MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
21.5.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Monica Frassoni u Daniel Cohn-Bendit
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja
B6‑0217/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar i-sitwazzjoni fl-Estonja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-26 ta' April 2007 kien hemm kunflitti bejn id-dimostranti (kelliema tar-Russu fil-parti l-kbira tagħhom), li pprotestaw kontra r-rilokazzjoni ta' monument f'Tallinn;
B. billi hemm bosta evidenza ta' użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija;
C. billi jeżistu kwistjonijiet fi ħdan is-soċjetà Estonjana rigward ir-relazzjonijiet inter-etniċi, li ma jistgħux jiġu ridotti għal sempliċi problemi ta' relazzjonijiet bilaterali (Estonja-Russja jew UE-Russja);
1. Huwa konvint li dan il-każ jikkonferma l-ħtieġa ta' strateġija Ewropea rigward l-istorja tal-kontinent tagħna;
2. Huwa konxju mill-fatt li l-Armata l-Ħamra kellha rwol esenzjali fil-liberazzjoni ta' l-Unjoni Sovjetika min-Nazi; huwa konxju wkoll mill-fatt li l-Armata l-Ħamra kienet strument ta' okkupazzjoni u ta' ripressjoni fl-Istati Baltiċi wara l-gwerra u sa l-indipendenza;
3. Huwa konvint li l-instabilità u l-kontroversji li qamu minħabba ċ-ċaqliq ta' l-istatwa huma wkoll riżultat ta' kuntest li fih id-drittijiet u l-irwol tal-minoranza ta' persuni li jitkellmu r-Russu għadhom ma ġewx solvuti f'termini ta' integrazzjoni u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;
4. Jikkundanna l-attitudni tal-Gvern Russu u tal-President Putin, li tagħti n-nar lill-instabilità u tħeġġeġ il-firda, b'mod partikulari fl-Estonja u fil-Latvja; dwar dan il-punt, jiddikjara s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-popli ta' l-Estonja u tal-Latvja;
5. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, fuq il-bażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiżguraw li l-awtoritajiet Estonjani jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranza ta' persuni li jitkellmu r-Russu fl-Estonja;
6. Ifakkar li l-Estonja trid twettaq l-obbligi tagħha billi tipprovdi opportunitajiet indaqs u non-diskriminazzjoni għal kulħadd;
7. Jitlob lill-Gvern Estonjan biex ifittex politiki ta' integrazzjoni li huma aktar inklużivi u biex jegħleb l-aljenazzjoni ta' parti sostanzjali tal-popolazzjoni tiegħu;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Estonjani biex b'mod aktar attiv isibu soluzzjonijiet pragmatiċi u bbażati fuq il-ħtiġijiet għall-politiki rigward il-minoranzi billi, fost strateġiji oħra, jirrevedu d-definizzjoni attwali tagħhom ta' x'jikkostitwixxi minorità nazzjonali, definizzjoni li bħalissa tħalli lill-maġġoranza ta' persuni li fil-fatt huma parti minn minoranza mingħajr l-ebda drittijiet jew ħarsien tal-minoranzi, biex jirrevedu r-rekwiżiti lingwistiċi għall-impjieg fis-settur privat u biex jirrevedu l-possibiltajiet li jipprovdu tagħlim tal-lingwa Estonjana bi prezz li jitlaħaq minn kulħadd, jew bla ħlas, għall-persuni li jiffurmaw parti mill-minoranza lingwistika Russa;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern Estonjan biex jikkunsidra metodi aktar attivi biex jiġġieled kontra l-qgħad fost il-komunitajiet tal-minoranzi u metodi legali u prattiċi sabiex jinkludi l-minoranzi fis-soċjetà ġenerali Estonjana; hemm bżonn ukoll li jiġu riveduti l-bidliet leġiżlattivi attwali għas-sistema edukattiva sabiex jiġi żgurat li dawn ma jkollhomx effett negattiv fuq xi persuni li jiffurmaw parti minn minoranza u li ma jwasslux għal aktar esklużjoni soċjali ta' gruppi li huma diġà vulnerabbli;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Gvern u lill-Parlament Estonjan.