MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.11.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Harlem Désir, Robert Goebbels, Pervenche Berès, Jan Andersson, Anne Van Lancker, Udo Bullmann u Csaba Őry
f’isem il-Grupp PSE
dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni
B6‑0442/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ tħejjija tiegħu tas-26 ta’ Jannar 2007 dwar il-linji gwida tal-politika ekonomika ġenerali għall-2007 (A6-0012/2007),
– wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘l-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (COM(2007)0581),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘Wasal iż-żmien li ningranaw: is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi’ (COM(2006)0030),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Ottubru 2004, tat-12 ta’ Lulju 2005, tat-18 ta’ Lulju 2006 u ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 dwar linji gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-Linji Gwida għall-Politika ta’ l-Impjiegi ta’ l-Istati Membri[1],
– wara li kkunsidra l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropew, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Marzu 2005,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Marzu 2006,
– wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘L-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2010: is-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jiddependi minn riformi urġenti’ (COM(2003)0685),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2006-2007[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Guimarães dwar ’12-il punt ewlieni biex niffaċċjaw l-isfidi li ġejjin’ fil-5 u s-6 ta’ Lulju 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ekonomika tirreferi għall-azzjonijiet li l-gvernijiet iridu jieħdu fil-qasam ekonomiku biex joffru tkabbir ekonomiku sostenibbli u fit-tul ħalli jissodisfaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini ta' l-UE,
B. billi jekk il-politiki pubbliċi jwasslux għal tkabbir jew le jiddependi mis-sorsi ta’ tkabbir u mill-impedimenti għat-tkabbir li jeżistu fl-ekonomija kif ukoll mill-ammont wiesa' ta' restrizzjonijiet u ta' opportunitajiet li s-sitwazzjoni ekonomika globali tippreżenta,
C. billi hemm evidenza biżżejjed li tissuġġerixxi li rati għolja ta' inflazzjoni, żbilanċ eċċessiv makroekonomiku, investiment baxx fil-kapital uman u protezzjoni qawwija tal-kummerċ ma jispirawx tkabbir ekonomiku sostenibbli u effiċjenti,
D. billi l-instabiltà finanzjarja attwali qed toħloq inċertezza u tista' tkompli tnaqqas it-tkabbir ekonomiku u billi r-reviżjoni żgħira, mill-Kummissjoni, tat-tbassir tal-ħarifa, tista' wkoll iġġib bidla deċisiva fiċ-ċiklu ekonomiku sakemm it-trasparenza fis-swieq u reazzjonijiet xierqa minn dawk responsabbli mill-politika ma jerġgħux jakkwistaw il-fiduċja tal-konsumaturi,
E. billi l-UE l-ġdida hi taħlita unika ta' ekonomiji avvanzati u ekonomiji konverġenti bi prezz irħis (low-cost), u dan jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż, li jintużaw ekonomiji fil-kobor (economies of scale) interni u esterni u li jkun hemm reżistenza għal pressjonijiet deflazzjonarji u inflazzjonarji minn ekonomiji li qed jiżviluppaw,
F. billi l-UE mkabbra, li tirrappreżenta wieħed mill-akbar swieq dinjija, b'500 miljun ċittadin, saret parteċipant globali u qiegħda f'pożizzjoni prinċipali li tiffissa standards globali,
G. billi s-suq wieħed ta' l-UE għandu profil u attrazzjoni li qed jinkoraġġixxu immigrazzjoni ekonomika u appoġġ politiku u finanzjarju biex jinstabu soluzzjoni għall-problemi madwar id-dinja kollha u dħul ta' fondi ta' investimenti privati u sovrani,
