Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0363/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0363/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gintaras Didžiokas u Adam Bielan
f'isem il-Grupp UEN
dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Myanmar

Proċedura : 2007/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0363/2007
Testi mressqa :
B6-0363/2007
Testi adottati :

B6‑0363/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Myanmar

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma/Myanmar, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-5 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reliġjużi Buddisti fil-pajjiż bdew il-protesti tagħhom ġimgħa ilu wara li l-gvern militari naqas li jitlob apoloġija għal meta ssawtu xi reliġjużi waqt dimostrazzjoni fil-belt ċentrali ta' Pakkoku tliet ġimgħat ilu,

B.  billi mit-22 ta' Settembru għexieren t' eluf ta' nies Burmiżi ngħaqdu mar-reliġjużi f'marċijiet organizzati fil-belt ewlenija tal-Burma, Rangoon, sabiex jipprotestaw kontra l-ġunta militari fil-poter,

C.  billi dawn id-dimostrazzjonijiet, li fil-bidu kienu pprovokati mill-fatt li, fil-15 ta' Awwissu il-prezz tal-fjuwil żdied b'ħames darbiet, huma l-akbar dimostrazzjonijiet mhux vjolenti fil-Burma mir-rewwixta demokratika li ma rnexxietx ta' l-1988 u li kienet immexxija mill-istudenti u li twaqqfet b'mod brutali mill-militar,

D.  billi l-awtoritajiet militari ħarġu twissija lil Buddisti anzjani fl-24 ta' Settembru, u heddew li tittieħed azzjoni jekk il-protesti ma jiqfux, u allegatament stabbilixxew bil-moħbi stat ta' emerġenza li jawtorizza lill-militar, lill-pulizija lokali u lill-Fergħa Speċjali tal-pulizija biex jikkontrollaw id-dimostrazzjonijiet,

1.  Jistieden lill-UE, lin-NU, u lill-istati membri ta' l-ASEAN u lill-komunità internazzjonali sabiex minnufih jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw kwalunkwe trażżin vjolenti tad-dimostranti paċifiċi mill-awtoritajiet militari u sabiex jiżguraw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-poplu tal-Burma;

2.  Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jittratta s-sitwazzjoni fil-Burma b'urġenza u biex jagħti s-setgħa lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jagħmilha ta' medjatur fil-Burma sabiex iwassal għal rikonċiljazzjoni nazzjonali u tranżizzjoni lejn id-demokrazija, u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimponi sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Burma fi sforz biex issir il-bidla;

3.  Jikkundanna l-metodi illegali ta' ripressjoni politika u etnika tal-poplu tal-Burma, tal-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat (SPDC);

4.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja is-sitwazzjoni fil-pajjiż, il-kritika reġjonali u internazzjonali u ħamsa u erbgħin sena fil-poter, L-SPDC naqset milli tagħmel xi progress tanġibbli lejn id-demokrazija u l-prosperità ekonomika;

5.  Jitlob il-ħelsien immedjat u d-dritt tal-moviment ħieles u l-ħelsien ta' l-espressjoni għal Aung San Suu Kyi u għal mexxejja politiċi oħra u għall-priġunieri politiċi kollha;

6.  Iħeġġeġ il-waqfien tal-proċess kostituzzjonali illeġittimu attwali, u s-sostituzzjoni tiegħu b'Konvenzjoni Nazzjonali kompletament rappreżentattiva li tinkludi l-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) u partiti u gruppi politiċi oħra, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jinbidel fi proċess inklużiv u demokratiku għat-tfassil ta’ kostituzzjoni;

7.  Iħeġġeġ liċ-Ċina, lill-Indja, u lir-Russja, sabiex jużaw il-piż ekonomiku u politiku kunsiderevoli tagħhom mar-reġim Burman sabiex jitwettaq titjib sostanzjali fil-pajjiż u, fi kwalunkwe każ, sabiex iwaqqfu l-forniment ta’ armi u ta’ riżorsi strateġiċi oħra;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-istati membri ta' l-ASEAN u ta' l-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-Myanmar, lil Aung San Suu Kyi, lin-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma.