Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0447/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0447/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.11.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Graham Watson, Margarita Starkevičiūtė, Lena Ek u Bernard Lehideux
f’isem il-Grupp ALDE
dwar l-Interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

Proċedura : 2007/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0447/2007
Testi mressqa :
B6-0447/2007
Testi adottati :

B6‑0447/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' tħejjija tas-sena l-oħra dwar il-linji gwida tal-politika ekonomika ġenerali għall-2007 (A6-0012/2007),

–  wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘L-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (COM(2007)0581),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘Wasal iż-żmien li ningranaw: is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi’ (COM(2006)0030),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Ottubru 2004, tat-12 ta’ Lulju 2005, tat-18 ta’ Lulju 2006 u ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 dwar linji gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-linji gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri[1],

–  wara li kkunsidra l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropew, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Marzu 2005,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Marzu 2006,

–  wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, ‘L-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2010: is-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jiddependi minn riformi urġenti’ (COM(2003)0685),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2006-2007[2],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f’Guimarães dwar ’12-il punt ewlieni biex niffaċċjaw l-isfidi li ġejjin’ fil-5 u s-6 ta’ Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-globalizzazzjoni tippreżenta sfidi ġodda bħaż-żieda fil-popolazzjoni globali u l-migrazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà ta' l-enerġija, il-kriminalità internazzjonali u t-terroriżmu, u tiżgura ekonomija b'saħħitha li twassal għal benefiċċji akbar għaċ-ċittadini Ewropej,

B.  billi l-isfidi ewlenin tal-globalizzazzjoni ma jistgħux jiġu ffaċċjati mill-azzjoni nazzjonali biss, iżda jeħtieġu approċċ koerenti u impenn koordinat min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi,

C.  billi l-impatt ekonomiku u ekoloġiku tal-bidla fil-klima qed jikber b'mod li jwassal għal tħassib, u l-azzjoni kontra l-bidla fil-klima għandha tittieħed fuq front wiesa' u, jekk għandha tirnexxi, teħtieġ il-konverġenza tal-partijiet ewlenin involuti fid-dinja, skond il-livelli rispettivi tagħhom ta' żvilupp,

D.  billi l-UE l-ġdida hi taħlita unika ta' ekonomiji avvanzati u ekonomiji konverġenti bi prezz irħis (low-cost), li tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż, li timpjega ekonomiji ta' l-iskala interni u esterni u li tirreżisti pressjoni deflazzjonarja u inflazzjonarja ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw,

E.  billi l-UE mkabbra, li tirrappreżenta wieħed mill-akbar swieq globali, b'500 miljun ċittadin, saret parteċipant globali aktar b'saħħtu u għandha rwol ta' mexxej rigward l-istandards globali,

F.  billi l-immaġni li qed titjieb u l-element attraenti tas-suq waħdieni ta' l-UE qed jinkoraġġixxi kemm l-influss ta' fondi ta' investiment privat u sovran kif ukoll l-immigrazzjoni ekonomika, flimkien ma' talba għal għajnuna politika u finanzjarja għas-soluzzjoni ta' problemi madwar id-dinja kollha,

G.  billi dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika għandhom jidentifikaw, jiddikjaraw b'mod ċar u jindirizzaw l-isfidi komuni li l-ekonomiji ta' l-UE qed jiffaċċjaw u se jiffaċċjaw fil-ġejjieni, meta jiddefinixxu strateġija komuni fl-epoka tal-globalizzazzjoni,

H.  billi l-UE mkabbra u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija kif ukoll l-iżvilupp politiku u soċjo-kulturali ta' l-Istati Membri tagħha jirrikjedu koperazzjoni mtejba fi ħdan is-sistema tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi,

I.  billi jekk il-politiki pubbliċi jwasslux għal tkabbir jew le jiddependi mis-sorsi ta’ tkabbir u mill-impedimenti għat-tkabbir li jeżistu fl-ekonomija kif ukoll mill-għadd kbir ta' restrizzjonijiet u ta' opportunitajiet li s-sitwazzjoni ekonomika globali tippreżenta,

J.  billi l-kuxjenza u l-appoġġ attiv min-naħa taċ-ċittadini ta' l-UE hija kundizzjoni meħtieġa għas-suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni, l-aċċettazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti,

Governanza globali

1.  Jemmen li l-kunċett tas-sovranità nazzjonali jsir aktar skadut permezz tal-ħtieġa ta' istituzzjonijiet supranazzjonali biex jiffaċċjaw sfidi supranazzjonali u li l-insistenza dwar is-sovranità nazzjonali tista' żżid l-anarkija globali;

2.  Jirrikonoxxi li l-azzjoni supranazzjonali hija meħtieġa l-aktar għall-iżvilupp ta' politiki biex itaffu l-effetti tal-bidla fil-klima u tal-kriminalità organizzata internazzjonali;

Politiki esterni

3.  Jinnota li l-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija toħloq opportunitajiet ġodda għall-ekonomiji ta' l-UE li se jkollhom rwol aktar importanti fl-għexieren ta' snin li ġejjin u li se joffru benefiċċji addizzjonali billi jisfruttaw, b'mod varjat, l-ekonomiji ta' l-iskala, l-ambitu ta' l-attivitajiet tagħhom, l-agglomerazzjoni urbana, in-netwerks u r-reputazzjoni pożittiva;

4.  Jenfasizza l-importanza li qed tibda tidher aktar ta' l-UE bħala attur globali u waħda mill-benefiċjarji ewlenin ta' ekonomija globali miftuħa; iqis li, għalhekk, għandha responsabiltà kbira li tgħin biex tittratta kwistjonijiet dinjija u li twaqqaf għodda ta’ politika ekonomika barranija komuni biex l-impatt estern tas-suq wieħed ta' l-UE jkun immaniġġjat kif xieraq;

5.  Jenfasizza li l-UE tista' biss tilħaq l-objettivi tagħha ta' Liżbona internament billi tkun attiva u magħquda fix-xena dinjija; Għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon, l-intenzjoni li tiġi żviluppata dimensjoni esterna koerenti ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona bbażata fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;

6.  Iqis li l-konsolidazzjoni globali ta' l-industriji u l-akkwisti tal-kumpaniji ta' l-UE minn investituri ta' pajjiżi terzi u viċi versa jbaxxu l-ispiża effettiva tal-kapital; madankollu, jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li mingħajr koordinazzjoni xierqa meta jinħoloq il-qafas ta' sorveljanza ta’ l-UE u mingħajr infurzar qawwi tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE, il-vantaġġi tas-suq wieħed u l-benefiċċji fil-kobor li huma essenzjali għall-parteċipazzjoni kompetittiva ta' l-UE f’suq dinji bħala entità waħda, jistgħu jonqsu;

7.   iqis li approċċ komprensiv għall-politika esterna li jiffoka fuq il-koperazzjoni regolatorja, il-konverġenza ta' l-istandards u l-ekwivalenza tar-regoli jrid jippromwovi kemm il-kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-kummerċ ġust; madankollu, f'dan il-kuntest iwissi biex ma tkunx sottovalutata l-importanza ta' aktar titjib fil-koperazzjoni interna u fil-proċessi ta' riforma;

8.  Jiddefendi l-indipendenza ta' l-ECB fit-tfassil tal-politika monetarja u fl-immaniġġjar ta' l-effett tal-volatilità tas-swieq finanzjarji globali; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta' l-Euro hija riżultat ta' l-iżbilanċ li qed jiżdied f'pajjiżi terzi; huwa mħasseb dwar kemm it-tkabbir Ewropew se jkun b’saħħtu biżżejjed biex tiġi evitata l-volatilità tas-swieq finanzjarji dinjin u tar-rati tal-kambju;

9.  Huwa tal-fehma li żieda f’daqqa tad-domanda għar-riżorsi naturali, għall-prodotti u s-servizzi bażiċi minħabba t-tkabbir ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw jistgħu jwasslu għal pressjoni inflazzjonarja fuq l-ekonomiji ta' l-Istati Membri ta' l-UE li s'issa kien evitat minħabba l-kontribut tagħhom għaż-żieda tal-forniment dinji; iqis li l-għodda antinflazzjonarja ta’ politika ekonomika bi strateġiji ta’ tkabbir ekonomiku u b’qafas għal aġġustament makroekonomiku u koordinazzjoni mtejba għandha titħejja mill-Istati Membri ta' l-UE biex din il-problema tiġi indirizzata;

10.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li ż-żieda fil-volum tal-kummerċ qed tagħti kontribut sostanzjali għall-bidla fil-klima, u jqis li l-politika tal-kummerċ għalhekk għandha tipprovdi parti mis-soluzzjoni; ifakkar li ż-żarmar ta' l-ostakoli amministrattivi għall-kummerċ u l-azzjoni biex tiġġieled kontra l-bidla fil-klima jistgħu jinkisbu biss permezz ta' l-azzjoni koordinata multilaterali - fattur li huwa wkoll fl-interess essenzjali ta' l-UE - li għandha rwol ewlieni f'dawn iż-żewġ oqsma, b'mod partikulari bil-għan li tinżamm il-kompetittività Ewropea;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lil-Kummissjoni biex jiżguraw li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali ta' l-UE u l-ftehimiet kummerċjali multilaterali tad-WTO jiġu ffinalizzati b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima li tistabbilixxi d-WTO, li jispeċifikaw li l-kummerċ internazzjonali għandu jsir waqt li jippermetti l-aqwa użu tar-riżorsi dinjija skond l-għan ta' l-iżvilupp sostenibbli, kemm billi jipproteġi kif ukoll billi jippreserva l-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem lejn riżultat ambizzjuż tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha;

Pont bejn l-Istrateġiji għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-Linji ta' Gwida Integrati

12.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li se tingħata aktar attenzjoni lill-inklużjoni attiva u l-opportunitajiet indaqs, li għandha tkun promossa l-ġlieda għal ħarsien soċjali xieraq u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faqar u li madwar l-Ewropa kollha jinħtieġu mezzi aktar effettivi biex ikunu żgurati d-drittijiet eżistenti taċ-ċittadini ta' aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa u forom oħra ta' ħarsien soċjali;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata u mtejba l-integrazzjoni u l-viżibiltà tad-dimensjoni soċjali fiċ-ċiklu li jmiss ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, u, b’mod partikulari, fil-Linji ta' gwida Integrati; iqis li hemm ħtieġa urġenti li jingħeleb l-iżbilanċ eżistenti fil-Linji ta' gwida għall-Impjiegi, li ma jagħtux importanza lil ċerti objettivi soċjali bażiċi, bħal dawk li jnaqqsu n-numru ta’ ħaddiema fqar u li jżidu l-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja u għal forom oħra ta’ ħarsien soċjali għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-Linji ta' gwida Integrati sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi ġodda u tegħleb dawn in-nuqqasijiet;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ sistematiku li jiżgura l-koerenza effettiva bejn il-proċess tal Programmi ta’ Riforma Nazzjonali dwar it-tkabbir u aktar impjiegi u impjiegi aqwa minn naħa waħda u l-proċessi tal-ħarsien soċjali u ta' l-inklużjoni soċjali min-naħa l-oħra;

Implimentazzjoni tal-Linji ta' Gwida għall-Impjiegi

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta d-diverġenza kbira bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-Linji ta' gwida għall-Impjiegi billi tiżgura li l-Istati Membri japplikaw b’mod iktar komprensiv, l-indikaturi u l-objettivi EES, l-istrumenti għat-tagħlim matul il-ħajja u l-miżuri mfassla fil-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE 2006-2007 għall-Persuni b’Diżabilità; jitlob li dawk l-impenji, l-objettivi u r-referenzi kollha jiġu inkorporati għal kollox fil-Linji ta' gwida Integrati sabiex jittejbu l-koerenza u l-effiċjenza ta’ l-EES;

16.  Jenfasizza l-importanza kbira li jittejbu l-kapaċitajiet strateġiċi tal-politika ta’ l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-proċessi ta’ koperazzjoni tagħhom jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità ta’ l-impjiegi, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja personali, il-kwalità u d-disponibilità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, it-tisħiħ ta' politika għall-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, u l-kwistjonijiet ta' immigrazzjoni;

17.  Jappoġġja l-adozzjoni ta’ sett bilanċjat ta’ prinċipji komuni dwar il-flessigurtà, li jgħaqqad il-flessibiltà u s-sigurtà għall-impjegati u għal min iħaddem fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħqqdu dawk il-prinċipji komuni tagħhom fil-konsultazzjoni tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali ma' l-imsieħba soċjali u jenfasizza l-irwol ċentrali tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid, tal-politika tas-suq tax-xogħol, tal-ħarsien soċjali xieraq u t-tqassim tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jiġu assigurati drittijiet għall-ħaddiema kollha

Involviment tal-partijiet interessati

18.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni proposta tal-Kummissjoni ma’ l-SMEs u r-rappreżentanti tagħhom u t-tfassil sussegwenti ta’ ‘L-Att għan-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa; jittama li l-leħen tan-negozji ż-żgħar jinstema’ fid-djalogu soċjali u li l-prinċipju ta’ ‘aħseb fiż-żgħir l-ewwel’ ikun integrat b’mod sħiħ fit-tfassil tal-politika;

Politiki interni ekonomiċi

19.  Jinnota li l-UE trid tagħmel sforz biex tispjega l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni liċ-ċittadini li huma inkwetati li l-kompetizzjoni msaħħa minħabba l-globalizzazzjoni, l-integrazzjoni u l-mobilità tax-xogħol tikkawża bidla mill-modi tradizzjonali tax-xogħol għal mudelli ta’ flessigurtà, u jemmen li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat permezz ta' azzjonijiet ta' politika li jkabbru l-provvista u jtejbu l-kwalità ta' dawk l-oġġetti u servizzi pubbliċi li, matul iż-żmien, jistgħu jgħinu biex jiżdiedu t-tkabbir produttiv u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

20.  Jenfasizza li t-tnaqqis fir-ritmu tal-produzzjoni, fattur li jista' jbaxxi l-qagħda kompetittiva ta' l-UE fuq is-suq dinji, hi kwistjoni ta' tħassib għall-politika ekonomika u jvarja minn pajjiż għall-ieħor ta' l-UE, minkejja li hemm xejra ġenerali komuni li tindika punti dgħajfa fis-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji;

21.  Jirrimaka li r-riġidità strutturali ma tippermettix l-effiċjenza fl-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-aċċessibilità ta' netwerks f'industriji li għadhom lura; jemmen li l-politika ekonomika għandha tinkludi azzonijiet min-naħa tal-provvista li jħejju sabiex jinħoloq l-ambjent tajjeb għal operazzjonijiet transkonfinali min-negozji u biex tissaħħaħ id-dehra ta’ suq finanzjarju wieħed;

22.  Huwa tal-fehma li t-trasparenza tas-suq finanzjarju, regoli tal-kompetizzjoni effettivi u regolazzjoni u sorveljanza xierqa se jibqgħu jkunu kruċjali, meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ħtieġa li jkunu garantiti d-drittijiet tal-konsumatur; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex telabora l-kwistjonijiet tas-suq finanzjarju f'inizjattivi ma' l-Ewropea kollha fil-qafas tal-programm Komunitarju ta' Liżbona;

23.  Huwa favur li jiġi appoġġjat ir-ristrutturar ta' l-ekonomija permezz ta' l-innovazzjoni fil-proċessi tat-tmexxija, fil-proċeduri u fl-istrutturi organizzattivi; huwa tal-fehma li kumpaniji ġodda f'dan il-qasam jeħtieġu inqas kapital iżda aktar kreattività u joffru bosta opportunitajiet lill-intrapriżi ż-żgħar u lill-ġenerazzjoni żagħżugħa;

24.  Jirrikonoxxi li l-intrapriżi żgħar, medji u kbar kollha għandhom rwol fi istrateġija ta' innovazzjoni integrata u dinamika, u li l-aċċess għar-riżorsi għal intrapriżi aktar żgħar u għall-individwi għalhekk huwa kruċjali sabiex jgħolli l-livelli tar-riċerka u l-iżvilupp u biex jiżviluppa teknoloġiji ġodda; jirrimarka li jridu jiġu promossi kemm l-iffinanzjar fi stat bikri kif ukoll l-iffinanzjar kontinwu fuq żmien twil biżżejjed sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jitqieħdu fis-suq;

25.  Jirrikonoxxi li l-Ewropa għandha bżonn trasformazzjoni aktar mgħaġġla ta' innovazzjoni fi prodotti u servizzi ġodda; jappoġġja, għalhekk, it-talba tal-Kummissjoni għal ‘trijangolu ta' tagħrif’ tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni;

26.  Jinnota li l-politika ta' kompetizzjoni għandha tkun kumplimentari għall-politiki strutturali sabiex jiġu mxekkla l-cartels u l-abbużi minn kumpaniji dominanti li jfixklu lill-intrapriżi żgħar milli jiffurmaw minħabba l-proċess ta' konsolidazzjoni fuq livell globali;

27.  Jemmen li t-titjib fil-produttività tas-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji jista' jintlaħaq billi titwessa' l-koordinazzjoni fir-riformi ekonomiċi fl-Istati Membri differenti u fl-immodernizzar ta' l-ekonomija billi ssir bidla fl-strateġija tal-politika minn tkabbir immexxi minn investiment għal tkabbir immexxi minn żvilupp teknoloġiku fil-kuntest ta' l-integrazzjoni;

Il-migrazzjoni

28.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' l-UE li jkollha politika komuni dwar il-fruntieri u dwar l-immigrazzjoni li tkopri mhux biss kontrolli integrati fuq il-fruntieri iżda wkoll strateġiji armonizzati, kriterji u proċeduri għall-immigrazzjoni ekonomika, filwaqt li tħalliha f'idejn l-Istati Membri individwali biex jiddeċiedu dwar l-għadd ta' nies li jitħallew jidħlu; jenfasizza wkoll li jridu jsiru sforzi akbar sabiex jinstabu mezzi biex, permezz ta' l-iskambju ta' l-esperjenza, l-immigrazzjoni tkun suċċess għall-partijiet kollha kkonċernati, kemm fuq livell soċjali kif ukoll fuq dak ekonomiku;

Arranġamenti istituzzjonali

29.  Huwa tal-fehma li l-influwenza ta' l-iffukar ekonomiku fuq tkabbir għal perjodu twil ta' żmien m’hijiex awtomatika u li l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet li jirreaġixxu għas-suq jiddetermina jekk l-ekonomija hijiex kapaċi jew le li twettaq l-potenzjal tagħha ta' tkabbir strutturali;

30.  Jemmen li l-iżviluppi istituzzjonali ta' l-UE għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni effiċjenti tal-politiki ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni, biex tippromwovi referenzi aktar qawwija għall-isfidi globali fil-Programi ta' Riforma Nazzjonali billi tistabbilixxi indikaturi li jkejlu r-rendiment ekonomiku ta’ l-Istati Membri;

31.  Hu konvint li titjib fil-pussess u għarfien aħjar tal-programm ta’ riforma madwar l-Ewropa kollha hu meħtieġ u li l-irwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi msaħħaħ, flimkien mal-formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri inkarigat mit-twaqqif ta’ strateġija ekonomika;

32.  Hu ta' l-opinjoni li "il-governanza ta' Liżbona ta' l-UE" jeħtieġ li tkompli titjieb, partikolarment rigward l-aspetti li ġejjin: koordinazzjoni aktar mill-qrib fost formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ministri, b'enfasi partikulari fuq Programmi ta' Riforma Nazzjonali koordinati kif xieraq;

33.  Jiddeplora l-fatt li għadu ma ntlaħaqx qbil dwar pjan u kodiċi ta’ prattika ċari bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jiggarantixxu koperazzjoni xierqa u l-involviment sħiħ tat-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE kkonċernati mit-trattament ulterjuri xieraq tal-kwistjonijiet marbuta mal-globalizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex minnufih jippreżentaw proposti għal koperazzjoni mill-qrib bejn it-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE fid-dawl tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija ta’ Liżbona li se ssir dalwaqt;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Parlamenti u l-Gvernijiet ta' l-Istati Membri.