u li se tinkludi lill-Bulgarija u lir-Rumanija, tkun prova pożittiva li l-UE u r-Russja it-tnejn jixtiequ jistabbilixxu bażi għal iktar koperazzjoni intensiva, b'mod partikolari rigward l-interessi komuni fl-enerġija u s-sigurtà,

J.  billi n-negozjati dwar il-ftehima ta' qafas ġdida damu biex bdew, u saru fuq il-kundizzjoni li Moska tneħħi l-projbizzjoni ta' importazzjonijiet ta' laħam mill-Polonja, projbizzjoni li ġiet introdotta fl-2005; billi qed isiru sforzi mill-UE sabiex jinstab kompromess fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam mill-Polonja biex jintemm dan l-impass politiku,

K.  billi wara xhur ta' negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Presidenza Ġermaniża u l-Polonja min-naħa waħda u r-Russja min-naħa l-oħra, ir-Russja tidher li hija lesta ssib kompromess ma' l-UE f'attentat li jintemm dan l-impass li jippermetti liż-żewġ naħat jinvolvu ruħhom f'negozjati dwar il-ftehima ta' qafas ġdida,

L.  billi hemm tħassib dejjem jikber dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt fir-Russja mill-Komunità internazzjonali, b'mod partikolari rigward il-libertà tal-kelma u d-dritt ta' l-għaqda,

M.  billi kemm ċittadini ta' l-UE li jivjaġġaw lejn ir-Russja u kemm ċittadini Russi li jippruvaw jidħlu fl-UE, bħalissa qed jaffaċċjaw kontrolli kumplessi tal-visa,

N.  billi l-pjanijiet ta' l-Istati Uniti li jinstallaw sistema ta' missili anti-ballistiċi fuq territorju Ewropew, speċjalment fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka, inkwetaw lir-Russja u kkawżaw dibattitu jaħraq dwar il-bilanċ tal-poter u t-tellieqa ta' l-armi potenzjali,

1.  Jagħraf l-importanza tar-Russja bħala msieħba strateġika għall-koperazzjoni, li magħha l-Unjoni Ewropea taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-għan ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-UE kollha fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja; jistieden għalhekk lill-UE sabiex tkompli titkellem b'vuċi waħda fil-laqgħat tagħha mar-Russja, biex b'hekk tippreżenta saħħa politika akbar fl-interess ta' l-Istati Membri kollha tagħha u fuq kollox, l-interessi Ewropej;

3.  Jilqa' b'sudisfazzjon l-iskambju kontinwu ta' l-opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Russja; madankollu jenfasizza li s-sitwazzjoni kurrenti fir-Russja tagħti lok għal tħassib serju rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazjija, għal-liberta' ta' l-espressjoni, u għad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-individwi biex jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli ta' l-azzjonijiet tagħhom;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu tal-forza mill-awtoritajiet Russi kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-gvern f'Moska u f'San Pietruburgu f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat; jenfasizza li l-libertà tal-kelma u d-dritt ta' l-għaqda huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk kontinwazzjoni ta' din it-tendenza se jkollha effett negattiv fuq ir-reputazzjoni ġenerali tar-Russja;

5.  Jistieden lir-Russja, li hija membru tan-Nazzjonijiet Uniti, l-OSCE u l-Kunsill ta' l-Ewropa, sabiex tissodisfa l-obbligazzjonijiet li tosserva u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' l-għaqda u l-libertà tal-kelma mingħajr l-ebda riżerva;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jimmoniterjaw is-sitwazzjoni kurrenti u l-iżviluppi futuri fir-Russja; ifakkar li dibattitu wiesa' dwar is-sitwazzjoni fir-Russja għandu jkun fuq l-aġenda tal-Kunsill;

7.  Jenfasizza l-bżonn li jaħdem flimkien mar-Russja bħala msieħba strateġika meħtieġa sabiex jipprovdu paċi, stabbilità u sigurtà, u sabiex jiġġieldu t-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà oħra bħal ma huma perikli ambjentali u nukleari, drogi, traffikar ta' armi u ta' bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali fil-viċinat Ewropew b'kollaborazzjoni ma' l-OSCE u fora internazzjonali oħra;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu l-inizjattivi konġunti mal-gvern Russu sabiex tissaħħaħ id-demokrazija, s-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bażiċi fil-Belarus u l-isforzi konġunti sabiex fl-aħħar jissolvew il-kunflitti fil-Moldova, f'Georgia u f'Nagorno Karabakh; jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex jassumu r-responsabilità tagħhom bħala membri tal-Kwartett għas-soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani u sabiex jippromwovu l-isforzi sabiex tittella' konferenza tal-paċi internazzjonali dwar ftehima reġjonali għall-paċi fl-Lvant Nofsani;

