Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0372/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0372/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Frithjof Schmidt, Raül Romeva i Rueda, Hélène Flautre u Alyn Smith
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Burma (Myanmar)

Proċedura : 2007/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0372/2007
Testi mressqa :
B6-0372/2007
Testi adottati :

B6‑0372/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burma (Myanmar)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar il-Burma, l-aktar dik tas-6 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' l-1 ta' Awissu 2007 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, iffirmata minn 92 Membru tal-Parlament tal-Burma li għadhom kemm ġew eletti, u li kienet tinkludi proposta għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokratizzazzjoni fil-Burma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dimostrazzjonijiet li bdew fid-19 ta' Awissu 2007 f'Rangoon u xi bliet oħra issa nfirxu u saru moviment ta' protesta tal-massa mmexxija minn dimostrazzjonijiet kontinwi ta' eluf ta' reliġjużi Buddisti fil-Burma kollha,

B.  billi l-protesti faqqgħu meta l-gvern ħabbar żidiet kbar fil-prezzijiet tal-fjuwil ta' kważi 500% li wasslu għal żidiet enormi fil-prezzijiet tal-bżonnijiet bażiċi u li komplew jikkawżaw tbatija li ma bħalha għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni fqira tal-Burma, u l-protesti msemmija huma l-akbar dimostrazzjonijiet non-vjolenti fil-Burma mir-rewwixta demokratika ta' l-1988 li ma rnexxietx u li kienet immexxija minn studenti, u li twaqqfet b'mod brutali mill-militar,

C.  billi r-reliġjużi ħarrxu l-protesti tagħhom ġimgħa ilu wara li l-gvern naqas li jitlob apoloġija meta ssawtu xi reliġjużi waqt dimostrazzjoni fil-belt ċentrali ta' Pakkoku tliet ġimgħat ilu,

D.  billi l-awtoritajiet militari ħarġu twissija lil Buddisti anzjani fl-24 ta' Settembru, u heddew li tittieħed azzjoni jekk il-protesti ma jiqfux, u allegatament stabbilew bil-moħbi stat ta' emerġenza li jawtorizza lill-militar, lill-pulizija lokali u lill-Fergħa Speċjali tal-pulizija biex jikkontrollaw id-dimostrazzjonijiet,

E.  billi l-urġenza tas-sitwazzjoni tirrikjedi tweġiba minnufih mill-Kunsill tas-Sigurtà,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sikurezza tad-dimostranti paċifiċi u jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma biex jieqfu milli jużaw aktar ripressjoni vjolenti waqt l-inkwiet;

2.  Jistieden b'mod speċjali lill-gvernijiet taċ-Ċina u ta' l-Indja, li huma s-sħab ewlenin fil-kummerċ ma' Myanmar, sabiex jagħmlu kull ma jistgħu biex jevitaw il-vjolenza militari fit-trażżin tar-rewwixta tal-poplu kontra għexieren ta' snin ta' tbatija u sofferenza, bħal ma ġara fl-1988;

3.  Fil-kuntest ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU li għaddejja bħalissa, jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon biex jibda taħditiet urġenti mal-ministri ta' l-affarijiet barranin taċ-Ċina, ta' l-Indja u l-presidenza attwali ta' l-ASEAN immexxija minn Singapor, kif ukoll il-Ġappun, bil-ħsieb li tiġi organizzata "Konferenza Internazzjonali dwar il-Burma/Myanmar" sabiex jinstabu l-mezzi għas-soluzzjoni ta' din il-kriżi politika fil-Burma permezz ta' ftehim negozjat;

4.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex juża l-influwenza tal-kariga tiegħu bl-aħjar mod u jibgħat lill-Mibgħut Speċjali għal Myanmar, Ibrahim Gambari, fil-Burma mill-aktar fis;

5.  Itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien minnufih tal-priġunieri politiċi kollha, fosthom il-mexxejja ta' l-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi, u dawk kollha li jinsabu arrestati għaliex m'għamlux ħlief eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' l-espressjoni u jinsisti li ħadd m'għandu jkun suġġett għat-tortura jew għal kastigi krudili, inumani jew degradanti oħra u li l-priġunieri kollha għandu jkollhom dritt għal proċess ġust, assistenza legali u aċċess għall-familji tagħhom u għal kura medika;

6.  Jiddispjaċih li l-Konvenzjoni Nazzjonali ffinalizzat l-abbozz tat-test tagħha bla ma tat kas tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali biex il-ħidma tal-Konvenzjoni tinbidel fi proċess biex issir kostituzzjoni inklużiva u demokratika u għalhekk din il-ħidma ma tantx tagħti tama għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u għat-twaqqif mill-ġdid tad-demokrazija fil-Burma;

7.  Iħeġġeġ bil-qawwa lir-reġim militari biex jistieden lill-partijiet kollha konċernati għal djalogu politiku sostantiv u biex jinstab qafas komuni għal kostituzzjoni, li fuq il-bażi tagħha l-partijiet kollha konċernati jistgħu jieħdu sehem flimkien fit-tranżizzjoni demokratika u fil- proċess biex jinbena l-pajjiż;

8.  Jistieden lill-UE biex japprova b'mod attiv l-isforzi biex jipperswadu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jadottaw riżoluzzjoni li torbot fuq il-Burma;

9.  Jistieden lill-Kunsill biex jifrex is-sistema tiegħu tas-sanzjonijiet sabiex tinkludi l-investimenti fiż-żejt, gass, injam u ħaġar preżżjuż tal-Burma, u l-importazzjoni tagħhom.

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf it-tnaqqis fl-appoġġ għal proġetti li jippromwovu d-drittijiet u d-demokrazija fil-Burma, u minflok iżżid b'mod sinifikanti appoġġ finanzjarju simili fil-qafas ta' l-Istrument għad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ASEAN, lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà, lill-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat, lill-Caucus Interparlamentari tal-Myanmar fl-ASEAN, lil Aung San Suu Kyi, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarjat Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rapporteur Speċjali fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar.