MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
2.5.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Bart Staes, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin u Angelika Beer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar it-tħejjija tad-9 Samit UE-Russja fis-Samara fit-18 ta' Mejju 2007
B6‑0192/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tad-9 Samit UE-Russja fis-Samara fit-18 ta' Mejju 2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, b'mod partikulari dawk tal-25 t'Ottubru 2006[1], tat-13 ta' Diċembru 2006[2] u tas-26 ta' April 2007[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li se tiskadi fl-2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-summit ta' bejn l-UE u r-Russja li jmiss se jsir fi żmien meta, skond il-Kummissarju Mandelson, 'ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja tinsab f'livell ta' nuqqas ta' ftehim u anki nuqqas ta' fiduċja li ilhom ma jidhru mit-tmien tal-gwerra l-bierda',
B. billi s'issa ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar kif se tintgħeleb il-problema ta' l-istaġnar dwar il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-laħam mill-Polonja lejn ir-Russja; billi dan għadu jtellef lill-UE milli tibda negozjati dwar ftehima ġdida li għandha tieħu post il-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni preżenti, li issa waslet biex tiskadi,
C. billi huwa importanti ħafna li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tadotta pożizzjoni komuni; billi, fuq in-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'mod responsabbli u b'mod parzjali, billi joqgħodu lura milli jużaw is-setgħa tal-veto,
D. billi d-deċiżjoni ta' l-Istati Uniti li tpoġġi 10 missili ta' interċettazzjoni fil-Polonja b'operazzjonijiet tar-radar fir-Reppubblika Ċeka kompliet żiedet it-tensjoni fir-relazzjoni ta' bejn iż-żewġ naħat, u r-Russja qiegħda thedded li tieqaf timplimenta t-Trattat dwar il-Forzi Konvenzjonali fl-Ewropa ta' l-1990 sakemm dan jiġi ratifikat mill-membri kollha tan-NATO,
E. billi r-reazzjoni vjolenti tal-Pulizija waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi f'Moska u f'San Pietruburgu kompliet ġibdet l-attenzjoni dwar id-dgħajfien dejjem jiżdied tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet demokratiċi fir-Russja u dwar iż-żieda ta' l-awtoċensura u tal-kontroll tal-midja mill-gvern,
F. billi l-investigazzjonijiet dwar is-sensiela ta' qtil ta' ġurnalisti ma taw l-ebda riżultat, u wrew in-nuqqas ta' kapaċità tal-pulizija u tal-ġudikatura li jsibu u jressqu quddiem il-qorti lil dawk responsabbli minn dawn ir-reati,
G. billi bħala membru ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Federazzjoni Russa obbligat ruħha li tosserva l-libertajiet tal-kelma u ta' għaqda; billi l-osservazzjoni ta' dawn il-prinċipji hija ta' importanza partikulari fid-dawl ta' l-elezzjonijiet ġenerali u presidenzjali li ġejjin fir-Russja; billi l-UE suppost għandha sħubija strateġika mar-Russja li hi bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt,
H. billi l-enerġija tibqa' tilgħab irwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi d-dipendenza qawwija ta' l-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ bilanċjat u koerenti fil-konfront tar-Russja,
I. billi dan in-nuqqas ta' koerenza hu rifless b'mod wiesa' fil-kritika timida mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, li waqt il-laqgħat bilaterali jitqajmu rarament jew ftit li xejn,
J. billi ma sar l-ebda progress fir-rigward tas-soluzzjoni għall-'kunflitt staġnat' f'pajjiżi ġirien komuni; billi l-paċi u l-istabilità huma fl-interess tar-Russja u l-UE,
