MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
29.5.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Raimon Obiols i Germà, f’isem il-Grupp PSE Marios Matsakis u Marco Cappato, f’isem il-Grupp ALDE
Konrad Szymański, f'isem il-Grupp UEN
Hélène Flautre, Raül Romeva i Rueda, Milan Horáček u Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
André Brie, Vittorio Agnoletto u Luisa Morgantini, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Nils Lundgren, Hélène Goudin u Bastiaan Belder
dwar il-ħames sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC)
B6‑0234/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħames sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fuq il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti mill-1996, b'mod partikolari ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-riżultat tan-negozjati fuq il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-62 sessjoni ta' l-UNCHR tas-16 ta' Marzu 2006[1], kif ukoll dawk tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti[2], tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti[3], tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultat tas-Samit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-14-16 ta' Settembru 2005[4] u tas-26 ta' April 2007 dwar ir-Rapport Annwali tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2006 u l-politika ta' l-UE dwar il-kwistjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/251 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li waqqfet il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra s-sessjonijiet preċedenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-ħames sessjoni li jmiss,
– wara li kkunsidra r-riżultat tax-xogħol tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-proċedura ta' ilmenti, ir-reviżjoni perjodika universali, is-sistema futura ta' parir ta' espert, l-aġenda, il-programm tax-xogħol annwali, il-metodi tax-xogħol, ir-regoli ta' proċedura u r-reviżjoni tal-proċeduri speċjali,
– wara li kkunsidra r-riżultati ta' l-elezzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li sar fis-17 ta' Mejju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għal, u l-promozzjoni u l-protezzjoni ta', l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem hija parti mill-acquis etiku u legali ta' l-Unjoni Ewropea u waħda mill-ġebel tax-xewka ta' l-unità u ta' l-integrità Ewropea,
B. billi n-Nazzjonijiet Uniti potenzjalment jikkostitwixxu, issa kif ukoll fil-passat, waħda mill-iktar organizzazzjonijiet adegwati biex tittratta b'mod komprensiv mal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ma' l-isfidi li l-bniedem jiffaċċja llum,
C. billi l-HRC jista' jipprovdi platform effettiv għat-tisħiħ tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas tan-NU,
D. billi l-ħames sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem se tkun waħda kruċjali f'dan is-sens, peress li se tikkompleta r-reviżjoni tal-mekkaniżmi u tal-mandati u tiżviluppa l-modalitajiet tar-Reviżjoni Perjodika Universali,
E. billi l-kredibilità tal-HRC tistrieħ fuq l-adozzjoni ta' dawn ir-riformi u l-mekkaniżmi b'mod li ssaħħaħ l-abilità tiegħu biex jindirizza l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,
F. billi ġiet imwaqqfa delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ad hoc għall-ħames sessjoni tal-Kunsill, bħal fil-każ tas-sena ta' qabel u, qabel dak, għall-predeċessur tal-Kunsill, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
1. Jinnota r-riżultati ta' l-ewwel sena ta' ħidma ta' l-HRC; jilqa' b'sodisfazzjon l-programm ambizzjuż li l-HRC fassal għalih innifsu, li inkluda r-reviżjoni tal-proċeduri u tal-metodi ta' ħidma tiegħu, b'mod partikolari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-Reviżjoni Perjodika Universali u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet speċjali biex jirrispondu għal kriżijiet urġenti; madankollu, jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' l-HRC li jieħu azzjoni biex jindirizza ħafna mis-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-iktar urġenti fid-dinja;
3. Jiddispjaċih b'mod partikolari dwar id-dgħufija tar-riżoluzzjoni ta' l-HRC dwar Darfur, kif ukoll dwar id-deċiżjoni meħuda skond il-proċedura kunfidenzjali biex ilmenti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Iran u mill-Uzbekistan ma jitkomplewx jiġu kkunsidrati u dan skond il-proċedura '1503'; jinnota li l-kunfidenzjalità skond il-proċedura '1503' ma tatx il-bidu għal dak li kien mistenni bħala koperazzjoni aħjar mill-awtoritajiet ikkonċernati; jitlob għall-introduzzjoni ta' proċeduri aktar trasparenti;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Persuni kollha dwar Għibien Sfurzat, sena biss wara l-adozzjoni tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jistieden lill-Istati tan-NU kollha biex jirratifikaw il-konvenzjoni; jerġa' jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja ta' iffirmar u ratifika;
5. Jinnota r-riżultati ta' l-elezzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Mejju ta' 14-il membru ġdid ta' l-HRC;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon, il-fatt li l-Belarus ma ġietx eletta fil-Kunsill, fid-dawl tal-kundanna tagħha erba' xhur qabel mill-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' koperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali;
7. Jitlob għal elezzjonijiet kompetittivi fir-reġjuni kollha sabiex ikun hemm għażla vera bejn l-Istati Membri tan-NU; jiddispjaċih li xi pajjiżi b'rekords problematiċi ta' drittijiet tal-bniedem ġew eletti, minħabba li dehru li ma kienu għamlu xejn ħażin;
8. Jerġa' jafferma l-ħtieġa li l-membri tal-HRC ikunu konformi ma' l-obbligi tagħhom li jikkoperaw bi sħiħ mal-Proċeduri Speċjali sabiex jenfasizzaw l-irwol tagħhom li jippreservaw l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jinkoraġġixxi lill-UE biex tkompli tagħfas għall-kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni fl-HRC, kif ukoll għas-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni proprja tal-wegħdiet elettorali ta' l-Istati Membri;
