Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0368/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0368/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis WURTZ
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-ġrajjiet reċenti fil-Myanmar

Proċedura : 2007/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0368/2007
Testi mressqa :
B6-0368/2007
Testi adottati :

B6‑0368/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġrajjiet reċenti fil-Myanmar

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  filwaqt li jenfasizza li l-Myanmar f'dawn l-aħħar jiem għadda mill-akbar mewġa ta' protesti politiċi u soċjali ta' dawn l-aħħar għoxrin sena, immexxija minn patrijiet Buddisti li qed jipprotestaw b'mod partikulari kontra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u favur riformi demokratiċi u politiċi fil-pajjiż,

B.  filwaqt li jtenni r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel favur it-twaqqif ta' sistema demokratika fil-Burma u jikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-ġunta militari tal-pajjiż li ilha fis-setgħa għal dawn l-aħħar 45 sena,

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal dawk kollha li jinsabu fit-toroq ta' Rangoon u f'postijiet oħra fil-Myanmar u li qed jitolbu riformi politiċi u soċjali favur il-popolazzjoni ċivili, li ftaqret ħafna matul 45 sena ta' dittatorjat militari;

2.  Jesiġi li l-ġunta militari ma tmexxi l-ebda intervent militari jew operazzjoni ripressiva tal-pulizija kontra l-persuni li qed jipprotestaw;

3.  Jitlob li s-Sra Aung San Suu Kyi tinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet, flimkien mal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fil-Myanmar;

4.  Jikkundanna l-Kunsill Statali għall-Paċi u għall-Iżvilupp (SPDC) li matul 45 sena wera ripressjoni bla ħniena lejn il-poplu tal-Burma, kif ukoll talli ma għamel l-ebda progress sinifikanti lejn id-demokrazija;

5.  Jitlob li l-hekk imsejjaħ proċess kostituzzjonali jitwaqqaf u minflok tiġi stabbilita Konvenzjoni nazzjonali rappreżentattiva b'mod sħiħ li tinkludi l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (LND), kif ukoll partiti u gruppi politiċi oħra, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet magħmula mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU biex dan il-proċess isir wieħed inklużiv u demokratiku għat-tfassil ta' kostituzzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Burma.