Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0446/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0446/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.11.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Esko Seppänen, Gabriele Zimmer u André Brie
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja

Proċedura : 2007/2626(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0446/2007
Testi mressqa :
B6-0446/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0446/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russja, min-naħa l-oħra (PCA), li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tas-Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f’Mafra fis-26 ta’ Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-koperazzjoni iktar mill-qrib u relazzjonijiet tal-viċinanzi tajbin bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta’ l-Ewropa kollha,

B.  billi l-UE u r-Russja għandhom relazzjoni kummerċjali soda, li ssaħħet aktar wara t-tkabbir ta' l-UE; billi l-UE u r-Russja huma objettivament interessati fit-tisħiħ tal-koperazzjoni reċiproka ta' benefiċċju fis-settur ta' l-enerġija; billi l-UE, fil-prinċipju, appoġġat is-sħubija tar-Russja fil-WTO;

C.  billi, għal perjodu konsiderevoli ta' żmien, l-żvilupp tar-relazzjonjiet tilef mill-importanza minħabba s-sitwazzjoni fiċ-Ċeċnija u kwistjonijiet kontroversjali oħra, bħall-viċinat komuni, is-sistema pjanifikata anti-missili, ir-relazzjonijiet dwar l-enerġija, il-kummerċ fil-laħam u d-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi; billi s-samit ma rriżultax fi bdil kbir f'dawn l-oqsma,

D.  billli fl-UE hemm tħassib kontinwu u li dejjem jikber dwar id-dgħjufija tad-demokrazija fir-Russja u l-konċentrazzjoni tal-poter;

E.  billi d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem naqas milli jikkontribwixxi favur fehim komuni tal-kunċett ta' drittijiet tal-bniedem u demokratiċi,

F.  billi l-pjanijiet ta’ l-Istati Uniti li jibnu sistemi ta’ kontra l-missili b’komponenti installati fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka ħolqu tensjonijiet ġodda u nuqqas ta’ fiduċja fir-relazzjonijiet bejn l-UE r-Russja; billi l-President Russu Putin ħabbar li r-Russja mhix se tkompli timxi mat-termini tat-trattat ta’ l-1990 dwar in-non-proliferazzjoni u t-tnaqqis tat-truppi konvenzjonali fl-Ewropa u għamlet testijiet fuq missila ġdida,

G.  billi s-Samit reġa' naqas milli joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji għall-bidu ta' negozjati dwar Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa,

1.  Jerġa’ jafferma l-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha sieħba importanti għall-iskop tal-bini ta’ koperazzjoni strateġika, li magħha l-UE għandha mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda wkoll l-objettiv li tikkopera mill-qrib fl-arena internazzjonali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien fil-bidu tan-negozjati fuq Ftehima ta’ Sħubija Strateġika; jistieden lill-Gvern Russu sabiex flimkien ma’ l-Unjoni Ewropea joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal bidu rapidu tan-negozjati; jinkoraġġixxi lill-Presidenza Portuġiża sabiex tkompli taħdem sabiex ikun possibbli li l-mandat għan-negozjar ta’ ftehima ġdida jiġi adottat mill-aktar fis possibbli, u li n-negozjati jibdew mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw b'mod kostruttiv;

3.  Itenni l-fehma tiegħu li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi għandhom ikunu l-prinċipju ewlieni ta’ kwalunkwe relazzjoni ta' l-UE mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li dawn il-valuri ma jkollhomx pożizzjoni sussidjarja fil-pakkett tan-negozjati bejn l-UE u r-Russja;

4.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni taċ-Ċeċnja għadha qed tostakola u tikkawża dewmien fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jerġa’ jtenni l-kritika qawwija tiegħu tal-politika tar-Russja fiċ-Ċeċnja u l-kundanna tiegħu tal-ħafna ksur tad-drittijiet tal-binedem fiċ-Ċeċnja; jistieden lill-Federazzjoni Russa bħala kwistjoni ta’ urġenza sabiex tieħu passi konkreti sabiex teqred it-tortura u trattamenti ħżiena oħra, id-detenzjoni arbitrarja u “l-għajbien” fir-Repubblika taċ-Ċeċnja, u sabiex taffronta l-impunità ta’ dan il-ksur ta’ drittijiet;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjoni tal-libertajiet demokratiċi fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjonijiet tad-Duma f’Diċembru 2007 u l-elezzjonijiet presidenzjali f’Marzu 2008; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jiggarantixxu proċess ħieles u ġust fiż-żewġ elezzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-partiti ta’ l-oppożizzjoni jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw f’dawk l-elezzjonijiet u l-opportunità li jagħmlu kampanja elettorali kompetittiva, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju tal-libertà ta’ l-espressjoni; jenfasizza li l-libertà tal-midja se tkun ta' importanza ewlenija jekk l-elezzjonijiet iridu jitqiesu bħala ħielsa u ġusti;

6.  Jiddeplora ħafna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Elezzjoni Ċentrali biex jirrestrinġu l-ambitu tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSCE; jibża' li dawk ir-restrizzjonijiet jistgħu jillimitaw b'mod serju l-possibilità li missjoni ta' osservazzjoni ta' valur titmexxa skond il-metodoloġija standard OSCE għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa li jista' jkollha implikazzjonijiet negattiv bħall-ħolqien ta' xi preċedent għal osservazzjoni elettorali f'pajjiżi oħra; itenni li l-interess ta' l-UE huwa li tkun mistiedna biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari wkoll;

7.  Jilqa' t-twaqqif ta' l-ewwel Sħubija Parlamentai Permanenti dwar il-Kultura; jenfasizza l-importanza ta' kuntatti bejn in-nies; jinnota li l-ftehima riċenti dwar faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja ikkontribwiet sa ċertu punt biex jintgħelbu d-diffikultajiet eżistenti f'dan il-qasam, imma jenfasizza li teżisti l-ħtieġa ta’ faċilitazzjoni aktar ambizzjuża tal-viża li tkopri wkoll lil vjaġġaturi normali bona fide li ma jagħmlu parti minn l-ebda kategoriji stipulati minn qabel, u l-liberalizzazzjoni fuq medda twila ta’ żmien;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi involuti fil-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja u sabiex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument ta’ Viċinanza u Sħubija l-ġdid u l-fondi Interreg għall-koperazzjoni transkonfinali;

9.  Jenfasizza l-importanza strateġika ta’ koperazzjoni dwar l-enerġija u l-ħtieġa li jitjiebu r-relazzjoni dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li koperazzjoni ulterjuri f’dan il-qasam trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ l-interdipendenza u t-trasparenza kif ukoll fuq l-importanza tar-reċiproċità f’termini ta’ aċċess għas-swieq, infrastruttura u investiment, bil-għan li jiġu evitati strutturi tas-swieq oligopolistiċi u li jkun hemm diversità fil-provvista ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni Ewropea;

10.  Jistieden liż-żewġ partijiet sabiex isibu soluzzjoni għall-problema tad-dazju fuq l-esportazzjoni ta' l-injam skond ir-regoli tad-WTO;

11.  Jenfasizza l-interess reċiproku fis-sostenibbilità u l-fiduċja kontinwa f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-użu effiċjenti ta' l-enerġija; f'dan il-kuntest, jilqa' l-bidu tad-djalogu ta' l-investiment u l-istabbilizzazzjoni ta' mekkaniżmu ta' twissija bikrija dwar l-enerġija;

12.  Huwa ta' l-opinjoni li, fid-djalogu dwar l-enerġija, għadu jsir aktar enfasi fuq id-djalogu dwar l-effiċjenza fl-enerġija; jinnota l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-teknoloġija avvanzata fl-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja f'dawn l-oqsma;

13.  Jistieden lir-Russja u lill-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jilħqu l-miri preskritti tal-protokoll ta’ Kyoto u jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-responsabilità specifika tal-pajjiżi żviluppati li jieħdu rwol mexxej sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jikkunsidra li r-Russja hija attur ċentrali fil-Protokoll ta' Kyoto u jistiedinha sabiex tieħu rwol attiv fil-Konferenza ta' Bali dwar il-Klima u taċċetta l-mandat ta' negozjati meħtieg biex tistabbilixxi l-qafas ta' ftehima internazzjonali ambizjuza dwar il-klima wara l-2012 li jkun konsistenti ma' l-objettiv ta' l-illimitar tal-bdil fil-klima għal taħt iż-2°C meta mqabbla maż-żminijiet ta' qabel l-industrija;

14.  Jilqa' l-konklużjoni tal-ftehima bejn l-UE u r-Russja dwar il-kummerċ f'ċertu prodotti tal-ħadid;

15.  Jinnota d-differenzi bejn l-UE u r-Russja rigward il-politika tal-viċinanza; jiċħad il-politiki barranin immirati sabiex joħolqu sferi ta’ influwenza; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu rispettati b’mod sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali ta’ l-istati kollha; jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex jikkoperaw b’mod kostruttiv għas-sejba ta’ soluzzjoni għall-kunflitti mwaħħla fil-viċinat komuni tagħhom, partikularment sa fejn hija involuta t-Transnistria; jenfasizza li l-kwistjonijiet tal-Kosovo jridu jissolvew fuq il-bażi ta' liġi internazzjonali, u jiċħad kwalunkwe azzjoni unilaterali;

16.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-bidu ta' razza ta' armi ġodda fl-Ewropa li qed jirriżultaw partikularment mill-pjanijiet ta' l-Istati Uniti biex jistabbilixxu sistema kontra l-missili fl-Istati Membri ta' l-UE; jistieden lill-Istati Uniti sabiex tirtira dawn il-pjanijiet li allarmaw l-opinjoni pubblika Ewropea; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja sabiex ma jaċċettawx is-sistemi ta’ kontra l-missili fit-territorju tagħhom;

17.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni stretta tal-ftehimiet eżistenti kollha dwar il-kontroll ta’ l-armi u d-diżarm; jitlob li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu politiku fi ħdan l-OSCE kif ukoll il-Konferenza dwar id-Diżarmament dwar is-sigurtà, il-kontroll ta’ l-armi u kwistjonijiet ta’ diżarm bil-għan li jwassal fi tmiem definittiv il-ġirja għall-armi fl-Ewropa, sabiex jiftehmu dwar aktar tnaqqis ta’ armi u tiġi stabbilita Ewropa mingħajr armi nukleari;

18.  Itenni li l-UE u r-Russja għandhom jaħdmu flimkien sabiex jaslu għal soluzzjonijiet multilaterali dwar kwistjonijiet globali; jistieden lill-UE u r-Russja sabiex jikkoperaw sabiex isibu soluzzjoni paċifika għall-problemi relatati mal-politika nukleari ta’ l-Iran;

19.  Jistieden lill-UE u lir-Russja, bħala membri tal-Kwartett, sabiex jikkontribwixxu b’mod attiv sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani billi jiżguraw li l-konferenza li se ssir tindirizza l-kwistjonijiet ta’ l-istatus finali u timmira li tilħaq arranġament ta’ paċi komprensiv u reġjonali fuq il-bażi ta' reżoluzzjonijiet tan-NU u l-Inizjattiva Għarbija dwar il-Paċi;

20.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-reżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.