Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0476/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0476/2007

MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI

12.11.2007

b’talba għal inklużjoni fl-aġenda għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill
bi qbil mar-Regola 103 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Maria Martens u Nirj Deva, f’isem il-Grupp EPP
minn Alain Hutchinson u Glenys Kinnock u Ana Gomes f’isem il-Grupp PSE
minn Thierry Cornillet f’isem il-Grupp ALDE
minn...f’isem il-Grupp UEN
Dwar reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità f’pajjiżi li qed jiżviluppaw

Proċedura : 2007/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0476/2007
Testi mressqa :
B6-0476/2007
Testi adottati :

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni 'Lejn reazzjoni ta' l-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità - azzjoni f'sitwazzjonijiet diffiċli għal żvilupp sostenibbli, stabilità u paċi' tal-25 ta' Ottubru 2007[1],

-  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar Żvilupp,

- wara li kkunsidra ‘l-Istrument għal Koperazzjoni ta’ Żvilupp’, Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjar għal koperazzjoni ta’ żvilupp,

-  wara li kkunsidra l-ftehima ta' Cotonou,

-  wara li kkunsidra l-‘Politika ta’ l-Unjoni Afrikana dwar Rikostruzzjoni u Żvilupp ta’ Wara Konflitt’, adottata minn 52 Stat Membru fis-Sammit ta’ Banjul ta’ l-UA f’Lulju ta’ l-2006,

-  wara li kkunsidra l-‘Għaxar Prinċipji għal azzjoni minn donatur xieraq f’sitwazzjonijiet u fi Stati Fraġli’ tal-Grupp ta’ Stati Fraġli ta’ l-OECD/DAC, adottati fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli tad-DAC tat-3-4 ta’ April 2007 f’Pariġi;

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/1 ta' l-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Responsabilità ta' Protezzjoni,

- wara li kkunsidra r-regola 103 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi mill-1990s, l-istati li għandhom nuqqas ta’ kapaċità biex jilħqu l-funzjonijiet 'tradizzjonali' tagħhom u biex iwettqu progress fl-iżvilupp u għandhom istituzzjonijiet fraġli kienu msejħa 'Stati Fraġli' mill-Bank Dinji (WB) u mill—komunità ta’ żvilupp internazzjonali;

B.  billi l-fraġilità ta’ l-istat hija aktar kunċett empiriku milli wieħed normativ u hija varjabbli dipendenti u mhux kundizzjoni oriġinali; billi sitwazzjoni ta’ fraġilità teżisti qabel jew wara kriżi; billi r-responsabilità għal stabbiliment ta’ meta stati m’humiex aktar ‘fraġli’ għandha tkun dik taċ-ċittadini tagħhom;

C.  billi minkejja l-fatt li m’hemm ebda definizzjoni li taħdem mhix ambigwa tal-kunċett, huwa possibbli li jkunu identifikati Stati waqt sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u n-numru ta’ Stati ġġudikati mill-WB bħala 'fraġli’ kważi rdoppja minn 14 sa 26 bejn l-2000 u l-2006, li 14 minnhom jinsabu fl—Afrika madwar is-Saħara;

D.  billi huwa essenzjali li tifhem il-fatturi esterni u interni ta’ fraġilità biex tipprovdi assistenza u għajnuna lil Stati bħal dawn, għall-benefiċċju dirett taċ-ċittadini tagħhom u f’ġieħ il-paċi u l-prosperità reġjonali u globali;

E.  billi tipi differenti ta’ fraġilità (pereżempju: possibilità għolja ta’ konflitt, ‘l hekk imsejjaħ ‘resource curse’, tmexxija mhix xierqa, ebda aċċess għal baħar) jistiednu għal tipi differenti ta’ intervent; billi pajjiż stabbilit jista’ jkun klassifikat skond tipi differenti ta’ fraġilità, b’hekk il-kategorizzar u l-azzjoni speċifika jkunu diffiċli;

F.  billi l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet fraġli huwa proċess fuq perjodu ta' żmien fit-tul u jeħtieġ impenn sostnut u fuq perjodu ta' żmien fit-tul kemm mill-pajjiżi affettwati kif ukoll mill-komunità internazzjonali;

G.  billi l-Unjoni Afrikana tirrikonoxxi li r-rikostruzzjoni hija primarjament kwistjoni politika milli teknika, jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li tinbena awtorità leġittima ta' l-istat, għal tmexxija bbażata fuq il-kunsens, għal azzjoni affermattiva għal gruppi vulnerabbli u għal bini tal-kapaċità lokali fi ħdan il-qafas ta' distribuzzjoni ġusta ta' poter u responsabilità reċiproka[2];

H.  billi sitwazzjonijiet ta’ fraġilità huma spiss stabbiliti fil-faqar u f’kundizzjonijiet ta’ l-għajxien mhux xierqa, li jwasslu fl-aktar każi estremi għal kollass ta’ l-istat u n-nuqqas ta’ sikurezza permanenti; billi n-nuqqas ta’ protezzjoni u drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi affettwati jeħtieġ - u jrid ikun fiċ-ċentru ta' - l-azzjoni mill-UE u mill-komunità internazzjonali;

I.  billi għad hemm nuqqas ta’ qsim ta’ esperjenzi ta’ bini ta’ stati f’pajjiżi u f’donaturi, b’hekk ikunu evitati proċessi ta’ tagħlim mill-esperjenza;

J.  billi hemm il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu doppju ta’ responsabilità: bejn id-donaturi u l-pajjiżi reċipjenti u bejn dawn u l-poplu tagħhom;

K.  billi strumenti ta’ finanzjar multiplu huma fir-riskju ta’ ħidma doppja jew ta’ nuqqas ta’ allokament ta’ riżorsi u jwasslu biex ir-responsabilità u l-parteċipazzjoni għal soċjetajiet diġà mdgħajfa aktar diffiċli;

1.  Iqis li l-fraġilità hija sfida ta’ żvilupp kumplessa u jenfasizza l-ħtieġa għal aġenda definita b’mod xieraq u ta’ fraġilità koerenti, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘mingħajr ħsara’ , i.e. adattata għas-sitwazzjoni u tqis kunsiderazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien fit-tul; u l-koordinament tal-miri u ta’ l-approċċi multipli tal-partijiet li għandhom sehem differenti fir-rigward ta’ l-objettiv prinċipali u ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar u l-kisba ta’ l-MDGs;

2.  Jilqa’ l-preparazzjoni tar-reazzjoni ta’ l-UE għal fraġilità u jenfasizza l-ħtieġa li jkunu involuti l-Parlamenti fil-fażijiet kollha ta’ din l-istrateġija;

3.  Jafferma li sistema politika demokratika stabbli, li twassal għal żvilupp, l-istat tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, tmexxija xierqa u prevenzjoni tal-konflitt b’mod paċifiku hija l-aqwa mod biex tintemm il-fraġilità u lejn istituzzjonijiet miftuħin li jiffunzjonaw u għal tfassil tal-politika effiċjenti u ġust;

4.  Jinnota li l-ipprogrammar u l-azzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità jeħtieġ li jkunu komprensivi u koerenti u jkollhom bħala elementi ċentrali ċ-ċittadini u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi affettwati; strumenti u mekkaniżmi attwali jridu jagħtu prijorità għal approċċ sensittiv ta’ fraġilità u jaqbel b’mod sħiħ li l-potenzjal ta’ Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiżi u l-programmi tematiċi, preparati bi sħubija, biex jevitaw il-fraġilità jeħtieġ li jkunu msaħħa;

5.  Jenfasizza li l-komponenti prinċipali ta’ l-aġenda ta’ fraġilità għandhom ikunu fi tliet partijiet favur il-foqra u enfasi fuq il-prevenzjoni: promowtjar tas-sigurtà umana, titjib fl-iżvilupp u żgurar tal-paċi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkunu implimentati fil-qasam b’konsistenza;

 

6.  Iqis li pjanar strateġiku fuq perjodu ta’ żmien fit-tul jeħtieġ li jkun koordinat bl-implimentazzjoni ta’ programmi fl-aktar livell baxx li jridu jibqgħu flessibbli u li jadattaw infushom u jeħtieġ li jwieġeb għall-kuntest tal-pajjiż; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi żvilupp fuq perjodu ta’ żmien fit-tul, iżda biex tipprovdi wkoll servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir;

7.  Jenfasizza li programmi ta’ żvilupp f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità għandhom jikkonformaw ma’ l-istess prinċipji stabbiliti bħal programmar ta’ żvilupp f’postijiet oħrajn, li jfisser, pussess, sħubija, responsabilità reċiproka u sostenibilità;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja djalogu li jinkludi b’mod komplet il-paċi u l-politika u proċessi ta’ rikonċiljazzjoni u biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni ta’ komunitajiet u tas-soċjetà ċivili fl-aspetti kollha taċ-ċiklu ta’ rkupru u l-istrateġiji ta’ żvilupp;

9. Jenfasizza li l-paċi sostenibbli tista’ tinkiseb biss jekk isseħħ ġustizzja, u tidher li qed isseħħ, b’mod partikulari fir-rigward tal-krimini tal-gwerra u tal-krimini kontra l-umanità; F’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-tisħiħ tas-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ Stati fraġli, biex tiżgura li protagonisti ta’ reati serji kontra l-umanità jitressqu għal ġustizzja, iżda biex tippermetti wkoll l-avvanz parallel tal-ġustizzja u l-inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni;

