MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.11.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Jiří Maštálka, Sahra Wagenknecht u Helmuth Markov
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-Interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni
B6‑0445/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ tħejjija tiegħu tas-26 ta’ Jannar 2007 dwar il-linji gwida tal-politika ekonomika ġenerali għall-2007 (A6-0012/2007),
– wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘l-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (COM(2007)0581),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘Wasal iż-żmien li ningranaw: is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi’ (COM(2006)0030),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Ottubru 2004, tat-12 ta’ Lulju 2005, tat-18 ta’ Lulju 2006 u ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 dwar linji gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-Linji Gwida għall-Politika ta’ l-Impjiegi ta’ l-Istati Membri[1],
– wara li kkunsidra il-Patt Ewropew għaż-Zgħażagħ adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2005,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘L-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2010: is-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jiddependi minn riformi urġenti’ (COM(2003)0685),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Berlin dwar ''Xogħol Tajjeb'' fit-18,19 u l-20 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2006-2007[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Guimarães dwar ‘12-il punt ewlieni biex niffaċċjaw l-isfidi li ġejjin’ fil-5 u s-6 ta’ Lulju 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ekonomika tirreferi għall-azzjonijiet li l-gvernijiet iridu jieħdu fil-qasam ekonomiku biex joffru tkabbir ambjentali, ekonomiku u soċjali sostenibbli fit-tul,ħalli jingħelbu l-faqar u l-qgħad u jiġu sodisfati l-bżonnijiet taċ-ċittadini ta' l-UE,
B. billi l-ekonomija Ewropea kisbet riżultati aqwa fl-2006 milli fis-snin ta’ qabel u qabżet ir-riżultati tas-snin preċedenti; billi t-taqlib finanzjarju attwali qed joħloq inċertezza u jista' jkompli jnaqqas it-tkabbir ekonomiku u billi reviżjoni żgħira, mill-Kummissjoni Ewropea, fit-tbassir tal-ħarifa, tista' wkoll iġġib bidla deċisiva fiċ-ċiklu ekonomiku jekk it-trasparenza fis-swieq u reazzjonijiet xierqa minn dawk responsabbli mill-politika ma jerġgħux jakkwistaw il-fiduċja tal-konsumaturi,
C. billi l-UE mkabbra, li tirrappreżenta wieħed mill-akbar swieq globali, b'500 miljun ċittadin, saret parteċipant globali u qiegħda f'pożizzjoni prinċipali li tiffissa standards globali; billi hemm bżonn li jiġi abbandunat il-mod ta' kif l-UE twettaq dan l-irwol ta' parteċipant globali - bil-promozzjoni ta' strateġija esterna aktar aggressiva sabiex tiftaħ is-swieq u takkwista ishma fis-suq tad-dinja- ;
D. billi l-interdipendenza fiz-zona euro hija aktar b'saħħitha milli fl-UE kollha, u billi dan għadu mhux qed jissarraf fi proċessi politiċi effettivi u koerenti;
E. billi ż-żieda fil-livell ta' l-impjiegi mhijiex biżżejjed sabiex jiġu trattati l-faqar u l-esklużjoni soċjali sakemm ma jkunux akkumpanjati minn siġurtà ta' l-impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, paga li wieħed jista' jgħix biha u standards soċjali minimi;
F. billi l-opportunità biex tkun riveduta l-għodda ta’ Liżbona għandha tintuża biex il-Linji Gwida Integrati jiġu adattati sabiex jirriflettu sfidi ġodda u sabiex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet u n-nuqqas ta’ koerenza ta' l-impenji attwali,
G. billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) teħtieġ aktar viżibiltà, kapaċità ta’ monitoraġġ u impetu parteċipattiv skond il-Linji Gwida Integrati reveduti, b’mod partikulari fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali (NRP) u fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali,
H. billi r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali juru li l-oqsma li fihom l-implimentazzjoni tal-politika hija l-iktar dgħajfa huma dawk marbuta mat-titjib tas-sitwazzjoni prekarja ta' l-impjieg u taż-żieda ta’ l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ,
I. billi hemm interrelazzjoni b’saħħitha bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali; billi l-faqar tax-xogħol huwa enfasizzat dejjem aktar bħala sfida ewlenija kemm fil-politika dwar l-impjiegi kif ukoll fil-politika dwar l-inklużjoni soċjali; billi għalhekk huwa essenzjali li l-Linji gwida Integrati jerġgħu jsiru bilanċjati sabiex jilħqu l-objettivi soċjali u ambjentali tagħhom u sabiex jitqiesu s-sinerġiji bejn l-oqsma differenti,
J. billi l-laqgħa informali msemmija hawn fuq tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin ikkonkludiet li 'Xogħol Tajjeb ifisser id-drittijiet u l-parteċipazzjoni ta' l-impjegat, pagi xierqa, ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll organizzazzjoni tax-xogħol li tqis il-bżonnijiet familjari. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u ġusti, kif ukoll ħarsien soċjali xieraq huma indispensabbli sabiex iċ-ċittadini Ewropej jaċċettaw l-Unjoni Ewropea',
K. billi l-laqgħa informali msemmija hawn fuq tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Guimarães ikkonkludiet li l-inklużjoni soċjali hija aspett fundamentali ta’ l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa billi tipprovdi l-għodda biex jinħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd u peress li għandha effetti pożittivi fuq l-impjiegi, il-ħiliet u l-iżvilupp tal-bniedem,
L. billi ħafna miżuri fil-proċess tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għandhom effetti ċari fuq il-politika dwar l-inklużjoni soċjali, speċjalment fuq miżuri li jenfasizzaw l-impjiegi ta' kwalità u mħallsa tajjeb, filwaqt li objettivi u politiki għall-inklużjoni soċjali għandhom neqsin ta’ spiss mill-proċess tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjoanli,
Politiki esterni
1. Jenfasizza li l-UE tista' tilħaq l-objettivi tagħha ta' l-iżvilupp sostenibbli internament biss billi tkun attiva u magħquda fix-xena dinjija; għaldaqstant jinsisti li l-approċċ ta' l-'Ewropa Globali' attwali li ifittex il-ftuħ tas-swieq u l-liberalizzazzjoni dinjija għandu jiġi abbandunat; jenfasizza l-bżonn li tinħoloq dimensjoni koerenti esterna tal-politiki ta' l-UE li tippromwovi tranżizzjoni fundamentali lejn mudell ta' żvilupp sostenibbli globali; iqis li approċċ kompresiv tal-politika esterna li jiffoka fuq koperazzjoni ġusta għandha tibda minn aġenda ta' kummerċ ġust għall-koperazzjoni u żvilupp sostenibbli;
2. Jenfasizza l-importanza li qed tikber ta’ l-UE bħala protagonista globali u bħala wieħed mill-benefiċjarji ewlenin ta' l-ekonomija globali miftuħa, bħala l-akbar esportatur u importatur fid-dinja ta' oġġetti, l-akbar esportatur fid-dinja ta’ servizzi u t-tieni l-akbar destinazzjoni u oriġini ta’ Investiment Barrani Dirett; iqis li, għalhekk, għandha responsabiltà kbira li tittratta kwistjonijiet globali u li toħloq għodda ta’ politika ekonomika esterna komuni biex tippromwovi b'mod xieraq żvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku sostenibbli;
3. Juri li fl-2006 l-UE kabbret l-irwol tat-tmexxija tagħha bħala 'champion' dijnji ta' l-esportazzjoni, b'żieda ta' 8% fl-esportazzjoni, iżda jenfasizza li l-bilanċ żejjed mill-esportazzjoni jammonta għal 0.3 perċentwali tat-tkabbir tal-PGD attwali fiz-zona euro;
4. Iqis il-bilanċ żejjed ta' l-esportazzjoni ta' l-EU li dejjem qed tikber, kemm ta' l-oġġetti kif ukoll tas-servizzi qed tiggrava l-iżbilanċ fid-dinja kollha u għalhekk għandhom jittieħdu miżuri biex jittrażnu l-iżbilanċi fil-kummerċ barrani u biex tikber id-domanda domestika, speċjalment f'dawk il-pajjiżi b'bilanċ żejjed kbir mill-esportazzjoni; juri f'dan ir-rigward li l-ebda waħda mill-problemi li qed tiffaċċja l-UE - id-differenzi fil-livelli tal-ħajja u l-ammont kbir ta' qgħad - ma jistgħu jissolvew biż-żieda tal-bilanċ mill-esportazzjoni li dejjem qed jiżdied;
5. Juri li r-rati tat-taxxi tal-korporazzjonijiet niżlu aktar f'daqqa fl-UE milli f'pajjiżi oħra ta' l-OECD; iqis neċessarju, sabiex jiżdiedu l-iżvilupp sostenibbli u x-xogħol, li l-Istat Membri jrazznu l-kompetizzjoni tat-taxxi bejniethom, inaqqsu l-piż tat-taxxi fuq l-impjegati u l-konsumaturi u jiżguraw li n-negozji u dawk li d-dħul tagħhom jiġi mill-kapital, għal darb'oħra jagħtu kontribuzzjoni akbar fl-iffinanzjar tas-servizzi u t-trasferimenti pubbliċi;
6. Jikkritika t-tendenza lejn iż-żieda tar-rati tal-VAT fl-UE, li għandha effett regressiv u tnaqqas id-domamda; jistieden minflok lill-Istati Membri biex iżidu t-taxxi fuq l-oġġetti ta' lussu; jenfasizza li taxxi ogħla fuq il-ġid jistgħu jgħinu biex jiġu kkontrollati l-baġits pubbliċi;
7. Huwa favur politika monetajra tal-ECB aktar rilassata u r-riforma istituzzjonali tagħha, ibbażata fuq ir-responsabilità demokratika, il-kontroll politiku u interess ekonomiku u soċjali; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta’ l-euro joriġina minn żbilanċi li qed jiżdiedu fl-ekonomija globali u minn domanda interna dgħajfa fl-UE, u dan jidentifika l-ħtieġa għal inizjattiva ta' l-UE fuq livell globali dwar il-politika tar-rata tal-kambju sabiex tiġi kkontrollata r-rata tal-Kambju ta' l-Euro vis à vis id-Dollaru Amerikan, il-Yen u r-renminibi Ċiniż;
8. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa l-koperazzjoni regolatorja, il-konverġenza ta’ l-istandards u l-ekwivalenza tar-regoli fid-diskussjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi impjiegi diċenti u l-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, tiġġieled kontra d-dumping soċjali, tinkludi sistematikament kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet tagħha dwar il-kummerċ u l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, filwaqt li tirrikjedi r-ratifika u l-infurzar ta' standards ewlenin ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u prinċipji tax-xogħol diċenti, u biex tapplika sistematikament il-valuri u l-prinċipji soċjali tagħha meta tilħaq ftehimiet ma' pajjiżi terzi;
Politiki interni
Pont bejn l-Istrateġiji għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-Linji gwida Integrati
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli kontinwu tal-faqar fl-UE li, wara li minn 17% naqas għal 15% f'nofs is-snin 90, fl-2005 reġa' żdied għal 17%; f'dan ir-rigward iqis mhux aċċettabbli li fl-UE 27, madwar 80 miljun persuna għandhom dħul ta' wara t-taxxa ta' anqas minn 60% tad-dħul medju nazzjonali;
10. Jiddubita mill-ġenwinità tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tingħata aktar attenzjoni lill-inklużjoni attiva u l-opportunitajiet indaqs, li għandha tkun promossa l-ġlieda għal ħarsien soċjali xieraq u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faqar u li madwar l-Ewropa kollha jinħtieġu mezzi aktar effettivi biex ikunu garantiti d-drittijiet eżistenti taċ-ċittadini ta' aċċess għall-impjiegi ta' kwalità u b'paga tajba, għal standards soċjali minini, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa u forom oħra ta' ħarsien soċjali;
11. Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat impenn ġenwin lejn id-dimensjoni soċjali fiċ-ċiklu li jmiss tal-Linji Gwida Integrati; iqis li hemm ħtieġa urġenti li jingħeleb l-iżbilanċ eżistenti fil-Linji Gwida għall-Impjiegi, li ma jagħtux importanza lil ċerti objettivi soċjali bażiċi, bħal dawk bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fqar u li jiżdied l-aċċess għall-impjiegi ta' kwalità għolja, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u għal forom oħra ta ħarsien soċjali għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-Linji Gwida Integrati sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi ġodda u tegħleb dawn in-nuqqasijiet;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ sistematiku li jiżgura l-koerenza effettiva bejn il-proċess tal Programmi ta’ Riforma Nazzjonali dwar it-tkabbir u aktar impjiegi u impjiegi aqwa minn naħa waħda u l-proċess tal-ħarsien soċjali u ta' l-inklużjoni soċjali min-naħa l-oħra u l-Istrateġija ta' Sostenibilità Ewropea min-naħa l-oħra;
Perspettivi għal mudell ġdid ta' żvilupp sostenibbli għsll-Ewropa
13. Jaħseb li hemm bżonn ta' waqfa mill-politiki attwali ta' l-UE jekk irridu nindirizzaw b'mod effettiv il-problemi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-qgħad, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi (fid-dħul); jenfasizza li hemm bżonn ta' strateġija integrata ġdida għas-sostenibilità u s-solidarjetà li tieħu post l-Istrateġija ta' Liżbona attwali;
14. Jaħseb li strateġija integrata għas-sostenibilità u s-solidarjetà bħal din għandha tiffoka biex toħloq triq ta' żvilupp ġdida għall-Ewropa, triq li twassal għal impjieg sħiħ, impjiegi deċenti, pagi li wieħed jista' jgħix bihom, koeżjoni soċjali u ekonomika u ħarsien soċjali għal kulħadd li jiggarantixxi l-ogħola standards ta' għixien, li tippromwovi konverġenza reali u tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u d-differenzi ekonomiċi, soċjali u reġjonali li jeżistu;
Implimentazzjoni tal-Linji Gwida għall-Impjiegi
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta d-diverġenza kbira bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-Linji gwida għall-Impjiegi billi tiżgura li l-Istati Membri japplikaw b’mod iktar komprensiv, l-indikaturi u l-objettivi EES, l-istrumenti ħat-tagħlim matul il-ħajja u l-miżuri mfassla fil-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE 2006-2007 għall-Persuni b’Diżabilità; jitlob li dawk l-impenji, l-objettivi u l-kriterji kollha jiġu inkorporati għalkollox fil-Linji gwida Integrati sabiex jittejbu l-koerenza u l-effiċjenza ta’ l-EES;
16. Jenfasizza l-importanza kbira li jittejbu l-kapaċitajiet strateġiċi tal-politika ta’ l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-proċessi ta’ koperazzjoni tagħhom jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità ta’ l-impjiegi, pagi tajba għall-ħaddiema kollha, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja personali, il-kwalità u d-disponibilità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni antidiskriminazzjoni, it-tisħiħ ta' politika għall-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, u kwistjonijiet ta' immigrazzjoni;
17. irrifjuta l-approċċ ta' flessisigutà propost mill-Kummissjoni; jipproponi li l-Kunsill Ewropew f'Diċembru ta' l-2007 jadotta sett ta' prinċipji aktar bilanċjati għaċ-ċiklu tat-tliet snin li ġejjin ta' l-Istrateġija ta' l-Impjieg Ewropew u Linji Gwida Integrati dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi, ibbażata fuq il-promozzjoni ta' 'xogħol tajjeb', il-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità, livell għoli ta' ħarsien soċjali u t-tqassim tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jkunu żgurati l-istess drittijiet għall-ħaddiema kollha, fosthom ħaddiema minn pajjiżi li mhumiex fl-UE u billi jitneħħa gradwalment ix-xogħol prekarju;
Politiki ekonomiċi
18. Jinnota li ċ-ċittadini ta' l-UE huma inkwetati li l-kompetizzjoni msaħħa mit-tkabbir, mill-integrazzjoni u mill-mobilità tax-xogħol tikkawża bidla mill-modi tradizzjonali tax-xogħol għal mudelli aktar flessibbli u jemmen li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat permezz ta' azzjonijiet ta' politika li jkabbru l-provvista u jtejbu l-kwalità ta' dawk l-oġġetti u servizzi pubbliċi li, matul iż-żmien, jistgħu jgħinu biex jiżdiedu t-tkabbir produttiv u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;
19. Jiġbed l-attenzjoni li waħda mill-problemi fundamentali li l-ekonomija Ewropea ffaċċjat fis-snin riċenti kienet domanda domestika insuffiċjenti;
20. Juri li hemm differenżi kbar bejn ir-rati ta' tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi individwali u jesprimi t-tħassib għar-rata relattivament baxxa ta' tkabbir f'uħud mill-Istat Membri l-kbar ta' UE, li primarjament ġej mill-istaġnar fid-domanda interna; jinnota f'dan il-kuntest ir-rata ta' tkabbir 'il fuq mill-medja tal-pajjiżi Skandinavi, akkumpanjata minn tnaqqis sostanzjali reċenti tal-qgħad;
21. Jenfasizza li hemm effetti sinifikanti marbutin (spill-over effects) bejn l-ekonomiji ta' l-Stati Membri; f'dan il-kuntest jenfasizza li t-titjib fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika hija ta' importanza kruċjali;
