MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
25.9.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ģirts Valdis Kristovskis, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Marcin Libicki, Mieczysław Edmund Janowski u Konrad Szymański
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)
B6‑0364/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kunflitt fid-Darfur u l-impatt reġjonali wiesa' b'mod partikulari fuq in-naħa tal-Lvant taċ-Ċad u n-naħa tat-Tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-23-24 ta’ Lulju 2007, li jitolbu 'lill-korpi kompetenti tiegħu jkomplu l-ippjanar bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar operazzjoni ta' tqarrib, fil-qafas tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża, bħala appoġġ għal preżenza multidimensjonali tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentrali Afrikana bil-għan li tittejjeb is-sigurtà f’dawk iz-zoni',
- wara li kkunsidra l-laqgħa dwar il-paċi fid-Darfur, li seħħet mit-3 sas-7 ta' Awissu 2007, fil-preżenza ta' gruppi ribelli differenti u medjaturi min-NU u mill-Unjoni Afrikana,
- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi, għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar, operazzjoni Ibrida bejn l-UA u n-NU fid-Darfur (UNAMID),
– wara li kkunsidra l-firma tal-partiti politiċi taċ-Ċad kollha fil-maġġoranza u fl-oppożizzjoni f'N'Djamena fit-13 ta' Awissu 2007, għal ftehima politika mmirata biex issaħħaħ il-proċess demokratiku fiċ-Ċad,
– wara li kkunsidra l-istqarrija Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Awissu li tikkonferma d-disponibilità li tiġi mwaqqfa missjoni fiċ-Ċad u li tilqa' l-intenzjoni ta' l-UE sabiex tipprovdi appoġġ taħt sura ta' missjoni militari ESDP,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni umanitarja fiċ-Ċad li dejjem sejra għall-agħar fejn, minħabba il-kunflitt fid-Darfur u l-konsegwenzi transkonfinali ta' dan, madwar 238,000 refuġjat mis-Sudan, 44,600 refuġjat mir-Repubblika Ċentrali Afrikana u 170,000 persuna kellhom jitilqu djarhom f’pajjiżhom stess (IDPs), huma ospitati fi tnax-il kamp mal-fruntiera tal-lvant taċ-Ċad mas-Sudan,
B. preokkupat minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-parti tal-lvant taċ-Ċad li marret għall-agħar mill-2006, minħabba ġlied bejn forzi tas-sigurtà taċ-Ċad u ribelli taċ-Ċad u l-inkursjonijiet ta' milizji Janjaweed u ta' gruppi armati mis-Sudan, kif ukoll minħabba l-brigantaġġ u l-attakki fuq organizzazzjonijiet umanitarji,
C. filwaqt li jappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon biex tinstab soluzzjoni permezz ta’ negozjati għall-kunflitt fid-Darfur billi jitħeġġew il-kuntatti bejn l-awtoritajiet Sudaniżi u l-gruppi differenti tar-ribelli,
D. filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tawtorizza forza UA/NU ta’ 26,000 suldat fid-Darfur, li tikkontribwixxi għall-paċi fir-reġjun kollu flimkien mat-tqassim tal-forza tal-pulizija tan-NU u l-operazzjoni ppjanata ta’ l-ESDP fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana,
E. filwaqt li jilqa' l-firma tal-partiti politiċi taċ-Ċad kollha f' N'Djamena fit-13 ta' Awissu 2007 għal ftehima mmirata lejn it-tisħiħ tal-proċess demokratiku fiċ-Ċad, fil-preżenza tal-komunità internazzjonali u tal-Kap ta' Stat taċ-Ċad, u l-President Idriss Deby Itno,