H. billi l-UE mkabbra u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija kif ukoll l-iżvilupp politiku u soċjo-kulturali ta' l-Istati Membri tagħha jirrikjedu riformi u koperazzjoni mtejba fi ħdan is-sistema għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi,
I. billi l-interdipendenza fiz-zona euro hija aktar b'saħħitha milli fl-UE kollha, u billi dan għadu mhux qed jinbidel fi proċessi ta' politika effettivi u koerenti - partikolarment rigward ir-rabta bejn finanzi pubbliċi fis-sod, infiq ta' kwalità għolja u investiment fi strateġiji ta' tkabbir produttiv,
J. billi, meta jitfasslu l-linji gwida ġenerali ta’ l-UE dwar il-politika ekonomika, dawk responsabbli mill-politika jridu jiddikjaraw b'mod ċar u jindirizzaw l-isfidi komuni li l-ekonomiji ta' l-UE qed jiffaċċjaw u se jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin,
K. billi l-ekonomija Ewropea kisbet riżultati aqwa fl-2006 milli fis-snin ta’ qabel; billi, madankollu, wara l-volatilità finanzjarja u minħabba r-riskji li żdiedu, il-Kummissjoni rrevediet u naqqset bi ftit it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għall-2007, għal 2.5% għaz-zona euro u għal 2.8% għall-UE,
L. billi għarfien min-naħa taċ-ċittadini ta’ l-UE u l-appoġġ attiv tagħhom huma prekundizzjonijiet biex il-miżuri tal-politika ekonomika jiġu implimentati b'suċċess,
M. billi l-opportunità biex tkun riveduta l-għodda ta’ Liżbona għandha tintuża biex il-Linji Gwida Integrati jiġu adattati sabiex jirriflettu sfidi ġodda u sabiex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet u n-nuqqas ta’ koerenza ta' l-impenji attwali,
N. billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) teħtieġ aktar viżibiltà, kapaċità ta’ monitoraġġ u impetus parteċipatorju skond l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda, b’mod partikulari fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali (NRP) u fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali,
O. billi r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali juru li l-oqsma li fihom l-implimentazzjoni tal-politika hija l-iktar dgħajfa huma dawk marbuta mat-titjib ta' l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intraptiżi u taż-żieda ta’ l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ,
P. billi hemm interrelazzjoni b’saħħitha bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali; billi l-faqar tax-xogħol huwa enfasizzat dejjem aktar bħala sfida ewlenija kemm fil-politika dwar l-impjiegi kif ukoll fil-politika dwar l-inklużjoni soċjali; billi għalhekk huwa essenzjali li l-Linji Gwida Integrati jerġgħu jsiru bilanċjati sabiex jilħqu l-objettivi soċjali u ambjentali tagħhom u sabiex jitqiesu s-sinerġiji bejn l-oqsma differenti,
Q. billi l-laqgħa informali msemmija hawn fuq tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Guimarães ikkonkludiet li l-inklużjoni soċjali hija aspett fundamentali ta’ l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa billi tipprovdi l-għodda biex jinħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd u peress li għandha effetti pożittivi fuq l-impjiegi, il-ħiliet u l-iżvilupp tal-bniedem,
R. billi ħafna miżuri fil-proċess tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għandhom effetti ċari fuq il-politika dwar l-inklużjoni soċjali, speċjalment fuq miżuri li jenfasizzaw l-impjiegi, filwaqt li objettivi u politiki għall-inklużjoni soċjali għadhom spiss neqsin mill-proċess tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali,
Politika esterna
1. Jinnota li l-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija toħloq opportunitajiet ġodda għall-ekonomiji ta' l-UE li se jkollhom rwol aktar importanti fid-deċennji li ġejjin u jakkwistaw benefiċċji addizzjonali billi jutilizzaw sew l-ekonomiji fil-kobor, il-kapaċità, l-urbanizzazzjoni, in-netwerks u r-reputazzjoni pożittiva;
