MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
18.6.2007
mill-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokument ta' Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja (CMT‑2007-1122)
B6‑0265/07
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokument ta' Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja
(CMT‑2007-1122)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għal koperazzjoni fl-iżvilupp[1],
– wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokument ta' Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja (CMT-2007-1122),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet mogħtija fit-8 ta' Ġunju 2007 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament ta' hawn fuq (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-kumitat ta’ mmaniġġjar ta' l-Istrument għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DCI)"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li jistipula l-proċeduri għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-8 ta' Ġunju 2007 il-kumitat ta' mmaniġġjar DCI ivvota favur l-abbozzi ta' Dokument ta' Strateġija Reġjonali 2007-2013 u ta' Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja(CMT-2007-1122),
B. billi, skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE u l-Artikolu 1 tal-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[3], il-Parlament irċieva r-riżultati tal-votazzjoni,
C. billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li “l-objettiv primarju u l-iktar importanti ta’ koperazzjoni skond dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli”,
D. billi l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li “miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)[4] għandhom ikunu mfassla sabiex jissodisfaw il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbilit mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC)”,
E. billi fid-'Direttivi ta' Rappurtaġġ għas-Sistema ta' Rappurtaġġ tal-Kredituri' (DCD/DAC (2002)21), l-OECD/DAC tiddefinixxi l-ODA bħala flussi finanzjarji lejn pajjiżi fil-Lista tad-DAC ta’ Dawk li Jirċievu ODA li għalihom, fost oħrajn “kull tranżazzjoni hija amministrata mal-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-ġid tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala l-objettiv ewlieni tagħha”,
F. billi l-paragrafi 3 u 8 ta' l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipulaw rispettivament li “d-dokumenti ta’ strateġija għandhom, fi prinċipju, ikunu bbażati fuq djalogu mal-pajjiż jew reġjun sieħeb li jinvolvi lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali” u li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif ukoll lil donaturi oħra u lil parteċipanti oħra fl-iżvilupp inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fi stadju kmieni tal-proċess ta’ programmar sabiex tkun promossa l-komplementarjetà fost l-attivitajiet ta’ koperazzjoni tagħhom”,
1. Huwa tal-fehma li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija Reġjonali 2007-2010 u l-abbozz ta’ Programm Indikattiv Plurijennali 2007-2010 għall-Asja il-Kummissjoni teċċedi s-setgħat tagħha ta' implimentazzjoni stipulati fl-att bażiku billi tinkludi fis-Settur Fokali 1 tagħha "appoġġ għal integrazzjoni reġjonali" l-elementi li ġejjin, li mhumiex konformi mal-paragrafi 1 u 4 ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, minħabba li l-objettiv primarju ta' dawn l-elementi mhuwiex l-eliminazzjoni tal-faqar, u minħabba li dawn ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC:
- -fil-qasam tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM), u b'mod partikulari l-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF), waħda mill-prijoritajiet imsemmija hija li "tkun faċilitata d-disseminazzjoni ta' informazzjoni u l-iskambju ta' riżorsi u li titkabbar il-kuxjenza pubblika ta' l-ASEM/ASEF";
