Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0371/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0371/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Geoffrey Van Orden, Hartmut Nassauer, Nirj Deva, Bernd Posselt u Colm Burke
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-Burma

Proċedura : 2007/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0371/2007
Testi mressqa :
B6-0371/2007
Testi adottati :

B6‑0371/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Burma, l-aktar dik tas-6 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Alleanza tar-Reliġjużi Buddisti Kollha tal-Burma mexxiet mewġa kbira ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-ġunta militari ripressiva fil-Burma u talbet il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi u ta' priġunieri politiċi oħra,

B.  billi d-dimostrazzjonijiet komplew jikbru minkejja l-arresti u l-biża' ta' reazzjoni vjolenti mill-forzi tal-gvern,

C.  wara li kkunsidra l-appell tat-23 ta' Settembru 2007 mid-Dalai Lama, li fih ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma sabiex jevitaw li jwettqu vjolenza fuq ir-reliġjużi Buddisti ħuthom u fuq protestanti oħrajn,

D.  billi, fl-20 ta' Settembru, is-sitwazzjoni fil-Burma kienet biss diskussa fil-qosor waqt il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

1.  Japprova l-azzjoni kuraġġuża tar-reliġjużi tal-Burma u ta' għexieren ta' eluf ta' dimostranti paċifiċi oħra talli kkonfrontaw ir-reġim antidemokratiku u ripressiv tal-Burma;

2.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-ħelsien immedjat ta' Aung San Suu Kyi;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma sabiex jevitaw kwalunkwe reazzjoni vjolenti għad-dimostrazzjonijiet, sabiex jiżguraw li ma jerġax ikun hemm ripetizzjoni tal-massakru ta' ħafna nies li d-dinja kienet xhud tiegħu fl-1988, iżda li minflok jirrikonoxxu l-leġittimità tat-talbiet li qed isirulhom;

4.  Jappella għall-waqfien tal-proċess kostituzzjonali illeġittimu attwali, u għas-sostituzzjoni tiegħu minn Konvenzjoni Nazzjonali li tkun rappreżentattiva għall-aħħar u li tinkludi lin-NLD u partiti u gruppi politiċi oħra;

5.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jindirizza b'urġenza s-sitwazzjoni fil-Burma u sabiex jagħti s-setgħa lis-Segretarju Ġenerali tan-NU sabiex jieħu azzjoni biex tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u t-tranżizzjoni għad-demokrazija fil-Burma;

6.  Jistieden lill-Kunsill ta' l-UE, sabiex jikkoordina b'urġenza ma' l-Istati Uniti, ma' l-ASEAN u ma' membri oħra tal-komunità internazzjonali sabiex jipprepara sensiela kkoordinata ta' miżuri ulterjuri, inklużi sanzjonijiet ekonomiċi, li jistgħu jiġu meħuda kontra r-reġim tal-Burma jekk dan ma jirrispondix għat-talba għar-ritorn għad-demokrazija;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ASEAN, lill-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.