Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0281/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0281/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

9.7.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Kathalijne Maria Buitenweg u Eva Lichtenberger
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-ftehima PNR ma' l-Istati Uniti

Proċedura : 2007/2602(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0281/2007
Testi mressqa :
B6-0281/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0281/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehima PNR ma' l-Istati Uniti

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-PNR tas-7 ta' Settembru 2006 (P6_TA(2006)0354) u ta' l-14 ta' Frar 2007 (P6_TA(2007)0039),

-   wara li kkunsidra l-ftehimiet PNR preċedenti bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tat-28 ta' Mejju 2004 u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tad-19 ta' Ottubru 2006,

-   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehima tat-28 ta' Ġunju 2007 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data dwar rekords ta' l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn kumpaniji ta' l-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta' l-Istati Uniti (DHS), trasmessi b'mod informali mill-President fil-Kariga, is-Sur Schäuble, liċ-Chairperson tal-kumitat LIBE,

-  wara li kkunsidra l-ittra tad-DHS tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar l-assigurazzjoni li tispjega s-salvagwardja tad-data tal-PNR, trasmessa informalment mill-President fil-kariga, il-Ministru Schäuble liċ-Chairperson tal-Kumitat LIBE,

-  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-27 ta' Ġunju 2007, dwar il-ftehima PNR il-ġdida ma' l-Istati Uniti indirizzata lill-President fil-kariga, is-Sur Schäuble,

-  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/82/KE dwar l-obbligu tal-kumpaniji ta' l-ajru li jikkomunikaw id-dejta personali tal-passiġġieri,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għan iddikkjarat tal-ftehima PNR huwa li jipprovdi bażi legali għat-trasferiment tad-data PNR ta' l-UE lill-Istati Uniti fuq naħa, u li jiżgura ħarsien xieraq tad-data personali u s-salvagwardji proċedurali taċ-ċittadini Ewropej min-naħa l-oħra,

B.   billi l-ftehima PNR ma tissodisfax it-tieni objettiv, għaliex hemm nuqqas sostanzjali fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-ħarsien tad-data u l-kumpens legali għaċ-ċittadini ta' l-UE, partikolarment minħabba definizzjonijiet wiesgħa u ambigwi u bosta possibilitajiet ta' eċċezzjonijiet,

C.  billi l-ħarsien adegwat tal-privatezza u l-libertajiet ċivili ta' ċittadini individwali u l-kontrolli tal-kwalità tad-data huma meħtieġa sabiex l-iskambju tad-data u ta' l-informazzjoni jkun għodda ta' min joqgħod fuqha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

D.   imħasseb li l-UE dgħajfet il-pożizzjoni ta' nnegozjar tagħha billi ma kenitx ċara rigward it-talbiet tagħha stess u billi ddikjarat b'mod repetittiv li kellha pożizzjoni ta' nnegozjar dgħajjfa mingħajr ma ħarset lejn għodod biex issaħħaħha,

Ġenerali

1.   Jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' viżjoni demokratika ta' kwalunkwe tip, għaliex il-ftehima PNR, proposta mill-Istati Uniti, wara li ġiet nnegozjata u miftiehma mingħajr ebda parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u wara li ħalliet nuqqas ta' opportunità għall-parlamenti nazzjonali li jeżerċitaw xi influwenza fuq il-mandat ta' nnegozjar, li jevalwaw bir-reqqa l-ftehima proposta, jew li jipproponu modifiki għaliha;

2.   Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ċertezza legali persistenti fir-rigward tal-konsegwenzi u l-għan ta' l-obbligi imposti fuq il-kumpaniji ta' l-ajru kif ukoll ir-relazzjoni legali bejn il-ftehima PNR u l-ittra tad-DHS;

3.   Jikkritika l-ftehima PNR għaliex ma toffrix livell adegwat ta' protezzjoni tad-data tal-PNR, u jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet ċari u proporzjonati marbuta ma' l-iskambju ta' informazzjoni, iż-żamma tad-data, u l-kontroll ta' l-awtoritajiet għall-ħarsien tad-data; jinsab imħasseb dwar il-bosta dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fid-diskrezzjoni tad-DHS;