1. Jagħti ġieħ lill-memorja ta' l-eks President Boris Yeltsin, li lagħab irwol kruċjali fir-rigward tat-tmien tar-reġim Komunista Sovjetiku u tat-tranżizzjoni għal soċjetà iżjed miftuħa u demokratika; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-poplu Russu;
2. Huwa tal-fehma li f'dan l-istadju l-isħubija mal-Federazzjoni Russa tista' tkun ta' natura pragmatika biss; jemmen, madankollu, li jrid isir kull sforz sabiex ninvolvu lir-Russja b'mod kostruttiv u miftuħ bil-għan li jinbdew negozjati dwar ftehima ġdida u komprensiva li tkun ibbażata fuq valuri u interessi ġenwinament komuni;
3. Jirrimarka, f'dan is-sens, li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe ftehima futura mal-Federazzjoni Russa, b'mod partikulari fir-rigward tad-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola tad-drittijiet tal-bniedem li tkun effettiva u operattiva; itenni l-istedina tiegħu biex tingħata spinta lill-konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja sabiex dawn isiru iżjed effettivi, orjentati biex jiksbu riżultat u miftuħin għall-NGOs, bl-involviment tal-Parlament Ewropew fil-livelli kollha;
4. Jiddispjaċih għar-reazzjoni timida tal-Presidenza ta' l-UE u tal-Kummissjoni dwar l-avvenimenti ta' Moska u San Pietruburgu; jiddeplora l-attitudni retiċenti ta' dawk il-Kapijiet ta' Stati Ewropej, li, waqt iż-żjarat tagħhom f'Moska, naqsu li jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mal-kontraparti Russa tagħhom;
5. Jirrifjuta l-istqarrija tal-President Putin li tgħid li l-islogans demokratiċi jintużaw biex jinkisbu vantaġġi unilaterali u benefiċċji personali u biex wieħed jiżgura l-interessi tiegħu; jenfasizza, mill-ġdid, li soċjetà ċivili b'saħħitha u indipendenti hija element fundamentali u indispensabbli ta' demokrazija reali u matura;
6. Jilqa' l-ftuħ ta' inkjesta mill-awtoritajiet Russi kompetenti dwar l-azzjonijiet meħudin mill-forzi ta' l-infurzar tal-liġi li rażżnu b'mod vjolenti d-dimostrazzjonijiet ta' l-14 u l-15 ta' April 20007 f'Moska u f'San Pietruburgu;
7. Jenfasizza li s-sħubija tar-Russja fid-WTO se tistimula fir-Russja mudell ta' tkabbir ekonomiku li prinċipalment ikun ibbażat fuq l-esplojtazzjoni tal-fjuwils fossili kif ukoll fuq iżjed negozju fil-fjuwils fossili ma' l-UE; huwa mħasseb li dan se jikkonsolida d-dipendenza ta' l-UE fuq il-fjuwils fossili u għalhekk jista' jkollu impatt negattiv fir-rigward tal-ksib ta' l-għanijiet klimatiċi ta' l-UE, jekk il-ftuħ tas-swieq tal-gass Russi ma jkunx ibbilanċat minn skemi ta' koperazzjoni sabiex tingħata spinta lill-produzzjoni ta' enerġija rinovabbli;
8. Jirrikonoxxi li qegħdin isiru investimenti sinifikanti fil-manutenzjoni ta' infrastruttura ta' distribuzzjoni 'downstream' u ta' pajpijiet għall-provvista tal-fjuwls fossili; jenfasizza li n-nuqqas ta' investiment fl-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli għandu jkabbar id-dipendenza ekonomika fuq il-provvista ta' enerġija fossili fi żmien meta d-diversifikazzjoni f'teknoloġiji ġodda ta' enerġija rinovabbli toffri iżjed prospetti għal tkabbir ekonomiku sostenibbli;
9. Jinnota l-liġi introdotta riċentement fil-Federazzjoni Russa li tippermetti lill-gvern li jirrifjuta offerti barranin għal interessi kbar f'kumpaniji Russi f'39 industrija; jistieden lill-imsieħba biex jaslu għal fehim komuni dwar id-definizzjoni ta' industriji strateġiċi, b'mod speċjali fis-settur ta' l-enerġija u ta' dawk intensivi fir-rigward tar-riżorsi, li fihom jistgħu jinżammu prinċipji ta' sovranità sabiex jiġu implimentati għanijiet politiċi soċjali u ambjentali; jenfasizza li mingħajr id-demokrazija, it-trasparenza u r-responsabilità fir-relazzjonijiet industrijali, id-dikjarazzjonijiet ta' sovranità ma jistgħux jiġu ġustifikati;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Istat