2. Jenfasizza li l-UE tista' biss tilħaq l-objettivi tagħha ta' Liżbona internament billi tkun attiva u magħquda fix-xena dinjija; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li tiġi żviluppata dimensjoni esterna koerenti ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona; iqis li approċċ komprensiv għall-politika esterna li jiffoka fuq il-koperazzjoni regolatorja, il-konverġenza ta' l-istandards u l-ekwivalenza tar-regoli jrid jippromwovi kemm il-kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-kummerċ ġust; madankollu, f'dan il-kuntest iwissi biex ma tkunx sottovalutata l-importanza ta' aktar titjib fil-koperazzjoni interna u fil-proċessi ta' riforma;
3. Jenfasizza l-importanza li qed tikber ta’ l-UE bħala protagonista dinjija u bħala wieħed mill-benefiċjarji ewlenin ta' l-ekonomija dinjija miftuħa, bħala l-akbar esportatur u importatur fid-dinja ta' oġġetti, l-akbar esportatur fid-dinja ta’ servizzi u t-tieni l-akbar destinazzjoni u oriġini ta’ Investiment Barrani Dirett; iqis li, għalhekk, għandha responsabiltà kbira li tittratta kwistjonijiet dinjija u li toħloq għodda ta’ politika ekonomika esterna komuni biex l-impatt estern tas-suq wieħed ta' l-UE jkun immaniġġjat kif xieraq;
4. Iqis li l-konsolidazzjoni globali ta' l-industriji u l-akkwisti tal-kumpaniji ta' l-UE minn investituri ta' pajjiżi terzi u viċi versa jbaxxu l-ispiża effettiva tal-kapital; jitlob li jittieħdu miżuri ħalli jikkumbattu l-protezzjoniżmu kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni Ewropea; madankollu, jiġbed l-attenzjoni li mingħajr koordinazzjoni xierqa meta jinħoloq il-qafas superviżorju ta’ l-UE u mingħajr infurzar qawwi tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE, il-vantaġġi tas-suq wieħed u l-benefiċċji fil-kobor li jinkisbu mill-parteċipazzjoni ta’ l-UE f’suq dinji bħala entità waħda jistgħu jonqsu;
5. Huwa favur l-indipendenza ta' l-ECB fit-tfassil tal-politika monetarja u fit-tmexxija volatili tas-swieq finanzjarji globali; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta’ l-Euro joriġina minn żbilanċi li qed jiżdiedu f’pajjiżi terzi u minn domanda dgħajfa fl-UE, u dan iżid il-pressjoni kompetittiva fuq il-kumpaniji ta’ l-UE, u jidentifika l-ħtieġa għal reazzjoni ta’ l-UE permezz ta’ politika ekonomika soda u permezz ta’ ftehimiet u koperazzjoni internazzjonali;
6. Huwa tal-fehma li żidiet f’daqqa tad-domanda għar-riżorsi naturali, għall-prodotti u s-servizzi bażiċi minħabba t-tkabbir ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw jista' jkollhom impatt inflazjonarju fuq l-ekonomiji ta' l-Istati Membri ta' l-UE li s'issa kien evitat minħabba l-kontribut tagħhom għaż-żieda tal-forniment dinji; iqis li l-għodda antinflazzjonarja ta’ politika ekonomika bi strateġiji ta’ tkabbir teknoloġiku u b’qafas għal aġġustament makroekonomiku u koordinazzjoni mtejba għandha titħejja mill-Istati Membri ta' l-UE biex din il-problema tiġi indirizzata;
7. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa l-koperazzjoni regolatorja, il-konverġenza ta’ l-istandards u l-ekwivalenza tar-regoli fid-diskussjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi impjiegi diċenti u l-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, tiġġieled kontra d-dumping soċjali, tinkludi sistematikament kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet tagħha dwar il-kummerċ u l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, filwaqt li tirrikjedi r-ratifika u l-infurzar ta' standards ewlenin ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u prinċipji tax-xogħol diċenti, u biex tapplika sistematikament il-valuri u l-prinċipji soċjali tagħha meta tilħaq ftehimiet ma' pajjiżi terzi;
Politiki interni
Pont bejn l-Istrateġiji għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-Linji Gwida Integrati
8. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tingħata aktar attenzjoni lill-inklużjoni attiva u l-opportunitajiet indaqs, li għandha tkun promossa l-ġlieda għal ħarsien soċjali xieraq u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faqar u li madwar l-Ewropa kollha jinħtieġu mezzi aktar effettivi biex ikunu żgurati d-drittijiet eżistenti taċ-ċittadini ta' aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa u forom oħra ta' ħarsien soċjali;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata u mtejba l-integrazzjoni u l-viżibiltà tad-dimensjoni soċjali fiċ-ċiklu li jmiss ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, u, b’mod partikulari, fil-Linji ta' Gwida Integrati; iqis li hemm ħtieġa urġenti li jingħeleb l-iżbilanċ eżistenti fil-Linji gwida għall-Impjiegi, li ma jagħtux importanza lil ċerti objettivi soċjali bażiċi, bħal dawk bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fqar u li jiżdied l-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja u għal forom oħra ta ħarsien soċjali għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-Linji Gwida Integrati sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi ġodda u tegħleb dawn in-nuqqasijiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ sistematiku li jiżgura l-koerenza effettiva bejn il-proċess tal Programmi ta’ Riforma Nazzjonali bil-għan ta’ tkabbir u ta’ aktar impjiegi u impjiegi aqwa minn naħa waħda u l-proċess tal-ħarsien soċjali u ta' l-inklużjoni soċjali min-naħa l-oħra;
Implimentazzjoni tal-Linji Gwida għall-Impjiegi
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta d-diverġenza kbira bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-Linji gwida għall-Impjiegi billi tiżgura li l-Istati Membri japplikaw b’mod iktar komprensiv, l-indikaturi u l-objettivi EES, l-istrumenti għat-tagħlim matul il-ħajja u l-miżuri mfassla fil-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE 2006-2007 għall-Persuni b’Diżabilità; jitlob li dawk l-impenji, l-objettivi u r-referenzi kollha jiġu inkorporati għalkollox fil-Linji Gwida Integrati sabiex jissaħħu l-koerenza u l-effiċjenza ta’ l-EES;
12. Jenfasizza l-importanza kbira li jissaħħu l-kapaċitajiet strateġiċi tal-politika ta’ l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-proċessi ta’ koperazzjoni tagħhom jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità ta’ l-impjiegi, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja personali, il-kwalità u d-disponibilità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni antidiskriminatorja, it-tisħiħ ta' politika għall-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, u kwistjonijiet ta' immigrazzjoni;
13. Jappoġġja l-adozzjoni ta’ sett bilanċjat ta’ prinċipji komuni dwar il-flessigurtà, li jgħaqqad il-flessibiltà u s-sigurtà għall-impjegati u għal min iħaddem fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħqdu dawk il-prinċipji komuni tagħhom fil-konsultazzjoni tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali ma' l-imsieħba soċjali u jenfasizza l-irwol ċentrali tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid, tal-politika tas-suq tax-xogħol, tal-ħarsien soċjali xieraq u t-tqassim tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jiġu assigurati drittijiet għall-ħaddiema kollha;
Politiki ekonomiċi
14. Jinnota li l-UE trid tagħmel sforz biex tispjega l-benefiċċji tas-suq intern liċ-ċittadini għaliex huma inkwetati li l-kompetizzjoni msaħħa fis-suq intern mogħtija spinta mit-tkabbir, mill-integrazzjoni u mill-mobilità tax-xogħol tikkawża bidla mill-modi tradizzjonali tax-xogħol għal mudelli ta’ flessigurtà, u jemmen li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat permezz ta' azzjonijiet ta' politika li jkabbru l-provvista u jtejbu l-kwalità ta' dawk l-oġġetti u servizzi pubbliċi li, matul iż-żmien, jistgħu jgħinu biex jiżdiedu t-tkabbir produttiv u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;
