Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0220/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0220/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

21.5.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Toomas Savi, Siiri Oviir, Margarita Starkevičiūtė and Georgs Andrejevs
f’isem il-Grupp ALDE
dwar l-Estonja

Proċedura : 2007/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0220/2007
Testi mressqa :
B6-0220/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0220/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Estonja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tat-2 ta' Mejju 2007 dwar is-sitwazzjoni quddiem l-ambaxxata Estonjana f'Moska,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet numerużi ta' appoġġ lill-Estonja min-naħa tal- gvernijiet ta' l-UE,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Parlament Hans-Gert Pöttering, u d-dibattitu fil-plenarja tad-9 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-kapitali Estonjana, u f'partijiet ta' l-Estonja tal-Grigal, bejn is-26 u t-28 ta' April, 2007, dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra l-pjan tal-Gvern Estonjan li jċaqlaq il-monument Sovjetiku dedikat lil-liberaturi ta' Tallinn miċ-ċentru tal-kapitali Estonjana għal-ċimiterju militari ftit kilometri l-bogħod kienu responsabbli għal żewġt iljieli ta' vjolenza, li bdew meta d-dimostranti attakkaw lill-pulizija u dan irriżulta f'vandaliżmu mifrux fiċ-ċentru ta' Tallinn ;

B.  billi l-vandaliżmu ma kellu xejn x'jaqsam mal-bżonn aċċettat b'mod wiesa' li l-memorja tal-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija tiġi onorata, u billi l-vandali ma kinux magħqudin taħt nazzjonalità, iżda taħt ir-rieda li jwettqu atti vjolenti u li jissakkeġġaw;

C.  billi l-pulizija dehru li qed jużaw il-forza biss f'sitwazzjonijiet estremi, u li l-Kanċillier Legali Estonjan ma' identifikax nuqqas ta' mmaniġġjar fil-ħidma tal-pulizija,

-  billi l-Gvern Estonjan spjega r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni taċ-ċaqlieq tal-monument bil-quddiem lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u offra li jikkopera magħhom waqt iċ-ċaqlieq u ħeġġeġ lir-rappreżentanti Russi sabiex ikunu preżenti għall-eżumazzjonijiet; xi ħaġa li l-awtoritajiet Russi ċaħdu li jagħmlu;

E  billi l-eżumazzjonijiet saru f'konfrmità stretta ma' l-istandards internazzjonali u n-normi ta' aġir dinjituż u billi l-monument ser jerġa' jinfetaħ fiċ-ċimiterju b'ċerimonja uffiċjali u bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-koalizzjoni ta' kontra Hilter,

F  billi d-dimostrazzjonijiet vjolenti u l-attakki kontra l-liġi u l-ordni soċjali saru bl-organizzazzjoni attiva u bl-għajnuna ta' forzi li jinsabu barra mill-Estonja,

G  billi saru diversi stqarrijiet għolja fir-Russja, inkluża stqarrija uffiċjali mid-delegazzjoni tad-Duma Statali waqt iż-żjara tagħha f'Tallinn , li talbet ir-riżenja tal-Gvern Estonjan;

H  billi immedjatament wara l-irvellijiet f'Tallinn , l-Ambaxxata Estonjana f'Moska ma' tħallietx topera b'mod normali għal sebat ijiem minħabba dimostranti ostili ta' l-organizzazzjoni Russa ta' żgħażagħ favur il-gvern bl-isem ta' "Nashi", li wassal għal attakki fiżiċi kontra l-Ambaxxatur Estonjan u dak Żevidiż, theddid li jitwaqqa' l-bini ta' l-ambaxxata, it-tqattigħ tal-bandiera Estonjana fit-territorju ta' l-ambaxxata, segwiti b'aktar attakki fuq il-Konsulat Estonjan f'Pihkua u l-fatt li l-Estonja ssejħet pajjiż "faxxista";

I  billi attakki ċiberenetċi sistematiċi ġew organizzati l-aktar minn barra l-Estonja, f'attentat biex jiġu mblukkati l-linji uffiċjali ta' komunikazzjoni u l-websajts ta' l-amministrazzjoni Estonjana, u billi dawk l-attakki ġew minn indirizzi IP ta' l-amministrazzjoni Russa, u billi attakki intensivi ta' propaganda komplew permezz ta' l-Internet u ta' messaġġi bil-mowbajls li jinċitaw reżistenza bl-armi u aktar vjolenza;

