Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0441/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0441/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.11.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Joseph Daul, Daniel Caspary, Marianne Thyssen, Malcolm Harbour, Giles Chichester, Cristobal Montoro Romero u Csaba Őry
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

Proċedura : 2007/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0441/2007
Testi mressqa :
B6-0441/2007
Testi adottati :

B6‑0441/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem ta' 'L-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (COM(2007)0581),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem ta' ’Ewropa Globali: partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq għall-esportaturi Ewropej (COM (2007)183),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-isem ta' 'Ewropa moderna, miftuħa għall-innovazzjoni' (COM (2006)589),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem ta' 'Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija. Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi’ (COM(2006)0567),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006' (COM(2006)697).

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tad-9 ta' Marzu 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kontribut lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 rigward l-Istrateġija ta’ Liżbona,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar 'Ewropa Globali - aspetti esterni tal-kompetittività' (2006/2292(INI)),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2006 dwar 'L-effetti tal-globalizzazzjoni fuq is-suq intern' (2004/2225(INI)),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tilgħab irwol importanti fil-kummerċ internazzjonali globali u hemm bżonn li tkompli turi li hija fuq quddiem fis-sistema ekonomika globali,

B.  billi l-UE għandha taffaċja l-kompetizzjoni biex tiżgura t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi f'ekonomija globali li kontinwament timmodernizza ruħha u fil-kuntest ta' kompetizzjoni ikbar mill-ekonomiji l-kbar ġodda,

C.  billi l-konsistenza bejn l-aspetti interni u esterni ta' l-Aġenda mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi hija indispensabbli għas-suċċess ta' l-inizjattiva,

D.  billi l-prestazzjoni ta' l-UE fl-esportazzjoni kemm lejn ekonomiji żviluppati u kemm lejn ekonomiji ġodda hija ħafna drabi affetwata b'mod negattiv min-nuqqas ta' reċiproċità fil-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għas-suq, minn ostakoli li mhumiex tariffi u minn prattiki inġusti tal-kummerċ,

E.  billi l-pajjiżi l-ġodda qed iżidu b'mod sinifikanti l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u f'oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi, sitwazzjoni li tqajjem il-kwistjoni tas-sostenibilità tal-politika ta' l-UE fid-dinja kompetittiva attwali ta' għarfien u innovazzjonijiet,

F.  billi l-isforzi biex tiġi affaċċjata l-bidla fil-klima jistgħu jsiru biss fuq livell internazzjonali,

G.  billi l-politika komuni esterna ta' l-UE dwar l-enerġija, ibbażata fuq il-prinċipji ta' diversifikazzjoni, sostenibilità u solidarjetà, għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà tal-forniment għall-UE kollha u li ssaħħaħ il-kredibilità ta' l-UE bħala parteċipant globali,

1.  Iqis li l-kompetittività esterna ta' l-UE hija vitali biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjieg;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex isaħħaħ azzjoni ta' l-UE dwar id-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u jqis li l-UE għandha responsabilità qawwija biex tadotta politika ekonomika esterna komuni biex timmaniġġja b'mod xieraq l-impatt estern tas-suq wieħed ta' l-UE,

3.  Ifakkar li f'ħafna setturi, l-UE diġà hija waħda mill-iktar ekonomiji miftuħa fid-dinja u li kkontribwixxiet ħafna għal u bbenefikat mill-espansjoni konsiderevoli tal-kummerċ globali;

4.  Jiddispjaċih li ċ-ċittadini ta' l-UE ħafna drabi jassoċjaw il-globalizzazzjoni mat-tnaqqis fil-produzzjoni u mat-telf ta' impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini Ewropej dwar l-aspetti kollha tal-globalizzazzjoni u dwar il-bżonn għal poltika fuq livell ta' l-UE biex taffaċċja l-isfidi ta' ekonomija globalizzata;

5.  Jerġa' jtenni t-talba tiegħu għal strateġija ta' l-UE għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa li jippermettu lill-UE iżżomm il-pass mal-globalizzazzjoni sabiex iżżomm il-pożizzjoni tagħha f'ekonomija dinjija li qed tinbidel b'ritmu mgħaġġel u b'hekk isaħħaħ il-produzzjoni u l-impjieg;

