Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0195/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0195/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.5.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Charles Tannock, Ria Oomen-Ruijten u Tunne Kelam
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007

Proċedura : 2007/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0195/2007
Testi mressqa :
B6-0195/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0195/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-Samit f'San Pietruburgu fil-31 ta' Mejju 2003, sabiex jitwaqqfu spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni għar-riċerka u l-edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,

–  wara li kkunsdira l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-ħames protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni pubblika tal-Kunsill ta' l-Ewropa rigward ir-Repubblika tac-Ċeċnija tal-Federazzjoni Russa li saret fit-13 ta' Marzu 2007, mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattamenti jew Kastigi Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2007 intitolata 'Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa' (COM(2007)001),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006, dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u partikularment,

  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007, dwar ir-repressjoni riċenti ta' demostrazzjonijiet fir-Russja[2],
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006, dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki[3],
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006, dwar ir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya[4],
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2006, dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Sochi[5],
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006, dwar iċ-Ċeċnija[6],
  • -ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2005, dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' l-NGO[7]
  • -u r-rapport tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja[8],

–  wara li kkunsidra d-19-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kienu qed jiżviluppaw b'mod kostanti tul l-aħħar ftit snin u b'hekk wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomiċi profondi u komprensivi, li żgur se jiżdiedu aktar fil-futur qarib,

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għandhom potenzjal ekonomiku kbir u ż-żewġ partijiet jibbenefikaw minn aktar integrazzjoni ekonomika u relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien; billi l-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja hija kruċjali biex tiġi żgurata stabilità fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku u komuni,

C.  billi l-kummerċ totali bejn l-UE u r-Russja ammonta għal aktar minn 166 biljun EUR fl-2005; billi r-Russja hija t-tlielet imsieħeb kummerċjali l-aktar importanti ta' l-UE, responsabbli għal 7.3% tal-kummerċ ta' l-UE, u billi l-UE hija l-aktar imsieħeb kummerċjali importanti tar-Russja b'sehem ta' 52.9% tal-kummerċ tar-Russja,

D.  billi l-Investiment Dirett Barrani (l-FDI) fir-Russja fl-2006 ġie stmat li kien ta' 31 biljun USD, ikkomparat ma' 14.6 biljun USD fl-2005; billi l-Investiment Dirett Barrani (l-FDI) ta' l-UE fir-Russja kiber aktar mid-doppju minn 2.5 biljun EUR fl-2002 għal 6.4 biljun EUR fl-2004,

E.  billi l-prinċipji bażiċi li jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għandhom ikunu r-reċiproċità, it-trasparenza, il-kapaċità li wieħed ibassar, l-affidabbilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u t-tmexxija tajba,

F.  billi s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta' koperazzjoni mar-Russja, u billi l-UE timporta bejn wieħed u ieħor kwart tal-gass u taż-żejt tagħha mir-Russja u hija l-aktar konsumatur affidabbli ta' l-esportazzjonijiet Russi,

G.  billi fid-19 ta' April il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern approva l-konklużjoni ta' żewġ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u d-dħul mill-ġdid ta' immigranti illegali u billi fit-22 ta' April bdew taħdidiet dwar il-kisba ta' vjaġġar mingħajr viża, jidher li qed isir progress konkret dwar l-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,

H.  billi l-implimentazzjoni mgħaġġla u sħiħa ta' l-erba' spazji komuni, bi spazju ekonomiku komuni, spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju ta' sigurtà esterna u spazju ta' riċerka, edukazzjoni u kultura, għandha tkun fil-qalba tan-negozjati dwar il-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida,

I.  billi r-Russja ffirmat u rratifikat il-Protokoll ta' Kyoto,

J.  billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa hija ta' importanza kbira għall-koperazzjoni futura tagħhom, partikularment rigward l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi, it-titjib ulterjuri tas-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa u għal aktar tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt bħala l-bażi ta' din il-koperazzjoni,

K.  billi l-Federazzjoni Russa hija membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa u għalhekk impenjat ruħha għall-objettivi tal-Kunsill, li huma biex tiġi promossa d-demokrazija u biex tiġi kkonsolidata l-istabilità demokratika fl-Ewropa,

L.  billi fis-snin riċenti d-demokrazija fir-Russja kompliet tiddgħajjef, partikularment minħabba ż-żieda fil-kontroll tal-gvern fuq stazzjonijiet ewlenien tat-televiżjoni u l-parti l-kbira mill-istazzjonijiet tar-radju, it-tixrid ta' l-awtoċensura fost il-midja stampata, l-għeluq ta' midja indipendenti, restrizzjonijiet fuq id-dritt li jiġu organizzati demostrazzjonijiet pubbliċi, klima aktar ħażina għall-NGOs, il-fastidju ta' l-attivisiti għad-drittijiet tal-bniedem, il-qtil ta' avversarji prominenti tal-Gvern Russu u aktar kontroll politiku tal-ġudikatura, kif urew il-każ ta' Yukos u l-kawżi tas-Sur Khodorkovsky u s-Sur Lebedev, filwaqt li fir-Repubblika taċ-Ċeċenja għadu qed iseħħ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem taħt forma ta' qtil, għajbien sfurzat, tortura, teħid ta' ostaġġi u detenzjoni arbitrarja;

