MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
21.5.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn André Brie, Gabriele Zimmer, Pedro Guerreiro, Marco Rizzo u Miguel Portas
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar ir-rilokazzjoni tal-monument tat-Tieni Gwerra Dinjija f'Tallinn u r-relazzjonijiet bejn l-Estonja u r-Russja
B6‑0216/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rilokazzjoni tal-monument tat-Tieni Gwerra Dinjija f'Tallinn u r-relazzjonijiet bejn l-Estonja u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tas-7 ta' Diċembru 2006 dwar l-Estonja, li jikkritika l-fatt li l-minoranza ta' persuni li jitkellmu r-Russu, li tirrappreżenta terz mill-popolazzjoni Estonjana, għandhom drittijiet ristretti tal-minoranzi,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tal-Kumitat għat-Tneħħija tad-Diskriminazzjoni Razzjali tad-19 ta' Ottubru 2006 dwar l-Estonja, li fihom għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra persuni li huma parti mill-minoranzi;
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Gvern ta' l-Estonja ddeċieda li jneħħi monument Sovjetiku li jfakkar lil dawk li tilfu ħajjithom biex inkisbet ir-rebħa kontra r-reġim Nazista, monument li kien ilu għexieren ta' snin fil-kapitali Estonjana, u jqiegħdu f'ċimiterju militari,
B. billi din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni xierqa ma' l-abitanti ta' Tallinn, u ġew injorati l-fehmiet ta' partijiet ewlenin tal-popolazzjoni tal-belt,
C. billi l-awtoritajiet Estonjani ma ħallewx li jsiru dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra t-tneħħija tal-monument u b'hekk taw kontribut biex jikbru l-protesti,
D. billi l-pulizija Estonjana wżat forza sproporzjonata kontra d-dimostranti u arrestat il-mexxejja ta' l-organizzazzjonijiet li jopponu t-tneħħija tal-monument, u dan wassal għal aktar vjolenza u tensjoni fit-toroq tal-bliet Estonjani,
E. billi, wara dak li ġara f'Tallin, il-ħidma normali ta' l-Ambaxxata Estonjana f'Moska ġiet imblokkata u bosta mid-diplomatiċi tagħha, fosthom il-kap tal-missjoni, kif ukoll diplomatiċi minn Stati Membri oħra ta' l-UE, ġew attakkati fiżikament mid-dimostranti li kienu qegħdin madwar l-ambaxxata; billi l-politiċi Russi aġixxew permezz ta' attakki verbali u theddidiet ekonomiċi sproporzjonati,
F. billi dawn l-avvenimenti wasslu għal kriżi ewlenija fir-relazzjonijiet bejn l-Estonja u r-Russja, b'konsegwenzi serji għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,
1. Jikkundanna t-tneħħija tal-monument tat-Tieni Gwerra Dinjija mill-Gvern Estonjan; Iqis li din l-azzjoni mill-Gvern Estonjan tirrifletti nuqqas ta' sensittività li wieħed jista' jiddeplora lejn is-serjetà tar-reati Nazisti u nuqqas inaċċettabli ta' rispett għal dawk kollha li ġġieldu kontra l-faxxiżmu;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, fl-istess waqt, l-awtoritajiet Estonjani wrew indifferenza lejn ir-reati li saru mill-kollaboraturi Nazisti Estonjani, b'mod partikulari l-parteċipazzjoni tagħhom fir-reati kontra l-popolazzjoni Lhudija, u lejn dimostrazzjonijiet annwali minn organizzazzjonijiet neo-faxxisti li reġgħu tfaċċaw wara li l-Estonja kisbet l-indipendenza; Jinsisti li l-problema ta' nuqqas ta' ċittadinanza li taffettwa eluf ta' nies fil-pajjiżi tal-Baltiku għandha tissolva;
3. Jikkundanna l-użu sproporzjonat tal-forza mill-pulizija Estonjana kontra dimostranti paċifiċi, filwaqt li jenfasizza li l-irvellijiet u l-vandaliżmu ma jistgħux jiġu ġustifikati; huwa mħasseb dwar l-arrest ta' persuni li jopponu t-tneħħija tal-monument; jitlob li malajr issir inkjesta kompresiva u indipendenti dwar l-avvenimenti vjolenti f'Tallinn;
4. Jinsab allarmat minħabba l-fatt li d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi li jitkellmu r-Russu fl-Estonja u f'pajjiżi Baltiċi oħra, u l-esklużjoni tagħhom, kif ukoll in-nuqqas ta' djalogu wasslu għal nuqqas kbir ta' fiduċja u tensjonijiet perikolużi bejn il-maġġoranza u l-minoranzi ta' persuni li jitellmu r-Russu; jinsisti li l-minoranzi ta' persuni li jitkellmu r-Russu fil-pajjiżi Baltiċi għandhom jingħataw id-drittijiet tal-minoranzi li huma aċċettati b'mod komuni fl-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Gvern Estonjan biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tal-Kumitat għat-Tneħħija tad-Diskriminazzjoni Razzjali tad-19 ta' Ottubru 2006 bil-għan li din is-sitwazzjoni inaċċettabli tinbidel;
5. Jitlob li jkun hemm diskussjoni kostruttiva u komprensiva dwar l-avvenimenti storiċi tas-seklu li għadda fir-reġjun Baltiku, li tinvolvi l-partijiet konċernati kollha, bil-għan li jingħelbu l-linji ta' firda fis-soċjetajiet Baltiċi u bejn il-pajjiżi Baltiċi u r-Russja;
6. Jiddispjaċih ferm dwar ir-reazzjonijiet fir-Russja, b'mod partikulari l-ksur ta' l-obbligi tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi; Jitlob lir-Russja sabiex tiggarantixxi l-ħarsien tad-diplomatiċi barranin u l-ħidma normali ta' l-ambaxxati barranin; jitlob lill-partijiet kollha konċernati biex jikkontribwixxu favur it-tnaqqis tat-tensjoni bejn l-Estonja u r-Russja u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet;
7. Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet ta' ġirien tajbin bejn l-Istati Membri ta' l-UE u r-Russja, li jkunu ta' vantaġġ għaż-żewġ naħat; jinnota li r-relazzjonijiet UE-Russja huma fi stadju kritiku u għalhekk jistieden lill-imsieħba kollha biex jadottaw strateġija kostruttiva u orjentata lejn ir-riżultati;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.