10. Jistieden għat-tisħiħ tad-drittijiet legali individwali, anke dwar il-pussess ta’ art mill-mill-aktar foqra; u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja sforzi mwettqa f’pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola tagħhom biex tippermettilhom biex joħorġu minn sitwazzjoni ta’ ekonomiji vulnerabbli b’mod konsiderevoli ta’ uċuħ uniċi u b'hekk ikunu evitati sitwazzjonijiet fraġli li jirriżultaw minn kollass ekonomiku;

11. Itenni l-ħtieġa għal azzjoni umanitarja u ta' żvilupp ta' l-UE biex tistipula enfasi aktar b'saħħitha fuq miżuri preventivi, twissija minn kmieni u analiżi tar-riskju biex ikunu evitati diżastri kemm ikkawżati mill-bniedem kif ukoll dawk naturali li jirriżultaw f'sitwazzjonijiet fraġli;

12.  Jafferma li mudell komprensiv dwar fraġilità u żvilupp jeħtieġ li jqis inizjattivi lokali, reġjonali u kontinentali attwali bħall-‘Politika ta’ l-Unjoni Afrikana dwar Rikostruzzjoni u Żvilupp ta’ Wara Konflitt' reċenti, in-NEPAD, il-Mekkaniżmu Afrikan ta' Reviżjoni tal-Membri u ċ-Charter dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u t-Tmexxija fl-Afrika; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja sforzi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar f’dan il-qasam;

13.  Minbarra dan, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura mhux biss li l-partijiet li għandhom sehem domestiċi jkunu inklużi b’mod sħiħ fl-isforzi biex jintgħelbu sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, iżda biex l-opinjoni u d-definizzjoni tagħhom stess ta’ bini ta’ stat u l-mudell ta’ stat tagħhom jitqiesu wkoll u li tintuża l-kompetenza lokali;

 

14.  Jenfasizza l-irwol kruċjali tan-nisa u ta’ gruppi vulnerabbli fl-ippromowtjar ta’ l-iżvilupp u tal-paċi u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi li dawn jingħataw setgħa, b’mod partikulari billi tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u s-sitwazzjoni f’ċirkustanzi ta’ fraġilità;

15.  Jilqa’ l-fatt li skond il-qafas ta’ l-Istrateġija konġunta UE-Afrika, l-UE u l-Afrika se jwettqu djalogu dwar il-kunċett ta’ “sitwazzjonijiet ta’ fraġilità” mmirat lejn il-kisba ta’ qbil komuni u qbil dwar passi li jistgħu jittieħdu u li dan id-djalogu diġà huwa previst fil-Pjan ta’ Azzjoni;

16.  Ifakkar li kull stat individwali għandu r-responsabilità li jipproteġi l-popolazzjonijiet tiegħu mill-ġenoċidju, mill-krimini tal-gwerra, mill-qtil etniku u mill-krimini kontra l-umanità u li l-UE tappoġġja b’mod qawwi r-responsabilità tal-protezzjoni, bi qbil mar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/1 ta' l-24 ta' Ottubru 2005; jenfasizza li r-responsabilità tal-protezzjoni tinkludi l-applikazzjoni ta’ pressjoni u theddid diplomatiċi, ekonomiċi u legali sostnuti, b’intervent militari aggressiv jibqa’ l-aħħar azzjoni u bil-ħtieġa li jkun ikkontrollat b’mod strett;

17.  Jenfasizza li l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ fraġilità huwa kumples u jeħtieġ riżorsi finanzjarji u umani sinifikattivi, kif ukoll impenji fuq perjodu ta’ żmien fit-tul; Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn ir-riżorsi jkunu disponibbli b'mod suffiċjenti, adegwat u prevedibbli u li jkun hemm koerenza bejn l-aġenziji donaturi;

18.  Jenfasizza li l-użu ta’ appoġġ tal-baġit mhux xieraq f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, fejn il-kapaċitajiet ta’ verifika u ta' mmonitorjar huma dgħajfa jew ma jeżistux; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tuża forom oħrajn ta' finanzjar f'sitwazzjonijiet bħal dawn, sakemm hija tista' tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif il-fondi qed jintefqu;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament bi pjan dettaljat ta' donaturi u protagonisti internazzjonali u t-tip ta' ħidma li huma qed iwettqu, biex tippermetti l-immonitorjar ta' l-aqwa użu ta' għodod u riżorsi disponibbli;

20.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE u lill-Unjoni Afrikana.