Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0359/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0359/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

24.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Marco Cappato, Marco Pannella, Frédérique Ries, Sarah Ludford u Marios Matsakis
f'isem il-Grupp ALDE
dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0357/2007

Proċedura : 2007/2629(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0359/2007
Testi mressqa :
B6-0359/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0359/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar[1] u tas-26 ta' April 2007[2] dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tat-3 ta' Ġunju 1998 dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi fir-rigward tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt li ngħatat fid-19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-Presidenza ta' l-UE, li ġiet iffirmata inizjalment minn 85 pajjiż mill-gruppi ġeografiċi kollha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li nqrat mill-Presidenza ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea waqt ir-raba' sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-29 ta' Marzu 2007,

–  wara li kkunsidra l-appoġġ għall-moratorju espress mis-Segretarju Ġenerali li n-NU esprimew b'mod pubbliku waqt iż-żjara reċenti tiegħu f'Ruma,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata fit-18 ta' Ġunju 2007 mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali/Relazzjonijiet Esterni (CAGRE) li jippreżenta riżoluzzjoni li tappella għal moratorju għall-eżekuzzjonijiet kapitali fil-ftuħ tat-62 Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 li tapprova t-twaqqif ta' Ġurnata Ewropea kontra l-Piena Kapitali fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-appell għal moratorju universali għall-piena tal-mewt jirrappreżenta deċiżjoni politika ċara lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha,

B.  billi r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar u tas-26 ta' April 2007 ħeġġew lill-Presidenza ta' l-UE biex tressaq b'mod urġenti riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU attwali u biex iżżomm lill-Parlament informat dwar ir-riżultati miksuba; billi sa dan il-punt ma tressqet l-ebda riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU;

C.  billi d-dikjarazzjoni dwar il-piena tal-mewt, imressqa mill-Unjoni Ewropea fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2006, issa ġabret 88 firma minn pajjiżi mill-gruppi ġeografiċi kollha;

1.  Jiddeplora l-fatt li t-test li l-Presidenza ta' l-UE pproponiet lil sponsors prinċipali oħrajn ma jirriflettix l-attenzjoni ċara li r-Riżoluzzjoni fuq il-moratorju għandu jkollha bħala pass kruċjali lejn it-tneħħija ta' l-eżekuzzjonijiet kapitali;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li lejliet it-62 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU ma ngħatat l-ebda dara ċara għat-tqegħid formali ta' l-iskrizzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar il-moratorju fuq l-Aġenda ta' l-UNGA taħt l-intestatura 'id-drittijiet tal-bniedem',

3.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri ta' l-UE biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jinvolvu l-ikbar numru ta' pajjiżi possibbli bħala ko-awturi tar-Riżoluzzjoni;

4.  Jirrikonoxxi mill-ġdid l-irwol ta' tmexxija li lagħab il-Gvern Taljan; jistieden lil Gvern Taljan, lill-Presidenza Portugiża u lill-Istati Membri ta' l-UE kollha biex jadottaw test li jiffoka b'mod ċar fuq "il-moratorju universali għall-piena tal-mewt" bħala pass lejn it-tneħħija tal-piena kapitali u biex iressqu r-Riżoluzzjoni fis-Segment ta' Livell Għoli (High-Level Segment) tas-62 Assemblea Ġenerali ta' l-UN, sabiex isibu kemm jista' jkun malajr l-appoġġ tal-pajjiżi tal-kontinenti kollha;

5.  Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex minnufih jippreparaw pjan ta' azzjoni biex jiżguraw riżultat pożittiv tal-vot kemm fi ħdan it-Tielet Kumitat ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u kemm fis-Sessjoni Plenarja sa tmiem is-sena;

6.  Jagħti mandat lil delegazzjoni ad hoc biex iżżur lit-Tielet Kumitat ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU qabel ma jittieħed il-vot fuq ir-riżoluzzjoni, biex tressaq il-fehmiet tal-Parlament Ewropew lid-delegazzjonijiet nazzjonali u biex tattendi għal-laqgħat rilevanti tal-Kumitat;

7.  Jistieden lill-Presidenza ta' l-UE biex tinkuraġġixxi lil dawk il-pajjiżi li għandhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, u biex tinkuraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena kapitali biex jagħmlu dan;

8.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, biex mill-2007 jiddikjaraw l-10 ta' Ottubru bħala l-Ġurnata Ewropea kontra l-Piena Kapitali,

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull opportunità possibbli biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' koalizzjonijiet reġjonali favur il-moratorju u t-tneħħija tal-piena kapitali;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Presidenza ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU.