MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
9.7.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Inese Vaidere u Ryszard Czarnecki
f’isem il-Grupp UEN
dwar il-Pakistan
B6‑0286/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Pakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan dwar Sħubija u Żvilupp, li l-konklużjoni tagħha kienet approvata mill-Parlament fit-22 ta’ April 2004,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti minn membri tad-delegazzjoni ta’ l-Istati Uniti mmexxija mis-Sur Negroponte, f’Islamabad,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b’mod partikolari dawk ta’ l-10 ta’ Frar 2004 u tat-22 ta’ April 2004,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-inqas 24 persuna mietu u ħafna oħra ndarbu minħabba t-tensjoni bejn l-istudenti tal-moskea favur it-Taliban u l-President, il-Ġeneral Pervez Musharraf, madwar il-Lal Masjid jew il-Moskea l-Ħamra f’Islamabad minn nhar it-Tlieta,
B. billi l-Moskea l-Ħamra kienet iċ-ċentru ta’ kampanja vigoruża biex tiġi infurzata x-Sharia, forma ta’ liġi Islamika fil-Pakistan,
C. billi dan l-inċident qajjem vjolenza madwar il-Pakistan kollu, b’hekk żied in-numru tal-vittmi,
D. billi t-tħassib dwar is-sigurtà interna żdied wara l-attentat suwiċida tat-28 ta’ April, li qatel 30 persuna u darab lill-Ministru ta’ l-Intern, Sherpao waqt il-laqgħa politika f’Peshawar,
E. billi kien hemm attentat ta’ qtil ieħor fuq il-ħajja tal-President Musharraf matul tmiem il-ġimgħa, li jenfasizza l-volatilità politika tas-sitwazzjoni,
F. billi l-President Musharraf iffaċċja kriżi politika wara li ssospenda lill-Prim Imħallef Iftikhar Chaudhary fit-12 ta’ Marzu, li kkawżat sensiela ta’ riżenji fost il-ġudikatura u protesti dwar l-indipendenza tal-ġudikatura,
G. billi l-Parlament Ewropew appoġġja b’mod qawwi u konsistenti l-klwasoli tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet dwar kummerċ u koperazzjoni,
H. billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi ffinanzjar sostanzjali lill-Pakistan biex jitnaqqas il-faqar u għall-iżvilupp tas-settur soċjali,
I. billi l-aħħar konfronti fi u madwar il-Moskea l-Ħamra, li rriżultaw f’għadd kbir ta’ mwiet, huma turija ċara tal-poter tal-moviment radikali Islamiku,
- 1.Iħeġġeġ lill-UE biex tieħu pożizzjoni soda biex tiġi mħarsa l-klawsola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet mal-Pakistan, filwaqt li tfittex djalogu politiku intens dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE se tkun qed tagħmel monitoraġġ ta’ l-elezzjonijiet ġenerali fil-Pakistan u li l-PE se jipparteċipa fil-missjoni ta’ osservaturi;
- 2.Jenfasizza li kwalunkwe mossa biex jiġi mfixkel il-proċess elettorali tkun inaċċettabbli u li trid tinstab soluzzjoni kostituzzjonali;
- 3.Jitlob, b’mod partikolari, li tiġi kkunsidrata l-possibilità li jinħoloq djalogu speċifiku dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Pakistan u jiġu stabbiliti sottokumitati speċifiċi għad-drittijiet tal-bniedem li jittrattaw iż-żewġ pajjiżi, bħal fil-każ ta’ ċerti pajjiżi oħra;
- 4.Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tħeġġeġ lill-President Musharraf biex jonora l-impenji tiegħu, b’mod partikolari biex jinforza kontrolli ġenwini fuq il-madrasas li huma taħt il-kontroll ta’ gruppi settorjali vjolenti u biex jippermetti elezzjonijiet nazzjonali sħaħ u ġusti fl-2007;
- 5.Jistieden lill-gvern biex jagħti iktar appoġġ lis-sistema ta’ l-iskejjel pubbliċi u biex tkun rriformata, inkluża t-tneħħija ta’ l-elementi settorjali u favur il-jihad;
- 6.Iħeġġeġ lill-Pakistan biex ikollu rwol ikbar fit-titjib tar-relazzjonijiet politiċi ma’ l-Indja, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Kashmir;
- 7.Juri dispjaċir li l-militar qed jibqa’ jeżerċita influwenza qawwija fil-politika u l-gvern fil-Pakistan;
- 8.Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib serju tal-komunità internazzjonali dwar l-irwol tal-Pakistan fil-proliferazzjoni ta’ l-armi nukleari;
- 9.Jinnota li l-Pakistan ħa numru ta’ passi biex ikun indirizzat ċertu tħassib tal-komunità internazzjonali; jenfasizza, iżda, li tħassib serju relatat mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni tan-nisa, it-tfal u l-minoritajiet, id-dritt ta’ espressjoni ħielsa, il-kwistjoni tal-proliferazzjoni nukleari u l-irwol tal-militar fil-kontroversja u fil-ħajja politika tal-Pakistan b’mod ġenerali, kif ukoll l-attitudni permissiva lejn estremisti, ma jridux jiġu injorati;
- 10.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri u lill-gvern tal-Pakistan.