MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
29.6.2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Paolo Costa
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar ir-Regolament (KE) Nru 1546/2006 tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni (il-ġarr ta’ likwidi fl-ajruplani)
B6‑0267/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament (KE) Nru 1546/2006 tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni (il-ġarr ta’ likwidi fl-ajruplani)
The European Parliament,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2005)0429),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 622/2003 tal-Kummissjoni li jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1546/2006 tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni (il-ġarr ta’ likwidi fl-ajruplani)
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bi Tweġiba Orali B6-0004/2007, B6-0005/2007, B6-0006/2007, B6‑0007/2007 u B6-0008/2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jappoġġja l-miżuri kollha ta' sigurtà kontra riskji ta' terroriżmu fil-qasam ta' l-avjazzjoni, li huma maħsuba b'mod realistiku biex inaqqsu r-riskju u li m'humiex sproporzjonati;
2. Jiġbed l-attenzjoni li l-kontrolli ta’ likwidi fil-bagalji ta’ l-idejn permezz ta’ apparat ta’ l-X-ray ma jistgħux jittraċċaw splużivi f'likwidi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom b’appoġġ għall-istudji tar-riċerka sabiex jinstabu mezzi effettivi għall-ittraċċar ta’ sustanzi splużivi f’likwidi;
3. Iqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1546/2006 ma ġewx implimentati b’mod uniformi u b’mod konsistenti fl-ajruporti kollha fl-Unjoni Ewropea u jitlob sabiex titwettaq din l-implimentazzjoni;
4. Jinnota li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament iġġib magħha spejjeż żejda għall-ajruporti u għall-operaturi;
5. Jinnota wkoll, filwaqt li japprezza l-ħtieġa ta’ sigurtà ta’ kwalità għolja, l-ispejjeż għall-passiġġieri ta’ l-ajru li joriġinaw mit-teħid ta’ proprjetà privata bħala riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament;
6. Jirrikonoxxi l-inkonvenjent serju u t-tħarbit li jġarrbu l-passiġġieri, l-aktar il-passiġġieri fi tranżitu, kif ukoll l-operaturi minħabba r-Regolament;
7. Huwa mħasseb li l-ispejjeż li jirriżultaw minħabba dan ir-Regolament jistgħu ma jkunux proporzjonati mal-valur miżjud ta’ dan ir-Regolament f’termini ta’ aktar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà miksuba b l-implimentazzjoni tiegħu;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b’mod urġenti u fuq bażi kontinwa tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1546/2006 (il-ġarr ta’ likwidi fl-ajruplani);
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.