10. Jenfasizza li l-kredibilità u l-effettività ta' l-HRC fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jistrieħu fuq il-koperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, kif ukoll fuq l-adozzjoni tar-riformi u tal-mekkaniżmi b'mod li ssaħħaħ l-abilità tiegħu biex jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;
Ir-reviżjoni tal-proċeduri u tal-mekkaniżmi
11. Iħares lejn il-mekkaniżmu tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) bħala mezz potenzjali għat-titjib ta' l-universalità tas-sorveljenza ta' l-impenji u tal-prattiki tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja billi l-Istati Membri jkunu soġġetti għal trattament u skrutinju ugwali;
12. Jenfasizza li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk ir-reviżjoni tinvolvi kompetenzi indipendenti fl-istadji kollha tal-proċess ta' reviżjoni u mekkaniżmu effettiv u ta' segwitu orjentat lejn ir-riżultat; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għat-tendenza preżenti dwar din il-kwistjoni;
13. Għalhekk jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU sabiex jassiguraw li r-reviżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni objettiva u ta' min joqgħod fuqha, kif ukoll dwar standards komuni bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u obbligi u impenji oħra, inklużi wegħdi elettorali;
14. Jitlob l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ta' segwitu fil-proċess ta' reviżjoni, li jitolbu lill-Istati riveduti sabiex jirraportaw lura lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
15. Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza tal-proċess għall-parteċipanti kollha u għal kull min hu konċernat, kif ukoll tal-parteċipazzjoni effettiva mill-NGOs matul dan il-proċess;
16. Jenfasizza li Proċeduri Speċjali huma fil-qalba tal-makkinarju tad-drittijiet umani tan-NU, u jilgħabu rwol kritiku fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
17. B'konsegwenza jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jippreservaw l-indipendenza ta' dawn il-Proċeduri Speċjali minn influwenza politika mill-gvernijiet u biex jassiguraw li l-intervenzjoni tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet li jinstabu jiġu miżmuma bħala element essenzjali fil-kwalità tal-kompetenza;
18. Hu mħasseb ħafna f'dan ir-rigward bl-Abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar Proċeduri Speċjali ippreżentat għan-nom tal-Grupp Afrikan, li jdgħajjef b'mod konsiderevoli l-mekkaniżmi u l-kapaċità protettiva tagħhom;
19. Jenfasizza li, jekk jiġi adottat Kodiċi ta' Kondotta, għandu jkun limitat għall-etika professjonali u għall-prinċipji ta' min ikollu l-mandati u jispeċifika l-obbligi ta' l-Istati li jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali, jiġifieri billi jirrispettaw l-independenza tagħhom u jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom;
20. Jitlob għal appoġġ kontinwu għall-Proċeduri Speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' finanzi u staff;
21. Jenfasizza li r-reviżjoni ta' mandati ta' Proċeduri Speċjali għandhom isiru b'konsultazzjoni ma' diversi persuni li jkollhom mandat sabiex jiġi evitat li l-kapaċità protettiva tas-sistema ta' proċeduri tiddgħajjef; jenfasizza b'mod partikolari li l-UPR, flimkien mas-sessjonijiet speċjali, għandhom ikunu mekkaniżmu addizzjonali sabiex jiġu indirizzati abbużi ta' drittijiet tal-bniedem u m'għandhomx jieħdu post il-Proċeduri Speċjali b'mandati tal-pajjiż;
22. Jinnota li l-aġenda tal-Kunsill għandha tikkombina l-kapaċità li wieħed ibassar mal-flessibilità sabiex jiġu indirizzati kriżijiet ġodda ta' drittijiet tal-bniedem;
Involviment ta' l-UE
23. Jirrikonoxxi l-involviment attiv ta' l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-ewwel sena ta' ħidma ta' l-HRC u jistenna bil-ħerqa Presidenza ta' suċċess ta' l-UNHRC mir-Rumanija;
24. Jistieden lill-UE sabiex terġa' tafferma u tikkonsolida l-pożizzjoni solida tagħha dwar it-tħassib imsemmi hawn fuq, b'mod speċjali dwar l-UPR u r-riveżjoni tal-Proċeduri Speċjali, li huma kruċjali għat-tħaddim effettiv futur tal-Kunsill; jistieden lill-UE sabiex tirrifjuta kwalunkwe kompromess li jpoġġi f'riskju l-kapaċità ta' l-HRC li tilgħab l-irwol sħiħ tagħha li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha;
25. Jerġa' jtenni l-istedina tiegħu lill-UE sabiex tagħmel iktar użu effettiv ta' l-għajnuna u l-appoġġ politiku għall-pajjiżi terzi biex tagħtihom inċentiv jikkooperaw ma' l-HRC;
26. Jikkunsidra li l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jaġixxu b'mod koerenti u b'mod ikkoordinat biex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Kunsill;
27. Jistieden lill-pajjiżi li daħlu fi ftehimiet ma' l-UE li jinkludu klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem biex jikkooperaw ma' l-UE biex jiżdied il-potenzjal tal-Kunsill li jtejjeb id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jistieden lid-delegazzjonijiet interparlamentari u lill-assemblei biex jeżaminaw dan l-aspett fil-laqgħat tagħhom;
28. Jikkummissjona lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-ħames sessjoni ta' l-HRC biex titkellem dwar it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni, jistieden lid-delegazzjoni biex tirraporta dwar il-viżita tagħha lis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li hu xieraq li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tkompli tintbagħat għal sessjonijiet relevanti ta' l-HRC;
o
o o
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-61 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-grupp ta' ħidma UE-NU imwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.
- [1] Testi Adottati, P6_TA(2006)0097
- [2] ĠU C 96 E, 21.4.2004, p.79.
- [3] Testi adottati, P6_TA (2005)0237.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2005)0362.