Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0362/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0362/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, Thierry Cornillet u Philippe Morillon
f'isem il-Grupp ALDE
dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)

Proċedura : 2007/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0362/2007
Testi mressqa :
B6-0362/2007
Testi adottati :

B6‑0362/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kunflitt fid-Darfur u l-impatt reġjonali usa' tiegħu, b'mod partikulari fuq in-naħa tal-Lvant taċ-Chad u n-naħa tat-Tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-23-24 ta’ Lulju, li jitolbu ‘lill-korpi kompetenti tiegħu jkomplu l-ippjanar bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar operazzjoni ta' tqarrib, fil-qafas tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża, bħala appoġġ għal preżenza multidimensjonali tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentrali Afrikana bil-għan li tittejjeb is-sigurtà f’dawk iz-zoni’,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi, għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar, operazzjoni ibrida bejn l-UA u n-NU fid-Darfur (UNAMID),

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta’ Arusha dwar il-paċi fid-Darfur, li saret mit-3 sas-6 ta' Awissu 2007,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar f’N’Djamena fit-13 ta’ Awissu 2007, fil-preżenza tal-komunità internazzjonali u tal-Kap ta' Stat taċ-Ċad, il-President Idriss Deby Itno, tal-ftehima politika bil-għan tat-tisħiħ tal-proċess demokratiku fiċ-Ċad mill-partiti politiċi kollha taċ-Ċad fil-maġġoranza u fl-oppożizzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni presidenzjali tas-27 ta’ Awissu 2007 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tikkonferma li lesta tistabbilixxi missjoni tan-NU fiċ-Ċad u li tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ta’ l-UE li tagħti appoġġ permezz ta’ missjoni militari ta' l-ESDP,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  filwaqt li bħalissa, minħabba l-kunflitt fid-Darfur u l-konsegwenzi transkonfinali tiegħu, madwar 238 000 refuġjat mis-Sudan, 44 600 refuġjat mir-Repubblika Ċentrali Afrikana u 170 000 persuna li kellhom jitilqu minn djarhom f’pajjiżhom stess (IDPs) huma ospitati fi tnax-il kamp mal-fruntiera tal-Lvant taċ-Ċad mas-Sudan,

B.  preokkupat minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-parti tal-lvant taċ-Ċad li marret għall-agħar mill-2006 minħabba ġlied bejn forzi tas-sigurtà taċ-Ċad u ribelli taċ-Ċad, u l-inkursjonijiet ta' milizji Janjaweed u ta' gruppi armati mis-Sudan, kif ukoll minħabba l-brigantaġġ u l-attakki fuq organizzazzjonijiet umanitarji,

C.  filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tawtorizza forza UA/NU ta’ 26 000 suldat fid-Darfur, li tikkontribwixxi għall-paċi fir-reġjun kollu flimkien ma’ forza tal-pulizija tan-NU u l-operazzjoni ppjanata ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tal-CAR,

D.  filwaqt li jappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon biex tinstab soluzzjoni permezz ta’ negozjati għall-kunflitt fid-Darfur billi jitħeġġew il-kuntatti bejn l-awtoritajiet Sudaniżi u l-gruppi differenti tar-ribelli,

E.  filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar f’N’Djamena fit-13 ta’ Awissu 2007 mill-partiti politiċi kollha taċ-Ċad tal-ftehima bil-għan li jissaħħaħ il-proċess demokratiku fiċ-Ċad,

F.  filwaqt li jinnota l-isforzi li saru mit-tmexxija Libjana biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt intern fiċ-Ċad mal-gruppi li ma ffirmawx l-ftehima preċedenti;

1.  Iqis li sforzi koordinati bejn l-UE u n-NU jistgħu jikkontribwixxu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom il-partiti differenti fil-kunflitt fir-reġjun usa’ ta’ Darfur/Ċad tal-Lvant/CAR tat-Tramuntana jkunu jistgħu jsibu soluzzjoni politika li ttemm in-nuqqas ta’ sigurtà f’dan ir-reġjun, u għaldaqstant ikun iktar faċli li r-refuġjati u l-persuni li kellhom jitilqu minn djarhom f’pajjiżhom stess jirritornaw fil-postijiet ta' l-oriġini tagħhom;

2.  F’dan il-kuntest, jappoġġja t-tnedija ta’ operazzjoni ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tal-CAR sabiex dawn iż-żewġ reġjuni jkunu protetti, u għaldaqstant jingħata kontribut lit-tisħiħ ta’ l-effikaċja ta’ l-operazzjoni UA/NU fid-Darfur u tkun appoġġjata l-forza ta' pulizija tan-NU li se tintbagħat fil-parti tal-lvant taċ-Ċad biex tħarreġ u tmexxi lill-forzi ta' pulizija taċ-Ċad, li xogħolhom se jkun li jipproteġu l-kampijiet u l-irħula u jikkontrollaw il-fruntieri;

3.  Jinnota li din l-operazzjoni ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tal-CAR hija qabel kollox operazzjoni umanitarja;

4.  Jirrakkomanda li din l-operazzjoni ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tal-CAR, li hija operazzjoni umanitarja, tkun suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet:

  • il-forza Ewropea (EUFOR) trid topera f’perjodu ta’ żmien definit minn qabel,
  • l-EUFOR irid ikollha mandat sod u regoli tat-taqbid ċari li jippermettu l-użu tal-forza meta meħtieġa, speċjalment fil-każ ta’ attakki fuq nies ċivili, il-kampi u l-irħula jew il-ħaddiema umanitarji, kif ukoll għad-difiża proprja,
  • l-EUFOR trid tistabbilixxi mezzi ta' komunikazzjoni effettivi ma' l-UNAMID sabiex tipproteġi z-zona li hija responsabbli għaliha bl-iktar mod effiċjenti,
  • trid titlesta strateġija ċara ta' tluq qabel ma tintbagħat l-EUFOR; din l-istrateġija ta’ tluq għandha taħseb mill-bidunett għas-sostituzzjoni ta’ l-EUFOR b’forza oħra (kemm jekk ta’ l-UA, tan-NU jew forza ibrida);

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jinforma lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari, speċjalment permezz tas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża, dwar il-fażijiet differenti ta’ l-operazzjoni (Kunċett ta’ Mmaniġġjar ta’ Kriżi (CMC), Azzjoni Konġunta, Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS), Pjan ta’ Operazzjoni (OPLAN), proċess ta’ ġenerazzjoni tal-forzi, progress ta' l-operazzjoni sa tmiemha u proċess ta’ tagħlim mill-esperjenza);

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.