Russu qed jerġa’ jieħu kontroll tar-riżorsi kollha, inkluż l-enerġija, filwaqt li jonqos milli politikament jinvesti fid-demokratizzazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali u fi trasparenza u responsabbiltà aħjar tat-teħid ta’ deċiżjonijiet industrijali, fin-nuqqas ta’ miri ta’ politika ċari fir-rigward ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ effiċjenza tar-riżorsi; jistieden lir-Russja sabiex tinkorpora bla diffikultajiet l-aħjar prattika internazzjonali dwar trasparenza u responsabilità pubblika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
11. Hu mħasseb dwar l-introduzzjoni ta’ l-imsemmija Żoni Ekonomiċi Speċjali fir-Russja, li joffru inċentivi għal investiment; jappella għal osservazzjoni stretta u monitoraġġ indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, u ta’ standards soċjali u ambjentali f’dawn iż-Żoni Ekonomiċi Speċjali;
12. Jinkuraġġixxi bil-qawwa ż-żewġ imsieħba biex jiftiehmu dwar appoċċ konġunt biex jillimitaw il-bidla fil-klima għal temperatura massima ta' 2°C mqabbla ma' livelli preindustrijali permezz ta' kontribuzzjonijiet ġusti għall-isforzi għat-tnaqqis ta' ħruġ ta' gass b'effett serra minn pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw, skond ir-responsabilitajiet differenti u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;
13. Jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq ir-responsabilità speċifika ta' pajjiżi żviluppati biex ikunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis ta' emissjonijiet; Jistieden lir-Russja biex tieħu rwol attiv fin-negozjati internazzjonali fil-futur u biex tiffaċilita qbil bla diffikultajiet sa l-2008, jew l-iktar sa l-2009, biex tiġi żgurata kontinwità tas-suq dinji tal-karbonju;
14. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward is-sigurtà tas-settur nukleari fil-Federazzjoni Russa u l-pjanijiet tagħha li tesporta teknoloġija u materjal nukleari lil pajjiżi oħra u rigward is-sigurtà nukleari assoċjata u t-theddid ta’ proliferazzjoni li din iġġib magħha; jitlob lill-Federazzjoni Russa biex twaqqaf trasport ta’ materjal nukleari kif ukoll ipproċessar nukleari mill-ġdid, peress li dawn l-attivitajiet jikkonstitwixxu riskji potenzjali ta’ proliferazzjoni;
15. Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex tinvesti f’miżuri ta’ enerġija effiċjenti, minħabba l-urġenza tal-kwistjoni tal-bidla fil-klima, il-vantaġġi soċjali li jġib miegħu investiment bħal dan u l-pressjoni fuq il-provvisti ta' l-enerġija; f’dan ir-rigward ifakkar li l-mekkaniżmu ta’ flessibilità li hemm dispożizzjoni għalih fil-protokoll ta' Kyoto jista' jattira investimenti biex jiġu modernizzati l-enerġija Russa u s-settur ta' l-użu ta' l-enerġija;
16. Jappella lill-Fedarazzjoni Russa biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ l-industrija tas-sorsi li jiġġeddu ta’ enerġija tagħha biex tagħmel użu mir-riżorsi kbar ambjentalment sostenibbli li huma disponibbli; jitlob lill-Federazzjoni Russa biex tiggarantixxi standards ambjentali mill-aqwa għall-proġetti kollha ta’ żejt u gass li huma għaddejjin jew li huma ppjanati fit-territorju tagħha;
17. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjoni ħżiena ta' detenzjoni fir-Russja, speċjalment f'ċentri ta' detenzjoni tal-pulizija, li jsiru aktar gravi bin-nuqqas kbir ta' provvisti mediċinali u standards ħżiena ta' sanità; f’dan ir-rigward jirreferi għan-numru kbir ta’ ilmenti li vittmi bagħtu lill-Ombudsman għad-drittijiet tal-bniedem, Vladimir Lukin; jikkundanna kull każ ta’ tortura u ta’ trattament ħażin minn uffiċjali fil-ħabsijiet;
18. Jikkundanna b’mod partikulari l-vjolazzjonijiet kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċnija, fejn l-għajbien u t-tortura għadhom għaddejjin; jenfasizza f’dan ir-riġward li f’Ottubru ta’ l-2006 il-gvern Russu rrifjuta l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura, li ppjana li jżur il-ħabsijiet fin-naħa ta’ fuq tal-Kawkażu għall-għarrieda;
19. Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa ffirmat u rratifikat l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħra Kiefra, Inumani u Degradanti ta’ Diċembru 1984 u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattamenti jew Kastigi Inumani jew Degradanti ta’ l-1987, u li bħala membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, ir-Russja hi obbligata li tirrispetta l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jassigura d-dritt għal proċess ġuridiku ġust;
20. Jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex jiġġieldu l-arbitrarjeta, sabiex jirrispettaw il-prinċipju ta' l-Istat tad-dritt u sabiex ma jużawx il-ġudikatura bħala strument politiku; jenfasizza f'dan ir-rigward, il-każ ta' l-eks proprjetarji tal-Yukos Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev, li nstabu ħatja ta' frodi u evażjoni tat-taxxa iżda likienu kkunsidrati bħala priġunieri politiċi mill-Parlament Ewropew, kif enfasizzat f'ittra miftuħa lill-President Putin f'Lulju 2006;
21. Jibqa' kompletament mhux konvint li l-Ewropa jkollha bżonn fit-futur qrib sistema ta' missili biex tipproteġi t-territorju tagħha kontra missili ostili fuq distanza twila li jkollhom testati b'armi tal-qerda tal-massa (WMD) mitfugħin minn nazzjonijiet brikkuni jew entitajiet mhux statali; jinnota t-tħassib tar-Russja f'dan ir-rigward iżda jistieden lil Moska ma twaqqafx il-konformità mat-Trattat dwar l-Armi Konvenzjonali fl-Ewropa; jikkunsidra inaċċettabbli għall-indiviżibilità tas-sigurtà Ewropea li l-Istati Uniti qed jinnegozjaw it-twaqqif ta' sistema unilaterali bħal din f'żewġ Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea; jinsab konvint li sabiex jiġu miġġielda tlielaq ġodda għall-armi, tħeddidiet terroristiċi għal żmien twil u theddidiet oħra li jipperikulaw is-sigurtà Ewropea u globali, għandu jkun hemm investiment enormi f'politiki li jevitaw kunflitti u f'inizjattivi ta' diżarmament, u għandu jinfetaħ b'mod urġenti djalogu ma' Moska sabiex tintlaħaq ftehima komuni u ta' benifiċċju reċiproku;
22. Jistieden lir-Russja sabiex ma ttawwalx aktar id-deċiżjoni dwar l-istejtus finali tal-Kosovo bbażat fuq il-Pjan Ahtisaari ta' indipendenza ssorveljata; jiġbed l-attenzjoni tar-riperkussjonijiet li dewmien bħal dan għandu fuq l-istabbilità tar-reġjun u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Moska jaġixxu b'mod kostruttiv;
23. Jilqa' l-abbozz tal-pjan ta' l-Unjoni Ewropea għall-kunflitti ffriżati fil-Kawkażu t'Isfel, ippreżentat informalment mill-Mibgħut Speċjali ta' l-UE għar-reġjun; huwa ta' l-opinjoni li involviment Ewropew aktar profond huwa indispensabbli sabiex il-proċess ta' paċi jimxi 'l quddiem; jistieden lill-Kunsill jadotta malajr dan il-pjan u sabiex jippreżentah u jiddiskutih ma' l-awtoritajiet Russi;
24. Jilqa' l-iffirmar ta' ftehima transkonfinali bejn ir-Russja u l-Latvja li tipprepara t-triq għal koperazzjoni aħjar fir-reġjun Baltiku bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa; jiddispjaċih madanakollu, għall-kunflitti li seħħew f'Talinn minħabba t-tneħħija tal-monument tal-gwerra Sovjetiku; jinnota li r-relazzjonijiet mar-Russja għandhom iħarsu 'l quddiem u jevitaw atti unilaterali li jkomplu jżidu t-tensjoni fuq il-problemi preżenti;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] Testi Adottati, P6_TA (2006)0448.
- [2] Testi Adottati, P6_TA(2006)0566.
- [3] Testi Adottati, P6_TA-PROV(2007)0169