Rigward il-qafas legali

4.   Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-amministrazzjoni, il-ġbir, l-użu u ż-żamma tad-data li tagħmel id-DHS bid-data dwar il-PNR m'humiex imwaqqfa fuq ftehima xierqa, iżda biss fuq assigurazzjonijiet li ma jorbtux, li d-DHS tista' tibdel b'mod unilaterali fi kwalunkwe ħin u li ma jagħtu l-ebda dritt jew benefiċċju lil ebda persuna jew parti;

5.   Jiddispjaċih min-nuqqas ta' limitazzjoni ċara ta' l-iskop fl-ittra tad-DHS, li tinnota li d-data tal-PNR tista' tintuża għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati relatati, iżda wkoll għal firxa ta' skopijiet addizzjonali mhux speċifikati, b'mod partikolari "għall-ħarsien ta' l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuni oħra, jew fi kwalunkwe proċedura kriminali legali, jew skond kif ikun meħtieġ mod ieħor bil-liġi";

6.   Jilqa' r-rieda tad-DHS li jmur għas-sistema PUSH sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008 fil-prinċipju, iżda jiddispjaċih li din iċ-ċaqliqa - diġà prevista fil-ftehima PNR ta' l-2004 - iddawmet għall-numru ta' snin, anki jekk il-kundizzjoni ta' fattibilità teknika ilha li ġiet issodisfata; jemmen li s-sistema PUSH għall-kumpaniji ta' l-ajru kollha għandha tkun sine qua non għal kwalunkwe trasferiment ta' PNR; jenfasizza li l-eżistenza simultanja tas-sistemi "PUSH" u "PULL" tista' twassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-UE;

7.   Jinsisti li r-reviżjoni perjodika konġunta mid-DHS u mill-UE għandha tkun, komprensiva, għandha ssir kull sena u li r-riżultati għandhom jiġu ppublikati; jinsisti li r-reviżjoni tkun tinkludi evalwazzjoni ta' l-effettività tal-miżuri f'termini ta' sigurtà akbar; jiddispjaċih li r-reviżjoni ma tipprevedi ebda involviment tal-kontrolluri nazzjonali jew Ewropew tad-data, ħaġa li kien provdut għaliha fil-ftehima PNR preċedenti;

8.   Jinsisti li l-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b'mod xieraq dwar l-użu tad-data tagħhom u d-drittijiet tagħhom, speċjalment id-dritt għal kumpens legali u d-dritt li jkunu infurmati fuq liema bażi jista' jitwaqqaf passiġġier, u li dan l-obbligu għandu jkun f'idejn il-kumpaniji ta' l-ajru; jemmen li d-DHS u l-Kummissjoni għandhom iġorru r-responsabilità għall-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri u jipproponi li n-"Nota qasira għall-ivvjaġġar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti" li ġiet ssuġġerita mill-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma (WP 132) jkun disponibbli għall-passiġġiera kollha;

Rigward il-protezzjoni tad-data

9.   Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni li l-Att dwar il-Privatezza ta' l-Istati Uniti se jiġi estiż amministrattivament għaċ-ċittadini ta' l-UE;

10.   Jiddispjaċih li d-DHS jirriżerva d-dritt li jintroduċi eżenzjonijiet skond l-Att dwar il-Libertà ta' Informazzjoni;

11.   Jiddeplora l-fatt li t-tul ta' kemm tinżamm id-data tal-PNR se jiġi estiż minn 3.5 snin għal 15-il sena, kif ukoll billi dan japplika b'mod retroattiv għal data miġbura taħt il-ftehimiet PNR preċedenti; jikkritika bl-aħrax il-fatt li wara il-perjodu ta' 15-il sena li matulu tinżamm id-data, magħmul minn 7 snin 'attivi' u 8 snin 'inattivi', m'hemmx garanzija li d-data titħassar definittivament;

