Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0361/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0361/2007

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

    24.9.2007

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill
    skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
    minn André Brie, Luisa Morgantini, Vittorio Agnoletto u Willy Meyer Pleite
    f’isem il-Grupp GUE/NGL
    dwar l-istrateġija tal-Kunsill ta' l-UE għall-adozzjoni ta' riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju internazzjonali fuq il-piena kapitali

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0357/2007

    Proċedura : 2007/2629(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B6-0361/2007
    Testi mressqa :
    B6-0361/2007
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B6‑0361/2007

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-Kunsill ta' l-UE għall-adozzjoni ta' riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju internazzjonali fuq il-piena kapitali

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar[1] u tas-26 ta' April 2007[2] dwar l-inizjattiva għal moratorju universali fuq il-piena tal-mewt,

    –  wara li kkunsidra l-linji ta' gwida tal-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi dwar il-piena tal-mewt tat-3 ta' Ġunju 1998,

    –  wara li kkunsidra l-istqarrija dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt magħmula fid-19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-Presidenza ta' l-UE, li fil-bidu kienet ġiet iffirmata minn 85 pajjiż fil-gruppi ġeografiċi kollha,

    –  wara li kkunsidra l-istqarrija li nqrat mill-Presidenza ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea matul ir-raba' sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fid-29 ta' Marzu 2007,

    –  wara li kkunsidra l-appoġġ għal moratorju li ntwera pubblikament mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU waqt iż-żjara tiegħu reċenti f'Ruma,

    –  wara li kkunsidra t-twaqqif ta' Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena, inizjattiva li ġiet appoġġjata wkoll mill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu fit-12 ta' Lulju 2007;

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE,

    –  wara li kkunsidra l-Protokoll nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena tal-mewt,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.  billi s-sejħa għal moratorju universali fuq il-piena tal-mewt hija deċiżjoni politika ċara lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha,

    B.  billi r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 u tas-26 ta' April 2007 talbu lill-Presidenza ta' l-UE biex b'urġenza tippreżenta riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali attwali tan-NU u biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar ir-riżultati miksuba; billi sa issa għadha ma ġietx ippreżentata riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

    C.  billi l-istqarrija dwar il-piena tal-mewt ippreżentata mill-Unjoni Ewropea fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2006 issa ġabret 95 firma minn pajjiżi fil-gruppi ġeografiċi kollha,

    1.  Ifakkar lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Istati Membri li l-kontenut politiku ewlieni tar-riżoluzzjoni għandu jkun l-adozzjoni ta' moratorju globali bħala pass kruċjali lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt;

    2.  Jitlob lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Istati Membri biex jitolbu li r-Riżoluzzjoni dwar il-moratorju tiddaħħal fl-aġenda ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU taħt it-titolu "drittijiet tal-bniedem", sabiex tiġi adottata matul it-62 sessjoni tagħha; itenni s-sejħa tiegħu lill-Presidenza ta' l-UE biex tagħmel mill-aħjar sabiex tinvolvi l-akbar għadd ta' pajjiżi bħala ko-awturi tar-riżoluzzjoni;

    3.  Jitlob lill-Presidenza ta' l-UE biex tħeġġeġ lill-bqija tal-pajjiżi li għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) biex jagħmlu dan, u lill-Istati Membri li ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena tal-mewt biex jagħmlu dan;

    4.  Iternni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istituzzjonijiet ta' l-UE u għall-Istati Membri biex, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, jiddikjaraw Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena;

    5.  Jikkundanna lill-Gvern Pollakk għall-veto tiegħu fuq l-ewwel Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt, skedat għall-2007; jenfasizza li din l-attitudni hija vjolazzjoni ċara tal-prinċipji fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

    6.  Jitlob lill-President tiegħu u lill-Konferenza tal-Presidenti biex, fl-okkażjoni ta' l-10 ta' Ottubru 2007, li hija ġurnata ta' matul is-sessjoni parzjali, jorganizzaw inizjattiva politika kontra l-piena tal-mewt madwar id-dinja u favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju internazzjonali fuq l-eżekuzzjonijiet, b'koperazzjoni mal-Kunsill, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill ta' l-Ewropa;

    7.  Jenfasizza li l-adozzjoni tal-moratorju fuq il-piena tal-mewt għandha tkun wieħed mis-sisien ewlenin tal-ftehimiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi, u m'għandux joffri biss l-possibiltà li tiġi rifjutata l-applikazzjoni ta' ftehima relevanti, bħal pereżempju l-ftehima dwar l-estradizzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti ffirmata fil-25 ta' Ġunju 2003;

    8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull opportunità possibbli biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' koalizzjonijiet reġjonali favur il-moraturju u l-abolizzjoni;

    9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-UE, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, lill-President ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU.