MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
22.10.2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
mressqa minn Niels Busk, Kyösti Virrankoski u Willem Schuth
f'isem il-Grupp ALDE
dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel
B6‑0403/2007
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-bidla fil-klima, il-bijo enerġija u l-immaniġġjar ta' l-ilma jistgħu jiġu identifikati bħala tliet sfidi ġodda prinċipali, inkluża fi ħdan il-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (CAP),
B. wara li kkunsidra ż-żieda tad-domanda dinjija għall-prodotti agrikoli bħala tali u l-influwenza dejjem akbar ta' użi mhux alimentari ta' dawn il-prodotti,
C. billi nuqqas ta' provvista minħabba kundizzjonijiet klimatiċi flimkien ma' domanda qawwija għall-bijo fjuwils waslu għal żieda fil-prezzijiet, biex ma nsemmux iż-żieda fil-kompetizzjoni bejn il-produzzjoni ta' l-enerġija u l-produzzjoni ta' l-ikel,
D. billi l-bijo massa diġà tipprovdi żewġ terzi ta' l-enerġiji li jiġġeddu ta' l-UE u tibqa' sors ta' enerġija b'potenzjal qawwi,
E. wara li kkunsidra d-"de-coupling" li jippermetti lill-bdiewa ta' l-UE li jagħmlu l-għażliet tagħhom bħala risposta għas-sinjali tas-suq u li jikkontribwixxi biex titjib il-kompetittività tas-settur agrikolu,
F. billi ż-żona ta' l-UE li fiha jitkabbru l-uċuh tar-raba' għall-enerġija żdiedet b'għaxar darbiet aktar, sa 2.84 miljun ettaru, mill-2004,
G. billi matul l-aħħar 15-il sena, il-CAP diġà nbidlet radikalment bħala risposta għall-pressjoni mis-soċjetà Ewropea u l-ekonomija dejjem tevolvi tagħha,
H. wara li kkunsidra l-waqgħa fil-produzzjoni taċ-ċereali (il-produzzjoni tal-qamħ fl-UE 25 probabbli tkun anqas minn 242 miljun tunnellata fl-2007 – 16-il miljun tunnellata anqas mill-previżjoni f'nofs Lulju) minħabba nixfa f'bosta żoni ta' produzzjoni prinċipali u ż-żieda fid-domanda miċ-Ċina u pajjiżi oħra emerġenti,
1. Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza, fi ħdan l-ambitu ta' 'l-eżami dwar is-saħħa' tal-CAP, kif sfidi ġodda bħall-forniment u s-sikurezza ta' l-ikel, il-bidla fil-klima, iż-żieda fid-domanda għall-bijo fjuwils u l-immaniġġjar ta' l-ilma jistgħu jinsabu soluzzjonijiet għalihom filwaqt li ssir adattazzjoni għal riskji ġodda u opportunitajiet, mingħajr ma jitħalla barra s-settur tal-forestrija;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina miżuri ulterjuri meta jkun il-każ li jkollha tiġi antiċipata żieda fit-tendenza tal-kumditajiet bażiċi, eż. il-proposta tal-Kummissjoni biex tissospendi dazji ta' l-importazzjoni fuq iċ-ċereali;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon l-aħħar deċiżjonijiet biex jiġi sospiż l-obbligu ta' twarrib (set-aside) biex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda għall-qamħ u ċ-ċereali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza dan il-punt fil-fond fi ħdan il-kuntest ta' 'l-eżami dwar is-saħħa' tal-CAP;
4. Jieħu nota tad-deċiżjoni biex jiżdiedu l-kwoti tal-ħalib, fl-istennija tar-rapport li ġej mill-Kummissjoni (mistenni f'Diċembru) fuq, fost l-affarijiet l-oħra, l-impatt potenzjali ta' żieda bħal din fuq is-settur tal-ħalib;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa estensjoni possibbli tal-possibiltajiet ta' nfiq għall-iżvilupp rurali sabiex jiġu pprovduti inċentivi għat-tnaqqis fil-bidla tal-klima, eż. il-fondi ta' żvilupp rurali jistgħu jintużaw biex iħeġġu l-bijo enerġija billi jiġu pprovduti servizzi ambjentali fiż-żona tal-bijo fjuwils jew inċentivi għall-iżvilupp ta' bijo fjuwils tat-tieni ġenerazzjoni;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.