Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0191/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0191/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.5.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
dwar it-tħejjija tad-9 Samit UE-Russja fis-Samara fit-18 ta' Mejju 2007

Proċedura : 2007/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0191/2007
Testi mressqa :
B6-0191/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0191/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tad-9 Samit UE-Russja fis-Samara fit-18 ta' Mejju 2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fuq ir-Russja, partikolarment tas-26 ta' Mejju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja [1], ir-riżoluzzjoni tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar it-8 samit UE-Russja [2]u r-riżoluzzjonijiet tas-26 ta' April dwar ir-repressjonijiet reċenti tad-dimostrazzjonijiet fir-Russja[3],    

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tkompli timpenja ruħha biex tkompli ssaħħaħ u tiżviluppa s-'sħubija strateġika' bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja

B.  billi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja attwali se tiskadi fl-2007 u billi sforzi konġunti bħalissa qed jaħdmu biex ineħħu l-ostakli maħluqa mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-ikel u biex jagħtu bidu għan-negozjati għal Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni,

C.  billi l-Unjoni Ewropea għandha titkellem b'vuċi unika fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja u tibbaża r-relazzjonijiet taġħha mar-Russja fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

D.  billi hemm tħassib mifrux dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, dwar iż-żieda tal-kontroll fuq il-midja, dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-pulizija Russa u l-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu l-persuni responsabbli għall-qtil ta' ġurnalisti u dwar il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-oppożizzjoni,

1.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu bil-għan li jiżviluppaw relazzjonijiet mar-Russja fi sħubija strateġika ġenwina li tmur lil hinn mill-kummerċ u r-relazzjonijiet kummerċjali u tinkludi l-objettivi li jaġixxu flimkien fl-arena internazzjonali u fil-viċinanzi komuni u li jkun hemm żvilupp ta' kuntatt mill-qrib u personali bejn l-UE u r-Russja bħala punti vitali ta' sħubija dinamika u li qed tiżviluppa;

2.  Jindika li, peress li r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja huma bbażati fuq interessi reċiproċi u valuri komuni, il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem għandu jkollhom rwol ċentrali fil-qafas tal-ftehima l-ġdida u fl-iżvilupp tas-sħubija; madankollu jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fir-Russja tagħti lok għal tħassib serju fir-rigward ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, mhux anqas fiċ-Ċeċnja, għad-demokrazjija, għal-libertà ta' l-espressjoni, u għad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-individwi biex jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli ta' l-azzjonijiet tagħhom u d-dritt ta' l-oppożizzjoni li tipparteċipa bis-sħiħ fi proċess verament demokratiku;

3.  Jenfasizza li t-tendenzi awtoritarji jiffurmaw parti minn tendenza ta' tħassib li timminaċċja l-iżvilupp demokratiku tar-Russja u l-leġittimità tat-tmexxija Russa, ġewwa u barra l-pajjiż; jindika li dawn huma ostakli biex jikber l-iżvilupp ta' sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja u jdgħajjef il-pożizzjoni internazzjonali tar-Russja fi żmien fejn l-ekonomija li qed tikber tar-Russja, l-interdipendenza bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja u bosta sfidi komuni globali oħra għandhom bżonn sħubija sinċiera;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' l-għaqda u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja;

5.  Jiddispjaċih li l-aħħar samit ma rnexxielux jagħti bidu għan-negozjati għall-qafas ta' ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja; jiddispjaċih li l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Presidenza tal-Kunsill, speċifikament fit-23 ta' April 2007 fil-Lussemburgu, fallew; jinnota l-istqarrijiet tal-Kummissjoni li l-Polonja u l-Unjoni Ewropea ssodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati mir-Russja kollha għall-waqfa ta' l-embargo; iħeġġeġ lill-Gvern Russu biex jikkunsidra l-argumenti Pollakki u Ewropej, sabiex iwaqqaf il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-laħam mill-Polonja għar-Russja u b'hekk jippermetti l-bidu tan-negozjati bejn l-UE u r-Russja; jittama li t-taħdidiet kontinwi mmexxija mill-esperti fitosanitarji tal-Kummissjoni jsolvu l-problemi sabiex in-negozjati għal ftehim ġdid jkun jista' jibda mingħajr aktar dewmien;