9.  Jinnota li kemm l-UE u kemm ir-Russja għandhom interess komuni fis-soluzzjonijiet multilaterali ta' kwistjonijiet globali; ifakkar li l-fiduċja u l-ftehim reċiproku għandhom ikunu l-bażi ta' sħubija effettiva għal żmien twil; jenfasizza li ż-żewġ partijiet għandhom jappoġġjaw l-irwol u l-inizjattivi tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni permezz ta' kompromess għall-istatus tal-Kosovo li tiżgura paċi u stabbilità fir-reġjun kollu; jilqa' l-approċċ tar-Russja fit-taħdidiet tas-sitt-nazzjonijiet mal-Korea ta' Fuq u jappella lir-Russja sabiex turi approċċ simili għal kisba ta' soluzzjoni għall-iżviluppi fl-Iran, l-Iraq u l-Ażja Ċentrali;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dikjarazzjonijiet li għamel il-President Putin b'retaljazzjoni għall-pjanijiet ta' l-Istati Uniti li tinstalla missili anti-ballistiċi fl-Ewropa u jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu; Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-proposta ta’ l-Istati Uniti biex iqiegħdu komponenti tad-difiża tagħha kontra l-missili fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka, li tista’ twassal għal tellieqa ta’ l-armi ġdida u konsegwentement tnaqqas minflok issaħħaħ is-sigurtà globali u għalhekk jitlob li ssir diskussjoni bir-reqqa dwar dawn il-proposti kemm fil-qafas ta’ l-UE u kif ukoll f'dak tan-NATO; jistieden lill-Istati Uniti u s-sħab tagħha involuti b'mod dirett jew indirett biex jappoġġaw il-qafas multilaterali tar-reġim kontra l-proliferazzjoni;

11.  Jinnota li l-Politika tal-Viċinanza Ewropea diġà tippreżenta numru ta' opportunitajiet għall-koperazzjoni multilatera; jitlob li jkun hemm it-twaqqif ta' Komunità UE-Baħar l-Iswed, fuq il-linji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, sabiex isaħħaħ u tħeġġeġ iktar djalogu sabiex il-viċinat ikun aktar stabbli, sikur u demokratiku;

12.  Jilqa' l-inizjattivi li jinkiseb vjaġġar mingħajr il-bżonn ta' viża bejn l-UE u r-Russja, li turi l-prospett ta' relazzjonijiet imtejba li jwasslu li ċ-ċittadini mhux biss ikollhom id-dritt li jivjaġġaw iżda anke d-dritt li jaħdmu; jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni fuq l-immigrazzjoni illegali, kontrolli aħjar tad-dokumenti ta' l-identità u skambju ta' informazzjoni aħjar dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li r-Russja tosserva l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżas bejn iż-żewġ naħat sabiex ikun evitat ksur tas-sigurtà u d-demokrazija fl-Ewropa;

13.  Jilqa' bi pjaċir id-djalogu intensifikat bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijet ta' enerġija; jenfasizza l-importanza ta' l-importazjonijiet ta' l-enerġija għall-ekonomiji Ewropej, li jirrapreżentaw opportunità potenzjali għal aktar kummerċ u koperazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdeipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-koperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-prinċipji tal-Karta ta' l-Enerġija u l-konklużjonijiet tal-G8 ikunu inklużi fi ftehima ġdida bejn l-UE u r-Russja, inkluża koperazzjoni ikbar dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija, l-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded;

14.  Jilqa' l-isforzi u l-inizjattivi tal-Presidenza Ġermaniża sabiex din tagħti prijorità lil din il-kwistjoni importanti; jenfasizza li d-djalogu dwar l-enerġija għandu jkompli jkun fuq quddiem nett ta' l-aġenda tal-Presidenza li jmiss;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.