Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0249/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0249/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

18.6.2007

biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura minn
dwar trattat dwar il-kummerċ ta’ l-armi: it-twaqqif ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali

Proċedura : 2007/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0249/2007
Testi mressqa :
B6-0249/2007
Testi adottati :

B6‑0249/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar trattat dwar il-kummerċ ta’ l-armi: it-twaqqif ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001, tal-15 ta' Novembru 2001, tad-19 ta' Ġunju 2003 u tas-26 ta' Mejju 2005 dwar il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u l-użu ħażin ta’ armi u armamenti żgħar (SALW), kif ukoll ir-riżoluzzjonijet annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Imġieba ta’ l-UE tat-Trasferiment ta' l-Armi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 li tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tibda n-negozzjati dwar trattat internazzjonali dwar il-kummerċ ta’ l-armi (ATT – “Arms Trade Treaty”) fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti direttament wara l-Konferenza ta’ Reviżjoni tan-NU dwar il-Programm ta’ Azzjoni sabiex jistabilixxi strument li jorbot legalment li jirregola t-trasferimenti ta’ l-armi fuq livell globali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  filwaqt li jilqa’ l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 61/89 ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-6 ta’ Diċembru 2006 li jimmarka l-bidu formali ta’ proċess lejn Trattat għall-kummerċ ta’ l-Armi (ATT) u filwaqt li jinnota l-appoġġ qawwi li rċiviet dik ir-riżoluzzjoni minn 153 Stat, indikattiv ta’ konvinzjoni politika globali qawwija li wasal iż-żmien għat-tmiem tal-kummerċ irrisponsabbli ta' l-armi,

B.  filwaqt li jinnota li, bħala l-ewwel pass, is-Segretarju Generali tan-NU għandu jitlob il-fehmiet ta' l-Istati Membri dwar il-fattibilità, l-iskop u l-abbozz ta' parametri għal strument komprensiv u li jorbot legalment li jistabbilixxi standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni, u t-trasferiment ta' l-armi konvenzjonali,

C.  billi madwar 100 gvern taw il-fehmiet tagħhom, u billi l-Uffiċju għall-Affarijiet tad-Diżarm tan-Nazzjonijiet Uniti indika li, sottomissjonijiet rċevuti qabel l-20 ta’ Ġunju 2007 jiġu mdaħħla fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex ikun ippreżentat lill-Kumitat tan-NU dwar id-Diżarm f’Ottubru ta’ l-2007, dawk l-Istati li ma jilħqux l-iskadenza ta’ Ġunju xorta jkun jista' jkollhom is-sottomissjonijiet tagħhom inklużi bħala addenda mar-rapport,

D.  billi r-Riżoluzzjoni 61/89 tagħti wkoll mandat lis-Segretarju Ġenerali biex fl-2008 jlaqqa’ Grupp ta’ Esperti Governattivi (GGE – “Group of Governmental Experts”) sabiex jeżaminaw il-fattibilità, l-iskop u l-abbozz ta' parametri għal strument komprensiv u li jorbot legalment li jistabbilixxi standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni, u t-trasferiment ta' l-armi konvenzjonali,

E.  billi riżultat pożittiv ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa kruċjali fl-importanza biex jitqiegħedu l-fondazzjonijiet għan-negozzjati futuri tat-Trattat,

F.  jafferma mill-ġdid li, sakemm dawn in-negozzjati jkunu ġew konklużi b’suċċess, trasferimenti irrisponsabbli ta' l-armi se jkomplu joħolqu tbagħtija inaċċettabbli għall-bnedmin u jiggravaw il-kunflitt armat, l-instabilità, l-attakki terroristiċi, it-tmexxija ħażina u l-korruzzjoni kif ukoll ksur gravi tar-regola tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll jiġi mxekkel l-iżvilupp sostenibbli,

G.  huwa konvint li, fis-stennija tar-riżultat ta' dawn in-negozzjati, l-Istati ma għandhomx ikomplu jippermettu li embargoes ta' l-armi li qabel kien intlaħaq ftehim fuqhom ikunu injorati b'mod dispreġġjattiv u mwaqqa' għaċ-ċajt minn min għandu sehem f’kunflitti armati u minn fornituri ta' armamenti bla skrupli,

H.  filwaqt li jilqa’ u jappoġġja l-isforzi f’kampanji li għaddejjin min-naħa ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

1.   Jistieden lill-153 Stat li vvutaw favur ir-riżoluzzjoni tan-NU, li nkludiet l-Istati Membri kollha ta’ l-UE, sabiex iressqu minnufieħ is-sottomissjonijiet tagħhom biex jappoġġjaw l-ATT lis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

2.   Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex iħejji programm ta’ attivitajiet li jużaw diversi fora internazzjonali, inklużi n-NATO, l-OSCE u l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU, sabiex jinkoraġixxi lill-Istat jressqu s-sottomissjonijiet tagħhom;