22. Huwa tal-fehma li t-trasparenza tas-suq finanzjarju, regoli tal-kompetizzjoni effettivi u regolazzjoni u sorveljanza xierqa se jibqgħu jkunu kruċjali, meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ħtieġa li jkunu garantiti d-drittijiet tal-konsumatur; iqis li sabiex tingħeleb l-ispekulazzjoni finanzjarja, għandu jiżdied il-livell tar-rekwiżiti tat-trasparenza, titnaqqas il-kapaċità ta' self u l-ħruġ ta' titoli u negozjar ta' pakketti ta' self biss meta espliċitament approvati mill-awtoritajiet ta' superviżjoni;
23. Jirrikonoxxi li l-Ewropa għandha bżonn trasformazzjoni aktar komprensiva ta' innovazzjoni fi prodotti u servizzi ġodda li jippromwovu żvilupp sostenibbli; jappoġġja għalhekk it-talba tal-Kummissjoni għal ‘trijangolu ta' tagħrif’ tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni; jistenna investimenti iktar effettivi f'ħiliet ġodda, tagħlim matul il-ħajja u sistemi moderni ta' edukazzjoni/taħriġ;
24. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun komplementari għall-politika strutturali, tipprevjeni l-iżvilupp ta’ kartelli u tiżgura li l-kundizzjonijiet ma jippermettux li jitwarrbu n-negozji ż-żgħar;
25. Jemmen li titjib fl-operat tas-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji jista' jinkiseb billi tikber il-koordinazzjoni fir-riformi ekonomiċi fl-Istati Membri differenti, b’mod partikulari fi ħdan iz-zona euro, u fl-immodernizzar ta' l-ekonomija billi jiżdiedu l-isforzi għal investiment fit-teknoloġija; jappoġġja approċċ integrat ta’ governanza ekonomika bbażat fuq il-valur miżjud ta’ l-integrazzjoni;
Bidliet istituzzjonali
26. Huwa tal-fehma li l-influwenza ta' l-iffukar ekonomiku fuq tkabbir sostenibbli għal perjodu twil ta' żmien m’hijiex awtomatika u li l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet li jirreaġixxu jiddetermina jekk l-ekonomija hijiex kapaċi jew le li twettaq l-potenzjal tagħha biex tlaħħaq ma' dik l-isfida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq Linji Gwida Integrati għall-2008-2010 li ġew aġġornati tassew;
27. Jiġbed l-attenzjoni li t-trasparenza fil-ħidma tal-Eurogrupp, tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC), tal-Kumitat għas-Servizzi Finanzjarji (FSC) u tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika (EPC) hija vitali għall-koordinazzjoni effiċjenti u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-politika ekonomika;
28. Hu konvint li l-irwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali jeħtieg jissaħħaħ flimkien mal-formazzjonijiet relevanti tal-Kunsill tal-Ministri fit-tfassil ta' l-istrateġija ekonomika;
29. Jiddispjaċih għal darb’oħra li għad ma ġewx miftiehma pjan u kodoċi ta' l-imġiba ċari bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jiggarantixxu koperazzjoni xierqa u l-involviment sħiħ tat-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE konċernati fl-immaniġġjar xieraq tal-linji gwida integrati tal-politika bħala strumenti ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iresqqu mill-aktar fis proposti għal koperazzjoni mill-qrib bejn it-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE minħabba li dalwaqt issir ir-reviżjoni tal-linji gwida integrati;
Involviment tal-partijiet interessati
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu s-sjieda u jsaħħu l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ta’ l-imsieħba soċjali, ta’ l-organizazzjonijiet li jirrappreżentaw il-qiegħda, u lil dawk il-gruppi fis-soċjetà l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u, b’mod partikulari, fi ħdan il-proċess ta’ Programmi ta’ Riforma Nazzjonali;
Teħid ta' Żmien
31. Jistenna bil-ħerqa li jwettaq l-irwol konsultattiv tiegħu, kif definit fl-Artikolu 128(2) tat-Trattat, bil-għan li jiġu riveduti l-Linji gwida dwar l-Impjieg; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu lill-Parlament iż-żmien meħtieġ, u fi kwalunkwe każ, mhux inqas minn ħames xhur, biex iwettaq dmirijietu;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.