15. Huwa mħasseb dwar kemm it-tkabbir Ewropew se jkun b’saħħtu biżżejjed biex tiġi evitata l-volatilità tas-swieq finanzjarji dinjin u tar-rati tal-kambju; jemmen li politiki ekonomiċi sodi jistgħu jgħinu biex tikber il-kunfidenza u tonqos l-inċertezza fil-kuntest tal-volatilità finanzjarja attwali; jiġbed l-attenzjoni li waħda mill-problemi fundamentali li l-ekonomija Ewropea ffaċċjat fis-snin riċenti kienet domanda domestika insuffiċjenti;
16. Jenfasizza li hemm effetti sinifikanti bejn l-ekonomiji ta' l-Istati Membri li jaffettwaw lil xulxin (spill-over effects); jenfasizza f'dan il-kuntest li hi ta' importanza kruċjali li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa kemm dwar politiki fiskali sodi kif ukoll dwar finanzi pubbliċi ta' kwalità għolja, inklużi ‘investimenti ta' Liżbona’ essenzjali;
17. Huwa tal-fehma li t-trasparenza tas-suq finanzjarju, regoli tal-kompetizzjoni effettivi u regolazzjoni u sorveljanza xierqa se jibqgħu jkunu kruċjali, meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ħtieġa li jkunu garantiti d-drittijiet tal-konsumatur; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex telabora l-kwistjonijiet tas-suq finanzjarju f'inizjattivi ma' l-Ewropea kollha fil-qafas tal-programm Komunitarju ta' Liżbona;
18. Jenfasizza li t-tnaqqis fir-ritmu tal-produzzjoni hi kwistjoni ta' tħassib għall-politika ekonomika u jvarja minn pajjiż għall-ieħor ta' l-UE, jinnota, madankollu, sistema ġenerali komuni li tindika punti dgħajfa fis-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji;
19. Jirrimaka li r-riġidità strutturali ma tippermettix l-effiċjenza fl-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-aċċessibilità ta' netwerks f'industriji li għadhom lura; jemmen li l-linji gwida ta' politika ekonomika għandhom jinkludu azzonijiet li jħejju sabiex jinħoloq l-ambjent tajjeb għal operazzjonijiet transkonfinali min-negozji u biex tissaħħaħ id-dehra ta’ suq finanzjarju wieħed;
20. Jirrikonoxxi li l-Ewropa għandha bżonn trasformazzjoni aktar mgħaġġla ta' innovazzjoni fi prodotti u servizzi ġodda; jappoġġja għalhekk it-talba tal-Kummissjoni għal ‘triangolu ta' tagħrif’ tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni; jistenna investimenti iktar effettivi f'ħiliet ġodda, tagħlim matul il-ħajja u sistemi moderni ta' edukazzjoni/taħriġ;
21. Huwa favur li jiġi appoġġjat ir-ristrutturar ta' l-ekonomija permezz ta' l-innovazzjoni fil-proċessi tat-tmexxija, fil-proċeduri u fl-istrutturi organizzattivi; huwa tal-fehma li kumpaniji ġodda f'dan il-qasam jeħtieġu aktar aċċess għall-kapital u aktar kreattività u joffru bosta opportunitajiet lill-intrapriżi ż-żgħar u lill-ġenerazzjoni żagħżugħa;
22. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun komplementarja għall-politika strutturali, tipprevjeni l-iżvilupp ta’ kartelli u tiżgura li l-kundizzjonijiet ma jippermettux li jitwarrbu n-negozji ż-żgħar;
23. Jemmen li titjib fl-operat tas-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji jista' jinkiseb billi tikber il-koordinazzjoni fir-riformi ekonomiċi fl-Istati Membri differenti, b’mod partikular fi ħdan iz-zona euro, u fl-immodernizzar ta' l-ekonomija billi jiżdiedu l-isforzi għal investiment fit-teknoloġija; jappoġġja approċċ integrat ta’ governanza ekonomika bbażat fuq il-valur miżjud ta’ l-integrazzjoni;
Arranġamenti istituzzjonali
24. Hu ta' l-opinjoni li l-influwenza ta' l-ambjent ekonomiku fuq tkabbir għal perjodu twil ta' żmien mhuwiex wieħed awtomatiku u l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet li jirreaġixxu għas-suq jiddeterminaw jekk l-ekonomija hiex kapaċi jew le li tikkonkretizza l-potenzjal tagħha ta' tkabbir strutturali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq Linji Gwida Integrati għall-2008-2010 li ġew aġġornati tassew;
