MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
25.9.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Tobias Pflüger, Marco Rizzo u Willy Meyer Pleite
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fil-lvant taċ-Ċad u fit-tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)
B6‑0365/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni ta' l-ESDP fil-lvant taċ-Ċad u fit-tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konflitt fid-Darfur u l-impatt reġjonali wiesa' b'mod partikulari fuq in-naħa tal-Lvant taċ-Ċad u n-naħa tat-Tramuntana tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-23-24 ta’ Lulju 2007, li jitolbu 'lill-korpi kompetenti tiegħu jkomplu l-ippjanar bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar operazzjoni ta' tqarrib, fil-qafas tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża, bħala appoġġ għal preżenza multidimensjonali tan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentrali Afrikana bil-għan li tittejjeb is-sigurtà f’dawk iz-zoni',
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi, għal perjodu inizjali ta’ tnax-il xahar, operazzjoni Ibrida bejn l-UA u n-NU fid-Darfur (UNAMID),
– wara li kkunsidra l-laqgħa ta’ Arusha dwar il-paċi fid-Darfur, li saret mit-3 sas-6 ta' Awissu 2007,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva li ħadet Franza li tawtorizza forza ta' l-UE f'partijiet fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana,
– | wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fid- | Darfur, |
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. imħasseb bis-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-parti tal-lvant taċ-Ċad li marret għall-agħar mill-2006; waqt li jqis li attwalment 400,000 refuġjat u persuni li kellhom jitilqu djarhom fiċ-Ċad, u aktar minn 200,000 spustati fil-parti tat-tramuntana tar-Republika Ċentrali Afrikana;
B. filwaqt li jappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon biex tinstab soluzzjoni għall-konflitt permezz ta’ negozjati fid-Darfur billi jiġu nkoraġġiti l-kuntatti bejn l-awtoritajiet Sudaniżi u l-gruppi differenti tar-ribelli;
C. waqt li jilqa' l-firma ta' ftehim ta' N'Djamena fit-13 ta' Awissu 2007 mill-partiti politiċi kollha taċ-Ċad;
D. filwaqt li jinnota l-isforzi li saru mit-tmexxija Libjana biex tinstab soluzzjoni għall-konflitt intern fiċ-Ċad mal-gruppi li ma ffirmawx l-ftehima preċedenti;
E. waqt li jqis li hemm differenza ta' opinjonijiet bejn diversi stati membri ta' l-UE dwar il-kwistjoni sabiex tintbagħat missjoni ta' l-UE fiċ-Ċad;
F. iqis li l-iskjerament propost ikun jinkludi forza militari ta' l-UE ta' madwar 4,000 persuna, mgħammra fost armi oħra b'vetturi armati u elikotteri, fuq missjoni ta' kumbattiment skond il-Kapitlu VII tal-Karta tan-NU;
1. Huwa mħasseb bis-sitwazzjoni li qed teħżien fiċ-Ċad kif ukoll bin-nuqqas ta' progress dwar soluzzjoni politika għall-konflitt; hu madankollu kontra li tintbagħat forza militari ta' l-UE fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana; jikkritika l-fatt li ma teżisti kważi l-ebda informazzjoni dwar il-missjoni, l-ebda informazzjoni dwar il-mandat, u l-ebda informazzjoni dwar il-finanzjament u l-għan veru tagħha;
2. Jistieden għal aktar għajnuna umanitarja għar-refuġjati u l-IDPs u għall-għajnuna ta' żvilupp għar-reġjun, partikolarment fil-konfront ta' l-għargħar reċenti li affettwa 18-il pajjiż fl-Afrika;
3. Jistieden lill-partijiet kollha sabiex jibqgħu lura milli jużaw il-vjolenza u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' tpoġġi l-ħajja tar-refuġjati, ta' l-IDPs u tal-ħaddiema umanitarji fil-periklu, u sabiex jiffaċilitaw ix-xogħol ta' dawn ta' l-aħħar;
4. Jistieden biex ikun hemm appoġġ għall-isforzi ta' l-Unjoni ta' l-Afrika lejn soluzzjoni politika u paċifika tal-konflitti li qed jolqtu z-zona, u f'dan il-qafas li jkun hemm ftehim għall-problema tar-refuġjati;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-UE hi involuta dejjem aktar fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għall-konflitti fl-Afrika permezz ta' mezzi militari li jidher min-numru dejjem jikber ta' operazzjonijiet militari; hu mħasseb dwar il-ħtif u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali u tal-materja prima li jeżistu fil-kontinent mill-pajjiżi żviluppati, li jpoġġu fil-periklu d-drittijiet kif ukoll il-futur politiku u ekonomiku tal-popli ta' l-Afrika, b'referenza speċjali għar-riżorsi fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali ta' l-Afrika;
6. Jitlob għal analiżi ta' l-"Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika"bl-involviment tal-pajjiżi kollha ta' l-Afrika; jinsisti li kwalunkwe strateġija ġdida għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-sħubija, ta' l-ugwaljanza, tar-rispett u tal-koperazzjoni;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-bejgħ illegali u l-kuntrabandu ta' armi, partikolarment armi żgħar illeċiti u armamenti ħfief, mini splussivi ta' l-art u Armi tal-Qerda tal-Massa, lejn il-kontinent Afrikan;
8. Jitlob lill-Kunsill sabiex jinforma minn qabel u fuq bażi regolari lill-Parlament dwar kwalunkwe azzjoni, speċjalment permezz tas-Sotto-Kumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża, dwar l-ippjanar sħiħ ta' l-operazzjoni ta' l-UE;
9. Hu mħasseb li ż-żieda fil-missjonijiet militari se tkompli ssaħħaħ il-militarizzazzjoni ta' l-UE, li se tintuża bħala blue print għal interventi militari futuri ta' l-UE, u għalhekk tiffaċilita l-introduzzjoni ta' l-aspett militari fit-Trattat il-ġdid ta' Riforma;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.