J  billi biss ftit jiem wara l-avvenimenti f'Tallinn, ir-Russja introduċiet restrizzjonijiet fuq skala wiesgħa fuq esportazzjonijiet Estonjani, u kumpaniji Russi ssospendew kuntratti ma' intrapriżi Estonjani, u kien hemm theddid għall-forniment ta' enerġija lill-Estonja, u s-sospensjoni tal-ferrovija bejn l-Estonja u San Pietruburgu b'effett mill-aħħar ta' Ġunju;

K.  billi l-awtoritajiet Russi, inkluża d-delegazzjoni tad-Duma Statali, sfortunatament irrifjutaw li jidħlu fi djalogu ma' l-awtoritajiet Russi u rrifjutaw saħansitra li jipparteċipaw f'konferenza stampa konġunta fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin;

L.  billi l-ġrajjiet ġew aggravati permezz ta' informazzjoni ħażina maħruġa mill-istazzjonijiet tal-midja Russi, li pprovokat aktar protesti,

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu u s-solidarjetà mal-Gvern Estonjan elett demokratikament fl-isforzi tiegħu biex jiggarantixxi l-ordni u l-istabilità kif ukoll l-istat tad-dritt għar-residenti kollha Estonjani;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda u jkollha pożizzjoni komuni fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, u jilqa' b'sodisfazzjoni f'dan ir-rigward il-linja ċara li ħadet in-naħa ta' l-UE fis-Samit riċenti bejn l-UE u r-Russja fit-18 ta' Mejju 2007 li ma tippermettix li l-valuri u l-prinċipji demokratiċi jingħataw il-ġenb għall-kapriċċ ta' koperazzjoni purament ekonomika;

3.  Iqis li l-attentati differenti sabiex ikun hemm indħil fl-affarijiet interni ta' l-Estonja min-naħa ta' l-awtoritajiet Russi (bħal sejħiet għar-riżenja tal-Gvern Estonjan) mhumiex aċċettabbli;

4.  jinsab allarmat bin-nuqqas skandaluż ta' ħarsien xieraq ta' l-Ambaxxata Estonjana f'Moska mill-awtoritajiet Russi u bl-attakki fiżiċi kontra l-Ambaxxatur Estonjan mid-dimostranti "Nashi"; jistieden lill-Gvern Russu sabiex jirrispetta mingħajr eċċezzjoni l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Ħarsien tad-Diplomatiċi;

5.  Jikkundanna l-attentati mir-Russja sabiex teżerċita pressjoni ekonomika fuq l-Estonja bħala strument ta' politika barranija u jistieden lill-Gvern Russu sabiex ireġġa' għan-normal ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ stati;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li r-retorika bla distinzjoni u ostili fil-beraħ użata mill-awtoritajiet Russi fil-konfront ta' l-Estonja hija f'kuntrast qawwi mal-prinċipji ta' atteġġjament internazzjonali u ser ikollha impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE b'mod ġenerali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha sabeix jgħinu fl-analiżi ta' l-attakki ċibernetiċi fuq websajts Estonjani u sabiex jippreżentaw studju dwar kif attakki u theddidiet simili jistgħu jiġu indirizzati fuq il-livell ta' l-UE, u jistieden lir-Russja sabiex tgħin bis-sħiħ f'dawn l-investigazzjonijiet;

8.  Jistieden lill-Gvern Russu sabiex jinvolvi ruħu fi djalogu miftuħ u mhux żbilanċjat mad-demokraziji ta' l-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali dwar l-istorja ta' l-20 seklu kif ukoll dwar il-reati kontra l-umanità, inklużi dawk mill-Komuniżmu totalitarju;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-talba tal-President Estonjan Toomas Hendrik Ilves, li enfasizza li l-persuni li marru l-Estonja waqt iż-żminijiet Sovjetiċi u li issa jgħixu fir-Repubblika ta' l-Estonja, kif ukoll it-tfal u n-neputijiet tagħhom, huma kollha Estonjani; l-Estonjani kollha, hi x'inhi l-oriġini tagħhom, għandhom l-esperjenza qarsa tagħhom tal-ħajja taħt it-tliet poteri ta' ħakma konsekuttivi fl-aħħar seklu; hemm il-bżonn li naraw u nifhmu t-traġedji ta' l-oħrajn;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.