M.  billi s'issa l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma rriżultawx fi progress sostanzjali f'dan il-qasam, li għandu jkun prijorità fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

N.  billi l-aħħar Samit bejn l-UE u r-Russja ta' l-24 ta' Novembru 2006 f'Ħelsinki kellu l-għan li jimmarka l-bidu ta' fażi ġdida fir-relazzjonijet bejn l-UE u r-Russja u, b'mod partikulari, biex iniedu negozjati dwar ftehima ta' qafas gdida bejn l-UE u r-Russja biex tissostitwixxi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni li tiskadi fl-2007,

O.  billi l-Polonja waqqfet il-bidu tan-negozzjati tal-ftehima ta' qafas ġdida, filwaqt li għamlet il-bidu tan-negozzjati bil-kundizzjoni li Moska tneħħi l-projbizzjoni fuq importazzjoni ta' laħam Pollakk li kienet introduċiet fl-2005 u estendiet fl-2006,

P.  billi t-taħdidiet tal-21 ta' April bejn Markos Kyprianou, il-Kummissarju ta' l-UE għas-saħħa, u Alexei Gordeyev, il-Ministru Russu għall-Biedja, sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bjen ir-Russja u l-UE billi titneħħa l-projbizzjoni li wasslet għal sitwazzjoni bla soluzzjoni, u tefgħet dell fuq is-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju,

Q.  billi, skond il-Kummissjarju għall-Kummerċ Peter Mandelson, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja llum laħqu livell ta' nuqqas ta' ftehim jew anki nuqqas ta' fiduċja li ilha ma tidher mit-tmiem tal-gwerra bierda', u dan qed ixekkel l-isforzi biex jinbnew rabtiet eqreb bejn iż-żewġ naħat,

R.  billi, sussegwentement għall-avvenimenti reċenti fl-Estonja, it-tħaddim normali ta' l-ambaxxata Estonjana f'Moska ġie bblokkjat u ħafna mill-impjegati tagħha ġew aggrediti fiżikament minn dimostranti li kien hemm madwar l-ambaxxata u li ħarqu l-bandiera ta' l-Estonja,

S.  billi huwa importanti li l-UE titkellem b'vuċi waħda, turi solidarjetà u turi unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa,

1.  Jikkonferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja tibqa' msieħba importanti għall-koperazzjoni pragmatika li magħha l-Unjoni Ewropea taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-objettiv ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali u kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja; għalhekk jilqa' l-linja komuni meħuda mill-UE fin-negozjati ma' Moska dwar it-tneħħija tal-projbizzjoni tar-Russa fuq l-esportazzjoni tal-laħam mill-Polonja;

3.   

Jiddispjaċih li dawn in-negozjati fallew bil-konsegwenza li kien hemm nuqqas ta' tnedija ta' negozzjati dwar ftehima ta' qafas ġdida bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ lill-Presidenza Ġermaniża sabiex tkompli taħdem biex tippermetti l-mandat ta' negozjar għal ftehima ġdida li għandha tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr u biex jibdew in-negozzjati mingħajr aktar dewmien, suġġetti għall-kundizzjoni li r-Russja twaqqaf il-prattiki tagħha li tuża pressjoni ekonomika kontra l-Istati Membri ta' l-UE;

4.  Jistieden lir-Russja biex tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skond il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi billi tiggarantixxi l-protezzjoni u t-tħaddim normali ta' l-ambaxxati barranin;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-diskussjonijiet miftuħa dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-aħħar Samit bejn l-UE u r-Russja fl-24 ta' Novembru 2006 f'Ħelsinki; madankollu, janfasizza li s-sitwazzjoni attwali fir-Russja tqajjem tħassib dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; għalhekk jiddispjaċih li d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem ma ġab l-ebda progress sostanzjali f'dan il-qasam u jistieden lill-Gvern Russu sabiex jikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni ta' dawn il-konsultazzjonijiet bħala parti essenzjali ta' l-isħubija bejn l-UE u r-Russja;

6.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li difiża soda tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi għandha tkun prinċipju ewlieni ta' kwalunke impenn ta' l-UE mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn il-valuri mhux se jkollhom status sussiddjarju fil-pakkett ta' negozjati bejn l-UE u r-Russja u li kwalunkwe assistenza finanzjarja mogħtija lir-Russja tkun marbura mat-tisħiħ ta' l-istandards demokratiċi f'dak il-pajjiż;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi minn organizzazzjonijiet Russi u internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem dwar l-użu ta' tortura u atti mhux umani u degradanti fil-ħabsijiet, fl-għases tal-pulizija u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieti fiċ-Ċeċnija; jikkundanna bil-qawwa dawn il-prattiċi u jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex jiżguraw li d-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hija firmatarja tagħha, ikunu rispettati bis-sħiħ fir-Repubblika Ċeċena u li dawk kollha li jiksru dawk id-drittijiet jitressqu quddiem il-ġustizzja;

