Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0405/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0405/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

22.10.2007

wara l-Mistoqsija li titlob Tweġiba Orali B6‑0321/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Alyn Smith u Milan Horáček
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel

Proċedura : 2007/2641(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0405/2007
Testi mressqa :
B6-0405/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0405/2007

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-avviżi reċenti mill-FAO li ż-żieda ġlobali fil-prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel jista' jipperikola serjament l-aċċess għall-ikel, speċjalment għall-foqra,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li jnaqqas ir-rata ta' twarrib obbligatorju (set-aside) għall-2008 għal 0% bħala miżura ad hoc biex itaffi l-effett fuq is-suq minn provvisti dejjem jonqsu ta' ċereali u żrieragħ taż-żejt (12965/07),

–  wara li kkunsidra l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissospendi d-dazji ta' l-importazzjonijiet u l-kwoti tar-rati tariffarji, bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni estremament iebsa tas-swieq taċ-ċereali, u li tissospendi s-sussidji ta' l-esportazzjoni kollha li għadhom jeżistu fis-settur,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' l-impatt dwar l-istrateġija tal-'bijofjuwil' imwettqa mill-Kummissjoni fl-2006, li pprevediet żieda fil-kompetizzjoni u fil-prezzijiet għall-materja prima agrikola, speċjalment ta' l-għalf ta' l-annimali,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' l-OECD ippubblikat f'Settembru 2007 dwar l-impatt ta' l-isplużjoni fil-produzzjoni tal-'bijofjuwil' fuq il-prezzijiet ta' l-ikel madwar id-dinja, is-sigurtà ta' l-ikel u l-bijodiversità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prezzijiet għall-prodotti agrikoli, speċjalment tal-qamħ u ż-żrieragħ taż-żejt, żdiedu sostanzjalment fl-UE u madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin u billi l-provvista pubblika u privata taċ-ċereali waqgħet għall-anqas livell f'dawn l-aħħar 40 sena,

B.  billi minħabba dan l-iżvilupp l-industrija ta' l-ikel u ta' l-għalf żiedet il-prezzijiet tal-prodotti pproċessati, kultant lilhinn minn perċentwali raġjonevoli tal-materja prima agrikola mixtrija,

C.  billi l-prezzijiet mitluba mill-farms għall-prodotti agrikoli ilhom jonqsu għal snin twal fl-UE bħala riżultat ta' politiki ta' intervent tas-suq aktar qabel li ffavorixxew il-farms il-kbar u l-industrija li tipproċessa l-ikel u ma koprewx l-ispejjeż ta' produzzjoni ta' ħafna produtturi żgħar, speċjalment fis-setturi tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-pjanti,

D.  billi issa, minħabba ż-żieda fil-prezz taċ-ċereali, uħud minn dawk li jkabbru l-annimali qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda sostanzjali fil-prezzijiet għax-xiri ta' l-għalf ta' l-annimali,

E.  billi r-riforma tal-CAP ta' l-2003, li tinkludi l-firda (de-coupling) ta' l-għajnuna diretta għall-produzzjoni u l-appoġġ għall-produzzjoni orjentata lejn is-suq, ippermettiet lill-bdiewa f'setturi oħra biex jirċievu sehem akbar mid-dħul tagħhom mis-suq aktar milli minn ħlasijiet pubbliċi diretti,

F.  billi l-bidliet fid-dieta u ż-żieda fid-domanda għall-għalf f'ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja kkontribwixxew sostanzjalment għad-domanda dejjem akbar għaċ-ċereali u prodotti ta' l-għalf oħra fi swieq dejjem aktar globalizzati,

G.  billi l-waqgħa fil-provvista, primarjament minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu (nixfa u għarar), u tnaqqis globali ġenerali fil-produttività waslu biex il-prezzijiet żdiedu fis-suq dijnji,

H.  billi l-istudju ta' l-OECD ppubblikat f'Settembru 2007, dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' 'bijofjuwil' fuq is-sigurtà u l-bijodiversità ta' l-ikel fid-dinja, avża li l-kompetizzjoni għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u dik ta' l-għalf tista' żżid l-prezzijiet ta' l-ikel sal-punt li dan jipperikola l-aċċess għall-ikel għall-ifqar reġuni u nies,

I.  billi t-tneħħija temporanja tat-twarrib obbligatorju (set-aside) għall-2008 primarjament jerġa' jdaħħal lura fil-produzzjoni artijiet marġinali u anqas produttivi, li spiss jinkludu żoni ekoloġikament sensittivi, bi ftit effett ta' żieda fil-provvista,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-prezzijiet mitluba mill-farms f'ċerti setturi laħqu livell li jippermetti lill-bdiewa biex ikopru l-ispejjeż tagħhom u jiksbu sehem akbar tad-dħul tagħhom mis-suq;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-tneħħija gradwali tal-politiki ta' intervent tas-suq ta' l-UE u l-influwenza dejjem akbar tas-suq tippermetti lill-bdiewa biex isaħħu dejjem aktar il-pożizzjoni tagħhom ta' negozjar kontra s-setgħa dejjem akbar tas-suq ta' l-industrija ta' l-għalf u ta' l-ikel;

3.  Konxju, madankollu, li żidiet kbar ulterjuri fil-prezzijiet taċ-ċereali u ż-żrieragħ taż-żejt jindika nuqqas ta' provvista ta' ikel u għalf fl-UE u fis-suq dinji, li jista' joħloq interruzzjonijiet u nuqqas ta' provvista ta' ikel, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill bir-raġunijiet u l-effetti għaż-żieda attwali tal-prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel f'bosta setturi agrikoli u tal-produzzjoni ta' l-ikel li jiddependu fuq ċ-ċereali u żrieragħ taż-żejt għall-prodotti finali tagħhom;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza sew l-effetti tan-nuqqas ta' provvista ta' ċereali u żrieragħ taż-żejt fuq l-aktar produtturi u konsumaturi ta' l-ikel vulnerabbli fl-UE u fil-pajjiżi terzi inklużi l-proposti għal strumenti u miżuri li jevitaw tfixkil fil-provvista ta' l-ikel u l-effetti inflazzjonarji fuq żidiet ulterjuri tal-prezz;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar kull abbuż possibbli ta' pożizzjonijiet ta' setgħa tas-suq min-naħa ta' l-industrija ta' l-għalf u ta' l-ikel fil-forma ta' żieda fil-prezzijiet li jmorru lilhinn minn żidiet raġjonevoli li jirriflettu l-ispiża fl-akkwist tagħhom ta' materja prima agrikola;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali u tas-sigurtà ta' l-ikel li tqis il-kompetizzjoni eżistenti għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u dik tal-fjuwil, inkluż l-impatt tal-bidla fil-klima u miżuri possibbli biex jiġi evitat it-tnaqqir ulterjuri tar-riżorsi għall-produzzjoni ta' l-ikel;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq eżeċizzju ta' evalwazzjoni tal-possibilità ta' miżuri dwar l-immaniġġjar tal-provvista u s-sigurtà ta' l-ikel li jistgħu jevitaw instabilità estrema ulterjuri tal-prezzijiet ta' l-għalf u l-ikel u l-kompetizzjoni mhux sostenibbli bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u tal-fjuwil;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.