- fil-qasam ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Asja t'Isfel għall-Koperazzjoni Reġjonali (SAARC), wieħed mill-programmi li ġew proposti huwa l-Programm ta' Avjazzjoni Ċivili ta' l-Asja t'Isfel; f'dan il-programm, il-Kummissjoni tinkludi bħala objettiv il-promozzjoni ta' l-adozzjoni ta' regolamenti tas-sigurta Ewropej;
- fil-qasam ta' l-appoġġ għall-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet Asjatiċi tax-Xlokk (ASEAN), l-objettivi msemmija tal-programm "Appoġġ istituzzjonali u d-djalogu bejn ir-reġjuni" jinkludu li "kemm jista' jkun jiġu appoġġjati negozjati u implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles ASEAN-UE" u "jżidu l-viżibbilta tal-kontribuzzjoni tal-KE għall-ASEAN";
- ukoll fil-qasam ta' l-appoġġ għall-ASEAN, l-objettiv ġenerali tal-programm "il-koperazzjoni u r-riforma tal-politika fil-qasam tas-sigurta" huwa "li jkunu appoġġjati l-koperazzjoni u r-riforma fil-qasam tas-sigurta, sabiex tiġi żviluppata sistema aktar koerenti tal-Ġestjoni tal-Fruntieri diġa stabbilita f'portijiet ewlenin magħżula ta' dħul u ħruġ ta' Pajjiżi Membri ta' l-ASEAN (...). B'mod aktar speċifiku hija maħsuba biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tas-sistema tal-Ġestjoni tal-Fruntieri ta' l-ASEAN kemm fuq livell ta' koperazzjoni reġjonali kif ukoll f'Punti magħżula ta' Qsim fil-Fruntieri";
2. Huwa tal-fehma li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija Reġjonali 2007-2010 u l-abbozz ta’ Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja il-Kummissjoni teċċedi s-setgħat tagħha ta' implimentazzjoni stipulati fl-att bażiku billi tinkludi fis-Settur Fokali 2 tagħha ("edukazzjoni għolja u istituzzjonijiet ta' riċerka") - li għalihom talloka kważi 15% mill-fondi fil-Programm Indikattiv Plurijennali - l-elementi li ġejjin, li mhumiex konformi mal-paragrafi 1 u 4 ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, minħabba li l-objettiv primarju ta' dawn l-elementi mhuwiex l-eliminazzjoni tal-faqar, u minħabba li dawn ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC:
- -fil-qasam ta' "edukazzjoni għolja", waħda mill-għanijiet speċifiċi hija li "jiġi promoss ftehim aħjar ta' l-edukazzjoni għolja Ewropea fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw Asjatiċi", u l-attivitajiet proposti jinkludu: "skemi ta' mobilita għal studenti u akkademiċi; netwerking u trasferiment ta' l-aħjar prattika bejn l-universitajiet Asjatiċi u ta' l-UE u "workshops, fieri ta' edukazzjoni għolja, laqgħat tal-partijiet interessati, attivitajiet promozzjonali, produzzjoni ta' dokumenti ta' ħidma, rikonoxximent reċiproku ta' appoġġ ta' kwalifiki , stħarriġ"; m'hemm l-ebda dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-oqsma ta' studju eliġibbli skond il-programm se jiġu magħżula fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' żvilupp tar-reġjun, jew li l-għażla tal-beneficjarji tal-programm se jappoġġjaw il-livell l-aktar fqir tal-popolazzjoni u mhux ikabbar id-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra, u m'hemm l-ebda dispożizzjonijiet li jipprevjenu "brain drain";
- -fil-qasam ta' "l-appoġġ għal istituzzjonijiet ta' riċerka", l-għan imsemmi huwa li "jikber il-ftehim reċiproku bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun Asjatiku"; attivitajiet speċifiċi jinkludu: "li jinġabru flimkien think-tanks u dawk li jfasslu l-politiki miż-żewġ reġjuni, biex il-firxa ta' seminars u konferenzi ssir usa' u aktar intersifikata"; il-Kummissjoni ssostni li għal dan il-għan se jiġu allokati fondi biex "jappoġġjaw il-ħidma ta' istituti speċjalizzati li jiffukaw fuq ir-relazzjonijiet Asja-UE" u li l-attivitajiet se jiffukaw fuq it-tisħiħ ta' kapaċitajiet relatati mar-riċerka, il-promozzjoni ta' dibattitu pubbliku dwar ir-relazzjonijiet EU-Asja, u ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet, think tanks u gruppi simili Asjatiċi u Ewropej".
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tad-deċiżjoni li tistabbilixxi Dokument ta' Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Plurijennali għall-Asja biex tressaq lill-kumitat abbozz ġdid ta' deċiżjoni li jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.