6.  Jindika li, filwaqt li n-negozjati dwar il-ftehim il-ġdid għandhom jibdew malajr kemm jista' jkun, il-Parlament Ewropew se jkompli jikkontrolla l-iżviluppi mar-Russja fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-libertà tal-midja u ta' l-għaqda u opportunitajiet għall-oppożizzjoni li jkollha rwol sħiħ fi proċess verament demokratiku; jinnota li l-iżvilupp ta' dawn il-kwistjonijiet se jiġu kunsidrati waqt il-proċess tan-negozjati, b'attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni taċ-Ċeċnja u għall-każi ġudizzjarji bħall-proċess u l-kundizzjonijiet ta' priġunerija ta' Mikhail Khodorkovsky;

7.  Jindika li l-koperazzjoni ta' l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta ta' l-Enerġija li għandhom jiġu inkorporati fil-qafas tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u r-Russja sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u kundizzjonijiet ġusti ta' investiment reċiproku, aċċess indaqs u suq ibbażat fuq regoli; jenfasizza li f'dan il-qasam ukoll, jeħtieġ approċċ ta' UE magħquda u li pereżempju l-linja ta' pajpijiet ipproġettata fil-Baltiċi ma tistax titqies bħala kwistjoni purament bilaterali bejn ir-Russja u l-Ġermanja;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' investiment fis-settur ta' l-enerġija Russu, anke fl-effiċjenza ta' l-enerġija, li jista' jwassal għal nuqqasijiet fil-provvista domestika Russa u għal diffikultajiet biex tonora l-obbligi ta' l-esportazzjoni; jeprimi t-tħassib tiegħu li r-Russja qed tuża s-settur ta' l-enerġija tagħha bħala strument ta' politika barranija;

9.  Jilqa' l-progress reċenti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari l-ftehim li bih ir-Russja se tneħħi gradwalment il-miżati għall-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-UE li jtiru minn fuq is-Siberja, ħaġa li se twitti t-triq lill kumpaniji ta' l-UE biex iżidu d-destinazzjonijiet lejn l-Ażja u se tiffaċilita l-ħruġ tal-viża u l-ftehimiet ta' ammissjoni li jiffurmaw l-ewwel parti tal-proċess li jwassal għal-liberalizzazzjoni tal-viża; jinnota wkoll is-sodisfazzjon tar-Russja li issa hija msieħba ugwali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana flimkien ma' l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda, u jilqa' l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana;

10.  Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sħubija tar-Russja mad-WTO, li tista' tgħin lir-Russja biex taċċetta r-regoli tas-suq globali; iħeġġeġ lir-Russja biex tirrispetta l-ftehimiet li għamlet ma' l-UE fil-mixja lejn is-sħubija mad-WTO, pereżempju dwar it-taxxi fuq l-esportazzjonijiet ta' l-injam jew kwistjonijiet kummerċjali oħra, u sabiex tagħmel aktar sforz biex tneħħi l-aħħar ostakli biex tissieħeb mad-WTO;

11.  Jilqa' l-progress fil-ftehim li jikkonċerna l-fruntiera bejn il-Latvia u r-Russja imma jenfasizza li jrid isir aktar progress biex tiġi żgurata r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-fruntiera bejn ir-Russja u l-Estonja;

12.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi li hemm meta tinqasam il-fruntiera bejn l-UE u r-Russja u biex iħeġġu proġetti konkreti u jużaw bis-sħiħ l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija u l-fondi ta' l-INTERREG għall-koperazzjoni bejn il-fruntieri;

13.  Jenfasizza li l-pożizzjoni tar-Russja bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, is-sħubija tagħha fil-G8 u l-impenn tagħha lejn il-multilateraliżmu għandhom bżonn sehem attiv min-naħa tar-Russja għat-tfittxija ta' soluzzjonijiet għal kwistjonijiet internazzjonali bħall-proliferazzjoni nukleari, il-Lvant Nofsani jew il-Kosovo;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.