6.  Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' Suq Wieħed li jaħdem b'mod sħiħ għat-tisħiħ tal-kompetittività globali ta' l-UE;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal enormi disponibbli billi l-akkwist pubbliku jkun meqjus bħala l-mutur ta' prodotti u servizzi ġodda; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tipprovdi linji gwida dwar metodi ta' akkwist innovattivi malajr kemm jista' jkun;

8.  Iqis li s-suq intern transatlantiku jista' jkun strument xieraq biex jiżgura l-effiċjenza tad-difiża kummerċjali ta' l-UE, tal-kompetittività sostenibbli u ta' l-innovazzjoni; jerġa' jtenni t-talba tiegħu għal Ftehima ta' Sħubija ġdida UE-SU, liema ftehima jkollha l-għan li telimina jew tnaqqas b'mod sinifikanti l-ostakoli kollha li baqa' għall-kummerċ u l-investiment;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tfassil ta' politiki interni tevalwa b'mod sistematiku u tqis politiki simili implimentati mill-imsieħba l-kbar ta' l-Unjoni Ewropea bħall-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Ġappun bil-għan li tittejjeb il-kompetittività Ewropea u sabiex jitneħħew l-ostakoli għan-negozju globali;

10.  Jenfasizza li l-inizjattivi bil-għan li tiżdied il-kompetittività m'għandhomx inaqqsu l-istandards Ewropej; ifakkar fl-importanza li jiġi stabbilit djalogu kostruttiv u bbilanċjat ma' l-imsieħba esterni sabiex ikun influwenzat l-iżvilupp ta' standards internazzjonali;

11.  Jappoġġja l-objettivi ta' Liżbona biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' l-UE għall-innovazzjoni u l-kreattività billi jiżdiedu n-nefqiet fir-Riċerka u l-Iżvilupp; ifakkar li l-UE għandha bżonn isaħħaħ il-koordinazzjoni ta' l-isforzi li jsiru fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, tappoġġja sħubijiet pubbliċi-privati u tiffaċilita l-aċċess ta' l-SMEs għal għarfien ġdid;

12.  Jaqbel ma' l-għanijiet tas-Settur Ewropew tar-Riċerka (ERA), bħala pilastru tas-soċjetà Ewropea ta' l-għarfien, għall-kisba ta' l-ambizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-UE u ċ-ċittadini tagħha iżda jistenna bil-ħerqa t-twessigħ ta' l-ERA sabiex tikkontribwixxi b'mod sħiħ għall-Istrateġija mġedda ta' Liżbona;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni proposta ma' l-SMEs u l-abbozzar sussegwenti ta' l-'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar'; japprova l-idea ta' inizjattiva speċifika biex tissaħħaħ iktar il-kontribuzzjoni ta' l-SMEs bħala l-muturi ewlenin għall-ħolqien ta' l-impjiegi; jiġbed l-attenzjoni li miżuri speċifiċi li jinkoraġġixxu SMEs ġodda li għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir, se jkollhom effett katastrofiku fuq ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' politika kkoordinata dwar l-impjiegi ta' l-UE, speċjalment dwar l-immigrazzjoni (blue card); jenfasizza li suq tax-xogħol flessibbli u tagħlim tul il-ħajja, huma elementi essenzjali għat-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-UE;

15.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea jkollha politika esterna kredibbli bħala għodda effiċjenti biex titratta d-dipendenza ta' l-UE, biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista bi prezzijiet raġonevoli u previsti, biex tiddiversifika s-sorsi ta' l-enerġija, biex tiżgura l-objettivi ta' sostenibilità u biex tiggarantixxi l-interessi għal tul ta' żmien twil ta' l-Istati Membri ta' l-UE kollha; itenni li l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona jistgħu jinkisbu b'mod sħiħ biss jekk isiru aktar sforzi biex tkun stabbilita politika komuni ta' l-enerġija;

16.  Jirrikonoxxi li strateġija sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent fuq livell internazzjonali biss tista' tittratta b'mod effettiv l-isfidi tal-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti li jkun hemm konsensus internazzjonali qawwi li jwassal għal qafas tan-Nazzjonijiet Uniti b'objettivi mandatorji li jorbtu għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