25. Jemmen li l-iżviluppi istituzzjonali ta' l-UE għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni effiċjenti tal-politiki ekonomiċi u jiżguraw konsistenza bejn il-linji gwida integrati u l-programmi ta' riforma nazzjonali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li programmi ta’ riforma nazzjonali jużaw aktar il-linji gwida integrati u biex toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri bbażati fuq indikaturi li jkejlu r-rendiment ta’ l-Istati Membri;
26. Jirrimarka li t-trasparenza fix-xogħol magħmul mill-Eurogrupp, mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC), mill-Kumitat għas-Servizzi Finanzjarji (FSC) u mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika (EPC) hu vitali għall-koordinazzjoni effiċjenti u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-politika ekonomika;
27. Hu konvint li titjib fil-pussess u għarfien aħjar tal-programm ta’ riforma madwar l-Ewropa kollha hu meħtieġ u li l-irwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi msaħħaħ, flimkien mal-formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri inkarigat mit-twaqqif ta’ strateġija ekonomika;
28. Hu ta' l-opinjoni li l-''governanza ta' Liżbona ta' l-UE" teħtieġ li tkompli titjib, partikolarment rigward l-aspetti li ġejjin: koordinazzjoni aktar mill-qrib fost il-formazzjonijiet relevanti tal-Kunsill tal-Ministri partikolarment rigward Programmi ta' Riforma Nazzjonali li jkunu kkoordinati kif xieraq, żmien suffiċjenti għall-Istati Membri li jfasslu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali billi jaġġornaw u/jew jikkonfermaw il-Linji Gwida Integrati sa mill-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' l-UE u drittijiet ta' konsultazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew;
29. Jiddispjaċih għal darb’oħra li għadu ma ntlaħaqx qbil dwar pjan u kodiċi ta’ prattika ċari bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jiggarantixxu koperazzjoni xierqa u l-involviment sħiħ tat-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE kkonċernati dwar l-immaniġġjar ulterjuri tal-linji gwida integrati tal-politika bħala strumenti ewlenin ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex minnufih jippreżentaw proposti għal koperazzjoni mill-qrib bejn it-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE fid-dawl tar-reviżjoni li se ssir dalwaqt tal-linji gwida integrati tal-politika;
Involviment tal-partijiet interessati
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu s-sjieda u jsaħħu l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ta’ l-imsieħba soċjali, ta’ l-organizazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni qiegħda, u lil dawk il-gruppi fis-soċjetà l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u, b’mod partikulari, fi ħdan il-proċess ta’ Programmi ta’ Riforma Nazzjonali;
31. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni proposta tal-Kummissjoni ma’ l-SMEs u r-rappreżentanti tagħhom u t-tfassil sussegwenti ta’ ‘L-Att għan-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa; jittama li l-leħen tan-negozji ż-żgħar jinstema’ fid-djalogu soċjali u li l-prinċipju ta’ ‘aħseb fiż-żgħir l-ewwel’ ikun integrat b’mod sħiħ fit-tfassil tal-politika;
Teħid ta' Żmien
32. Jistenna bil-ħerqa li jwettaq l-irwol konsultattiv tiegħu, kif definit fl-Artikolu 128(2) tat-Trattat, bil-għan li jiġu riveduti l-Linji Gwida dwar l-Impjieg; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu lill-Parlament iż-żmien meħtieġ, u fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn ħames xhur, biex iwettaq dmirijietu;
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.