3.   Iħeġġeġ lill-Istati kollha sabiex fis-sottomissjonijet tagħhom jagħmlu enfasi li l-ATT għandha tikkodifika l-obbligi eżistenti skond il-liġi internazzjonali f’dak li hu trasferiment ta’ armi, u b’mod speċjali dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja;

4.   Jirrakkomanda ħafna li sabiex l-ATT ikun effettiv, l-Istati għandhom jibbażaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq il-parametri li ġejjin:

  • (i)L-Istati huma responsabbli għal u għandhom jirregolaw it-trasferimenti ta’ l-armi kollha li huma fil-ġurisdizzjoni tagħhom;
  • (ii)L-Istati għandhom jevalwaw it-trasferimenti internazzjonali ta’ l-armi kollha fid-dawl ta’ tliet kategoriji ta’ restrizzjoni skond il-liġi eżistenti:
    • (a)projbizzjonijiet espliċiti li permezz tagħhom l-Istati ma għandhomx jitrasferixxu armi f’ċerti sitwazzjonijiet fuq il-bażi ta' projbizzjonijiet eżistenti f’dak li huma produzzjoni, il-pussess, l-użu u t-trasferiment ta’ l-armi;
    • (b)projbizzjonijiet ibbażati fuq l-użu probabbli ta’ l-armi, b’mod partikulari jekk l-armi aktarx jintużaw biex jitwettqu vjolazzjonijiet serji tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew tal-liġi umanitarja internazzjonali;
    • (c)kriterji u normi li qed joħorġu li għandhom ikunu kkunsidrati meta jitqiesu t-trasferimenti ta’ l-armi, inkluż jekk l-armi humiex se jintużaw għal attakki terroristiċi, kriminalità vjolenti u/jew organizzata, l-effett negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli jew fuq is-sigurtà jew l-istabilità reġjonali, jew tinvolvi prattiċi ta' korruzzjoni;

   (iii) l-Istati għandhom jiftehmu fuq mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar li li jaħseb għall-investigazzjoni f’waqtha, imparzjali u trasparenti ta’ vjolazzjonijiet allegati ta’ ATT u penali xierqa għal min jikser il-liġi;

5.   Jistieden lill-Istati kollha sabiex jappoġġjaw ix-xogħol ta’ u jaħdmu mal-Grupp ta’ Esperti Governattivi (GGE) li għandu jitwaqqaf fl-2008, sabiex ikun żgurat li jsir progress sinifikanti lejn ATT ta’ valur;

6.   Jibqa’ konvint li kritiku għas-suċċess ta' l-ATT huma t-trasparenza akbar u rieda ġdida li jsir skambju ta’ informazzjoni dwar trasferiment ta’ l-armi, inkluż informazzjoni dwar l-utenti aħħarin, u li dan jirrikkjedi l-użu ta’ mekkaniżmi, bħal ma huma verżjoni mtejba tar-Reġistru tan-NU dwar l-armi konvenzjonali, sabiex tinħoloq garanzjia bbilanċjata u reċiproka tat-trasparenza globali;

7.   Jistieden lill-Istati kollha, fl-istennija għal l-adozzjoni ta’ l-ATT, sabiex jieħdu miżuri effiċjenti biex jitwaqqfu s-senserija u t-trasport irrisponsabbli ta’ l-armi, munizzjoni u t-tagħmir assoċjat militari u għas-sigurtà ta’ kull tip, inkluż komponenti u oġġetti ta' użu doppju, kif ukoll it-trasferiment u l-liċenzjar ta’ produzzjoni barranija ta’ dan it-tip ta’ tagħmir lil partijiet suġġetti għal embargoes internazzjonali ta’ l-armi jew li b’mod persistenti jikkommettu vjolazzjonijiet serji tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew tal-liġi umanitarja internazzjonali;

8. F’dan il-kuntest jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-pożizzjoni komuni ta’ l-UE dwar is-senserija fil-bejgħ ta' l-armi sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza ta’ l-isforzi sabiex titwaqqaf is-senserija irrisponsabbli fil-bejgħ ta' l-armi;9. Jikkundanna kategorikament il-kummerċ fl-armi u fil-munizzjoni fi ksur ta’ embargoes ta' l-armi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u jagħraf li t-trasport ta’ dan it-tip ta’ prodotti jsir prinċipalment bl-ajru; jistieden lill-Istati Membri ta’ l-UE sabiex itejbu l-koperazzjoni tagħhom ma' Stati oħra f'dan il-qasam; jistieden lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti u lill-organizzazzjonijiet reġjonali xierqa sabiex jirrakomandaw, f’koordinazzjoni ma’ l-industrija tat-trasport bl-ajru, miżuri preventivi xierqa;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, lill-OSCE, lill-Unjoni Afrikana, lill-Forum Parlamentari dwar Armi u Armamenti Żgħar u lill-Isteering Committee ta’ NGOs dwar it-Trattat għall-kummerċ ta’ l-Armi.