8.  Jenfasizza l-bżonn li wieħed jaħdem flimkien mar-Russja bħala msieħba neċessarja u importanti sabiex jiġu żgurati l-paċi, l-istabilità u is-sigurtà, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti, u kif ukoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sigurtà oħra bħal ma huma l-perikli ambjentali u nukleari, id-drogi, it-traffikar ta' armi u ta' bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali fil-viċinanza Ewropea;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isegwu inizzjattivi konġunti mal-Gvern Russu sabiex jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità fil-viċinanza komuni, b'mod partikulari permezz ta' mmaniġġjar konġunt ta' kriżi fl-Ukrajina u fil-Belarus, u sforzi konġunti sabiex fl-aħħar jissolvew il-kunflitti fin-Nagorno Karabagh u kif ukoll fil-Moldova u fil-Ġorġja billi tiġi garantita l-integrità territorjali sħiħa ta' dawn l-istati; jistieden lill-UE u lir-Russja bħala membru tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-NU sabiex jassumu r-responsabilità tagħhom għall-kwistjoni nukleari Iranjana u bħala membri tal-Kwartett għas-risoluzzjoni tal-kunflitt tal-Lvant Nofsani u sabiex jippromwovu l-isforzi biex tittella' konferenza internazzjonali ta' paċi dwar paċi reġjonali fil-Lvant Nofsani; barra minn hekk jistieden lir-Russja bħala membru tal-Grupp ta' Kuntatt u tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-NU biex tikkopera sabiex tinstab soluzzjoni fit-tul għall-kwistjoni tal-Kosovo u bħala membru tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet biex tgħin sabiex tinstab soluzzjoni għall-proliferazzjoni nukleari fil-Korea ta’ Fuq;

10.  Jenfasizza l-importanza ta' l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO u huwa konvint li sħubija fid-WTO se tagħti sinjal importanti lill-investituri barranin, tmexxi t-tkabbir ekonomiku fir-Russja u ttejjeb l-iskambji kummerċjali ma' l-UE; jemmen li l-adeżjoni mad-WTO għandha twassal għal integrazzjoni ekonomika iktar profonda bejn l-UE u r-Russja;

11.  Barra minn hekk itenni l-importanza li jitwaqqaf Spazju Ekonomiku Komuni (CES) u li l-objettivi mifthiema fil-Pjan Direzzjonali tas-CES jiġu żviluppati aktar, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-ħolqien ta' suq miftuħ u integrat bejn l-UE u r-Russja;

12.  Jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-klima ta' l-investiment fir-Russja, li jista' jintlaħaq biss permezz tal-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' kundizzjonijiet mhux diskriminatorji u trasparenti fil-kummerċ, anqas burokrazija u investimenti miż-żewġ naħat; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' tbassir fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima bejn il-Ministru Russu għall-Enerġija Viktor Khristenko u l-Kummissarju għall-Enerġija Andris Piebalgs dwar ir-ristrutturar tal-gruppi tematiċi tad-Djalogu dwar l-Enerġija bejn l-UE u r-Russja; jinnota li l-gruppi ġodda se jindirizzaw kwistjonijiet bħal (i) strateġiji, tbassir u xenarji ta' l-enerġija, (ii) żviluppi tas-suq u (iii) enerġija u kif ukoll taħditiet dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' twissija bikrija għal kriżi ta' l-enerġija;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' djalogu mtejjeb mar-Russja, bħala l-fornitur l-aktar importanti, dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija bil-għan li jkunu żgurati kemm is-sigurtà tal-provvista u kif ukoll is-sigurtà tad-domanda fil-kuntest ta' aktar interdipendenza ta' l-enerġija; jenfasizza li din il-koperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji stipulati fit-Trattat dwar il-Karta dwar l-Enerġija u b'mod partikulari fuq il-Protokoll dwar it-Tranżitu anness miegħu u fuq reċiproċità f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-investiment, għas-suq u għall-infrastruttura;

15.  Jaqbel ma' l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-teknoloġiji avvanzati ta' l-enerġija u jinkuraġġixxi l-kuntatti bejn l-atturi fis-settur ta' l-enerġija ta' l-UE u tar-Russja, u kif ukoll l-isforzi neċessarji sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u biex jiġu żviluppati teknoloġiji li ma għandhomx emmissjonijiet ta' CO2, li joffru opportunitajiet sinifikanti għall-koperazzjoni, partikularment koperazzjoni industrijali, bl-iskambju ta' l-aħjar prattiki u teknoloġiji bejn kumpaniji Russi u ta' l-UE; jistieden lir-Russja u lill-Istati Membri ta' l-UE biex jilħqu l-objettivi stipulati fil-Protokoll ta' Kyoto;

16.  Jenfasizza l-bżonn li l-Unjoni Ewropea taġixxi b'mod unit u b'determinazzjoni fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mar-Russja; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Presidenza Ġermaniża biex tkompli tagħti prijorità għolja lil din il-kwistjoni importanti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.