Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0353/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0353/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

19.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn André Brie, Marco Rizzo, Helmuth Markov, Eva-Britt Svensson, Dimitrios Papadimoulis, Mary Lou McDonald u Roberto Musacchio
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-ġugarelli perikolużi

Proċedura : 2007/2624(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0353/2007
Testi mressqa :
B6-0353/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0353/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġugarelli perikolużi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 88/378/KEE[1] dwar is-sikurezza tal-ġugarelli,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE[2] dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-aħħar ftit xhur tħabbru fl-UE diversi kampanji voluntarji kbar sabiex jiġu rritornati lura lill-manifatturi ġugarelli li mhumiex sikuri u li huma perikolużi għas-saħħa,

B.  billi dawn il-kampanji ħolqu kuxjenza dwar il-problema tal-prodotti mhux sikuri li għadhom qed jidħlu fis-suq ta' l-UE, u din teħtieġ azzjoni urġenti ta' rimedju,

C.  billi l-għoti 'l barra ta' xogħol, minn kumpaniji tal-punent ta' l-Ewropa, lil kumpaniji mhux Ewropej spiss iwassal għal dumping soċjali u għal livelli baxxi ħafna ta' kwalità u ta' sikurezza fil-prodotti,

D.  billi il-livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur huwa prijorità politika u soċjali,

E.  billi r-responsabilità għall-ħarsien tal-konsumatur hija tal-katina kollha ta' l-operaturi ekonomiċi (il-fornituri, il-manifatturi, l-esportaturi, u l-importaturi),

F.  billi l-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent tal-Kummissjoni (CSTEE) u tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali tal-Kummissjoni (SCHER), kif ukoll ta' diversi studji kkummissjonati mill-Kummissjoni wrew li d-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli naqset milli tipprovdi sikurezza xierqa għall-ġugarelli,

G.  billi d-Direttiva 2005/84/KE ipprojbixxiet l-użu, fil-ġugarelli u fl-oġġetti kollha tal-kura tat-tfal, ta' tliet ftalati li kienu kklassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni (DEHP, DBP, BBP),

H.  billi r-Regolament (KE) Nru 1907/2006[3] li jikkonċerna r-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) jirrikjedi li, mill-1 ta' Ġunju 2008, l-importaturi stabbiliti fil-Komunità, jinnotifikaw l-Aġenzija Ewropea tal-Kimika bil-preżenza ta' sustanzi inkwetanti ħafna f'oġġetti li jinkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(2) ta' dan ir-regolament;

I.  billi 48% tal-prodotti li ġew identifikati li mhumiex sikuri kienu magħmula fiċ-Ċina u 27% huma minn oriġini mhux identifikata,

J.  billi 25% tal-prodotti kollha li ġew identifikati li mhumiex sikuri huma ġugarelli tat-tfal,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta leġiżlattiva għal reviżjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli qabel l-aħħar tas-sena, u tiżgura ċertu livell ta' kontroll parlamentari fuq il-miżuri ta' implimentazzjoni billi tadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni ewlenin f'komitoloġija fil-proċedura regolatorja bi skrutinju;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-reviżjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha, tinkludi projbizzjoni tas-sustanzi CMR (sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni) u ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-marka CE tkun garanzija tas-sikurezza u tal-kwalità u biex tieħu miżuri li jevitaw l-abbuż ta' din il-marka;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara r-responsabilità ta' importaturi u ta' produtturi f'każ ta' użu ħażin;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu kampanji ta' informazzjoni u ta' tqajjim ta' kuxjenza fost iċ-ċittadini, u jedukaw lill-konsumaturi dwar il-valur miżjud tal-marka CE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-effettività tas-sistema RAPEX sabiex tiżgura li jinstabu kemm jista' jkun prodotti li mhumiex sikuri miċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra li jidħlu fis-suq ta' l-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni urġenti sabiex tindirizza l-problema ta' prodotti perikolużi li ġejjin minn oriġini mhux identifikata;

8.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex japplikaw strettament projbizzjonijiet jew miżuri oħra adottati mill-UE biex jikkontrollaw l-aċċess għas-suq ta' l-UE ta' prodotti mhux sikuri;

9.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw infurzar strett tal-liġi tal-prodotti, b'mod partikolari l-liġi dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, u sabiex iżidu l-isforzi biex jittejbu is-sorveljanza tas-suq u l-ispezzjonijiet nazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq miżuri għall-infurzar ta' regoli ta' sikurezza dwar prodotti li mhumiex ikel;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprojbixxi prodotti mhux sikuri li jkunu maħsuba għas-suq ta' l-UE;

12.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi kollha legali possibbli li huma disponibbli għalihom li jiżguraw li jkun evitat li ġugarelli li ma jilħqux l-istandards u ġugarelli li mhumiex sikuri, ma jitpoġġewx fis-suq jew inkella jitneħħew mis-suq jew jinġabru lura mill-manifatturi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq strumenti li jiżguraw li kumpaniji ta' l-UE li joperaw f'pajjiżi terzi jissodisfaw l-istandards Ewropej tal-liġi ambjentali u dik dwar ix-xogħol;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi sistemi ta' traċċabilità u ta' garanzija sabiex jiġu ċċertifikati prodotti manifatturati fl-UE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.