imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jules Maaten, Marco Cappato, Marco Pannella u Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-Burma
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burma
B6‑0369/2007
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar il-Burma, u b'mod speċifiku dik tas-6 ta' Settembru 2007,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.
billi għexieren ta' nies, fosthom patrijiet, qegħdin jiġu arrestati talli qegħdin jiddimostraw b'mod paċifiku u jesprimu d-dispjaċir tagħhom għall-iggvernar ħażin tal-ġunta militari;
B.
billi r-reliġjużi bdew il-protesti tagħhom ġimgħa ilu wara li l-gvern naqas li jitlob apoloġija meta ssawtu xi reliġjużi waqt dimostrazzjoni fil-belt ċentrali ta' Pakkoku tliet ġimgħat ilu u wara d-deċiżjoni tal-gvern li jirdoppja l-prezz tal-fjuwil ix-xahar li għadda,
C.
billi d-dimostrazzjonijiet kibru, minkejja xnigħat li forzi tal-gvern dalwaqt jistgħu jibdew miżuri mifruxa ta' trażżin kif kienu għamlu l-forzi militari fl-1988, bir-riżultat li mietu eluf ta' ċittadini tal-Burma,
D.
billi l-forzi militari xandru theddida oħra li kienet se tibda tittieħed azzjoni kontra dawk li jiksru l-ordni tal-waqfien tal-protesti kontra l-gvern,
F.
billi jemmen li ma jistax ikun hemm aktar dewmien biex is-sitwazzjoni attwali fil-Burma tingħatalha l-attenzjoni tal-Kunsill tas-Siġurtà tan-NU,
1.
Jistieden lill-Presidenza ta' l-UE, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-ASEAN, lill-komunità internazzjonali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jaġixxu mill-aktar fis biex jiġi evitat it-telf ta' bnedmin fil-Burma;
2.
Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jittratta s-sitwazzjoni fil-Burma b'urġenza u biex jagħti s-setgħa lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jagħmilha ta' medjatur fil-Burma sabiex iwassal għal rikonċiljazzjoni nazzjonali u tranżizzjoni lejn id-demokrazija, u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimponi sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Burma fi sforz biex issir il-bidla;
3.
Jikkundanna lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat (SPDC) għall-oppressjoni bla heda tal-poplu tal-Burma għal aktar minn 40 sena u n-nuqqas assolut tiegħu li jagħmel xi mossa sinifikanti lejn id-demokrazija;
4.
Jikkundanna n-nuqqas totali ta' rispett tad-dittatura militari għall-ġid tal-poplu tal-Burma;
5.
Iħeġġeġ il-waqfien tal-proċess kostituzzjonali illeġittimu attwali, u s-sostituzzjoni tiegħu minn Konvenzjoni Nazzjonali kompletament rappreżentattiva li tinkludi l-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) u partiti u gruppi politiċi oħra, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jinbidel fi proċess inklużiv u demokratiku għall-formolazzjoni ta’ kostituzzjoni;
6.
Jitlob għall-ħelsien mill-aktar fis u bla kundizzjonijiet ta' Daw Aung San Suu Kyi u ta' priġunieri politiċi oħra;
7.
Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-mezz xieraq disponibbli fil-qafas ta' l-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jingħata appoġġ b'mod attiv lill-moviment favur id-demokrazija u lill-NGOs li jaħdmu għat-tisħiħ ta' l-iggvernar tajjeb fil-Burma;
8.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ASEAN, lill-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.