17.  Jenfasizza li l-istrateġiji ta' l-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-trattar tal-bidla fil-klima; għandhom ikunu provduti b'appoġġ xieraq u riċerka u żvilupp teknoloġiku;

18.  Huwa favur l-indipendenza ta' l-ECB fit-tfassil tal-politika monetarja u fit-tmexxija volatili tas-swieq finanzjarji globali; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta’ l-Euro joriġina minn żbilanċi li qed jiżdiedu f’pajjiżi terzi u minn domanda dgħajfa fl-UE, u dan iżid il-pressjoni kompetittiva fuq il-kumpaniji ta’ l-UE, u jidentifika l-ħtieġa għal reazzjoni ta’ l-UE permezz ta’ politika ekonomika soda u permezz ta’ ftehimiet u koperazzjoni internazzjonali;

19.  Huwa tal-fehma li t-trasparenza tas-suq finanzjarju, regoli tal-kompetizzjoni effettivi u regolamentazzjoni u superviżjoni xierqa se jibqgħu jkunu kruċjali, meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ħtieġa li jkunu garantiti d-drittijiet tal-konsumatur; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex telabora l-kwistjonijiet tas-suq finanzjarju f'inizjattivi ma' l-Ewropa kollha fil-qafas tal-programm Komunitarju ta' Liżbona;

20.  Jemmen li titjib fl-operat tas-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji jista' jinkiseb billi tikber il-koordinazzjoni fir-riformi ekonomiċi fl-Istati Membri differenti, b’mod partikular fi ħdan iz-zona euro, u fl-immodernizzar ta' l-ekonomija billi jiżdiedu l-isforzi għal investiment fit-teknoloġija; jappoġġja approċċ integrat ta’ governanza ekonomika bbażat fuq il-valur miżjud ta’ l-integrazzjoni;

21.  Iqis li l-iżvilupp tar-regoli u l-istandards globali huwa essenzjali sabiex tinkiseb konverġenza regolatorja; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tipparteċipa b'mod attiv fix-xogħol ta' l-aġenziji internazzjonali rilevanti kollha u ta' l-entitajiet li jistabbilixxu l-istandards, sabiex ikun hemm konsistenza ikbar bejn ir-regoli u l-prattiki ta' l-UE u dawk ta' l-imsieħba kummerċjali ewlenin ta' l-UE;

22.  Jenfasizza l-importanza tar-regoli multilaterali tal-kummerċ mad-WTO, anke għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni biex isaħħaħ dawn ir-regoli bi ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali speċjalment ma' l-ekonomiji l-ġodda, u biex tagħmel progress fin-negozjati malajr kemm jista' jkun; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-liberalizzazzjoni estiża tas-servizzi u l-investiment;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Istrateġija għall-Aċċess tas-Suq tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li reċiproċità fil-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għas-suq hija assigurata, kif ukoll li jkun hemm konformità mar-regoli kummerċjali miftiehma;

24.  Jinsisti li l-konċessjonijiet ta' l-UE mogħtija lill-imsieħba negozjaturi tagħha għandhom, ħlief meta jkunu ġġustifikati minn konsiderazzjonijiet għall-iżvilupp, ikunu jaqblu ma' konċessjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati;

25.  Jenfasizza li l-UE għandha tipperswadi l-ekonomiji l-ġodda, inkluża ċ-Ċina, biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ekonomiċi u biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun parti integrali mill-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fid-dinja globalizzata;

26.  Jemmen li s-segwitu ta' iżjed liberalizzazzjoni kummerċjali jagħmilha iżjed neċessarja li l-UE tippreserva l-abilità tagħha li tipproteġi lilha nnfisha minn prattiki kummerċjali inġusti; għalhekk, iqis l-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali (TDIs) bħala elementi indispensabbli ta' l-istrateġija ta' l-UE għall-kompetittività esterna;

27.  Jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati l-privattivi u d-difiża tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPRs) għall-kompetittività esterna ta' l-UE, u jemmen li l-UE għandha tadotta pożizzjoni iktar riżoluta ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;

28.  Iqis li l-UE u l-imsieħba kummerċjali tagħha progressivament se jkollhom jagħmlu wkoll enfasi ikbar fuq ir-rikonoxximent internazzjonali ta' l-istandards minimi ambjentali li jpoġġu lill-imsieħba kollha fuq livell indaqs;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.