F. filwaqt li jinnota l-isforzi li saru mit-tmexxija Libjana biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt intern fiċ-Ċad mal-gruppi li ma ffirmawx l-ftehima preċedenti;
1. iqis li sforzi koordinati bejn l-UE u n-NU jistgħu jikkontribwixxu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom il-partiti differenti fil-kunflitt fir-reġjun usa’ ta’ Darfur/Ċad tal-Lvant/CAR tat-Tramuntana ikunu jistgħu jsibu soluzzjoni politika li ttemm l-insigurtà f’dan ir-reġjun, u għaldaqstant ikun iktar faċli li r-refuġjati u l-persuni li kellhom jitilqu djarhom jirritornaw fil-postijiet ta' l-oriġini tagħhom;
2. Japprova t-tnedija ta’ operazzjoni ta’ l-ESDP li se ddum sena, fil-parti tal-lvant taċ-Ċad u fil-parti tat-tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana, sabiex dawn iż-żewġ reġjuni jsiru sikuri, iżda tkun suġġett għal dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-missjoni tal-forza Ewropea (EUFOR) għandha tappoġġja attivitajiet umanitarji sabiex toħloq il-kundizzjonijiet għal ambjent sigur għax-xogħol tal-forza tal-pulizija tan-NU, għar-ritorn ta' persuni spostati internament u għat-tkomplija tad-djalogu bejn il-forzi politiċi fir-reġjun,
(b) il-forza Ewropea (EUFOR) għandha taġixxi b'mod newtrali fir-rigward tas-sitwazzjoni politika fir-reġjun billi ma tinvolvix ruħha fi ġlied bejn l-awtoritajiet governattivi u l-gruppi ribelli,
(c) Il-EUFOR irid ikollha mandat sod u regoli ta’ l-ingaġġ ċari li jippermettu l-użu tal-forza meta meħtieġa, speċjalment fil-każ ta’ attakki kontra nies ċivili, fil-kampijiet u fl-irħula, kontra l-ħaddiema umanitarji, l-uffiċjali tal-pulizija tan-NU u għad-difiża proprja,
(d) sabiex twaqqaf kwalunkwe aggressur potenzali, il-EUFOR għandha tkun viżibbli u mgħammra kif xieraq; għandha tkun kapaċi twettaq kontrolli fuq distanza twila b'vetturi armati u b'elikotteri (anke elikotteri ta' l-attakk),
(e) għandha tiġi mfassla strateġija ta' ħruġ definita ħafna qabel ma jibda t-tqassim tal-forza, għalhekk il-EUFOR għandu jkollha mandat li jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-EUFOR minn forza oħra sabiex tipprovdi għal tmiem b'suċċess tal-mandat tagħha u ritorn fil-ħin tat-truppi rilevanti,
f) Il-EUFOR m'għandhiex tindaħal jew tinvolvi ruħha fix-xogħol imwettaq mill-NGOs preżenti fiċ-Ċad jew fir-Repubblika Ċentrali Afrikana sabiex ma toħolqilhomx periklu,
g) sakemm ma jkunx maħsub li l-forzi Franċiżi jagħmlu l-maġġor parti tal-kontinġent ta' l-UE, huwa estremament importanti għall-EUFOR li tidher imparzjali u mhux bħala estensjoni tal-kapaċitajiet militari ta' Franza fir-reġjun;
3. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinforma lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar il-fażijiet differenti ta' l-operazzjoni, jiġifieri: Il-Kunċett ta' l-Immaniġġjar ta' Kriżi (CMC), Azzjoni Konġunta, Il-Kunċett ta' Operazzjonijiet (CONOPS), il-Pjan ta' Operazzjoni (OPLAN), il-proċess ta’ ġenerazzjoni tal-forzi, il-progress ta' l-operazzjoni sa tmiemha u il-proċess tal-lezzjoni meħuda;
4. Jiddispjaċih li għal bosta raġunijiet din l-operazzjoni ESDP ma tistax titwettaq, miċ-ċentru ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għadu kif ġie mwaqqaf; jittama li din is-sitwazzjoni tinbidel bit-Trattat ta' Riforma l-ġdid li għandu jagħmel l-ESDP aktar effiċjenti;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti taċ-Ċad, tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR) u tas-Sudan.