12.   Jinnota t-tnaqqis fl-oqsma tad-data minn 34 għal 19, iżda jagħmel referenza għall-fatt li t-tnaqqis huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu superfiċjali minħabba l-fatt li numru ta' oqsma tad-data ngħaqdu flimkien u ngħataw isem ġdid minflok ma ġew imħassra;

13.   Jinnota bi tħassib li data sensittiva (jiġifieri data personali li tirrivela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjoni politika, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f'għaqda tal-ħaddiema, u data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali ta' l-individwu), se tkun disponibbli għad-DHS u li din id-data tista' tintuża mid-DHS f'każi eċċezzjonali;

14.   Huwa mħasseb dwar il-fatt li d-data se tinżamm għal seba' snin f''bażijiet analitiċi attivi ta' data', li jwassal għal riskju sinifikanti ta' elaborazzjoni tal-profili fuq skala kbira u tfittix ta' data, li huwa inkompatibbli ma' prinċipji bażiċi Ewropej u hi prattika li għadha qed tiġi diskussa fil-Kungress ta' l-Istati Uniti;

Rigward il-qsim ta' informazzjoni

15.   Jiddispjaċih li l-ftehima għadha ma rnexxilhiex tiddefinixxi b'mod preċiż liema awtoritajiet ta' l-Istati Uniti jista' jkollhom aċċess għad-data PNR;

16.   Jopponi bil-qawwa l-possibilità li pajjiżi terzi b'mod ġenerali jistgħu jingħataw aċċess għad-data PNR jekk jaderixxu ma' kundizzjonijiet speċifiċi tad-DHS, u li pajjiżi terzi jistgħu eċċezzjonalmnet, f'każi ta' emerġenza mhux speċifikati, jingħataw aċċess għad-data PNR mingħajr assigurazzjoni li d-data tiġi trattata skond il-livell ta' protezzjoni tad-data tad-DHS;

Rigward sistema PNR Ewropea

17.   Jinnota li l-ftehima tagħmel referenza għal sistema futura possibbli tal-PNR fil-livell ta' UE jew f'wieħed jew aktar minn fost l-Istati Membri tagħha, u li d-dispożizzjoni li kwalunkwe data PNR f'sistema bħal din tista' ssir disponibbli għad-DHS;

18.   Jitlob li l-Kummissjoni tiċċara s-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' sistema PNR ta' l-UE, inkluż li tagħmel l-istudju tal-fattibilità disponibbli, kif kienet wiegħdet li tagħmel;

19     Jirrepeti l-preokkupazzjonijiet espressi mill-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma fir-rigward ta' l-użu ta' data PNR għal skopijiet ta' nfurzar tal-liġi, b'mod partikolari billi jistieden lill-Kummissjoni biex tissostanzja:

  • (a)il-bżonn operattiv u l-iskop tal-ġbir ta' data PNR mad-dħul fit-Territorju ta' l-UE;
  • (b)il-valur miżjud tal-ġbir ta' data PNR fid-dawl tal-miżuri ta' kontroll li jeżistu diġà fil-mument tad-dħul fl-UE għal skopijiet ta' sikurezza, bħas-sistema ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS), u s-sistema API;
  • (c)l-użu li huwa maħsub għad-data PNR, b'mod partikolari jekk ikunx għall-identifikazzjoni ta' individwi biex tiġi żgurata s-sikurezza fl-ajru, għall-identifikazzjoni ta' min jidħol fit-territorju ta' l-UE, jew biex jiġi elaborat profil ġenerali negattiv jew pożittiv tal-passiġġieri;

20.   Jinsisti li l-Parlament Ewropew ikun involut skond l-Artikolu 71, 1c u l-Artikolu 251 tat-Trattat UE fl-iżviluppi rilevanti kollha;

21.   Jirriżerva d-dritt li jieħu azzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward kemm tal-bażi legali kif ukoll tal-kontenut tal-ftehima internazzjonali sabiex ifittex il-verifikazzjoni tal-legalità tagħha u, b'mod partikolari, il-kompatibilità tagħha mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

oo o

22.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti.