MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
21.11.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Charles Tannock, Árpád Duka-Zólyomi, Elmar Brok, Karl von Wogau, Stefano Zappalà u Corien Wortmann-Kool
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia
B6‑0485/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1999,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun, speċjalment ir-rikkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 lill-Kunsill dwar il-politika ta' l-UE dwar il-Kawkażu ta' Isfel u r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 2004 dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia,
– wara li kkunsidra r-rapporti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, speċjalment ir-rapport tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ ta' dik il-politika,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali OSCE/ODIHR dwar il-Missjoni għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni għall-elezzjonijiet muniċipali fil-Georgia fil-5 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fi ftit ġimgħat is-sitwazzjoni interna fil-Georgia marret għall-agħar u wasslet għall-aktar kriżi profonda mir-rivoluzzjoni fl-2003 (Rose Revolution),
B. billi fis-17 ta' Ottubru grupp ta' għaxar partiti politiċi ngħaqdu fl-hekk imsejjaħ Kunsill Nazzjonali tal-Moviment Pubbliku Ġenerali, u ppublika manifest li jelenka l-għanijiet tiegħu parzjalment appoġġjat minn grupp parlamentari oħra ta' l-oppożizzjoni, liema għanijiet jinkludu: elezzjonijiet demokratiċi preċeduti minn kompetizzjoni ta' vera bejn il-partiti politiċi u mingħajr l-involviment ta' istituzzjonijiet ta' l-istat; organizzazzjoni mill-ġdid tal-mod kif inhuma amministrati l-elezzjonijiet, li jinvolvi rappreżentanti tal-partiti politiċi kollha; it-twaqqif ta' sistema parlamentari fuq 'stil Ewropew' li tnaqqas il-poter tal-fergħa eżekuttiva; ġudikatura indipendenti u non-interferenza minn strutturi governattivi fil-qrati; restawr ta' l-integrita territorjali u rtirar tal-forzi taż-żamma tal-paċi u tal-kontinġenti militari Russi mill-Georgia; awto-governanza lokali; l-eradikazzjoni tal-vjolenza politika, ir-rilaxx ta' 'priġunieri politiċi', u l-investigazzjoni ta' mewtiet mhux risolti li seħħew tul il-presidenza ta' Shevardnadze u dik ta' Saakashvili; ravviċinament man-NATO u l-EU, u l-abolizzjoni tas-sħubija fis-CIS; talba għal elezzjonijiet Parlamentari skond il-pjan, fir-rebbiegħa u mhux fil-ħarifa ta' l-2008, u t-tibdiliet tas-sistema elettorali fejn ir-rebbieħ jieħu kollox,
C. billi l-kriżi laħqet il-quċċata fis-7 ta' Novembru meta - wara serje ta' rallies mill-oppożizzjoni preċedenti fejn in-numru ta' nies jipprotestaw laħaq is-70,000 imbagħad niżel għal bosta mjiet u dawn ġew imbuttati barra miz-zona tat-traffiku - truppi użaw bsaten, kanuni ta' l-ilma, gass tad-dmugħ u bulits tal-gomma biex iwaqqfu dimostrazzjonijiet ġodda li seħħew; Id-dimostranti ġew imsawta, fosthom kien hemm għexieren ta' ġurnalisti kif ukoll id-Difensur Pubbliku (Ombudsman) tal-Georgia, Sozar Subari; billi wara l-iskontri vjolenti, aktar minn 500 persuna kellhom jingħataw trattament mediku; billi fis-7 ta' Novembru, Imedi TV xandar informazzjoni falza u mhux fundata dwar allegazzjoni ta' pjanijiet tal-pulizija li jattakkaw il-Katidral Prinċipali Ortodoss li wasslet biex ċittadini f'Tbilisi joħorġu fit-toroq bil-massa; billi fl-istess jum, Imedi TV, l-istazzjoni indipendenti tax-xandir tat-televiżjoni l-aktar importanti tal-Georgia, li huwa kontrollat finanzjarjament minn Rupert Murdoch's News Corp., ġie mġiegħel jieqaf ixandar mill-pulizija militari, u xandara oħra mhux ta' l-istat gew projbiti milli jħabbru l-aħbarijiet; billi fis-7 ta' Novembru filgħaxija, il-President Saakashvili impona 15-il jum ta' stat ta' emerġenza, li imbagħad dam 9 ijiem,
D. billi l-President Saakashvili, u anki xi osservaturi indipendenti oħra, akkużaw lill-Moska li ppruvat twaqqa' l-gvern tiegħu billi organizzaw protesti daqs li kieku mill-opppożizzjoni, u l-President qal illi l-vjolenza fuq id-dimostrazzjonijiet kienet neċessarja biex jiġi evitat li l-pajjiż jiddeġenera f'kaos totali,
E. billi uffiċjali Russi, bħalma ġara f'bosta każijiet qabel, ċaħdu ripetutament kull dikjarazzjoni ta' interferenza fl-affarijiet interni tal-Georgia u akkużaw lill-President Saakashvili li qed jagħmel dikjarazzjonijiet anti-Russi biex jerġa' jqajjem il-poplarita tiegħu li dan l-aħħar qed tiddgħajjef,
F. billi fit-13 ta' Novembru, il-kmandant Russu tal-forzi militari fil-Kawkażu, il-Ġeneral Andrei Popov, iffirma dokumenti fejn ta lill-Georgia, sena qabel iż-żmien ippjanat, it-territorju ta l-aħħar bażi Russa f'Batumi fir-Repubblika awtonoma ta' Ajara; billi r-Russja temmet l-irtirar tat-truppi tagħha mill-bażi l-oħra tagħha fil-Georgia, Akhalkalaki, f'Ġunju u kienet qablet li ttemm il-ħidmiet ta' Batumi sa Ottublu 2008; billi, skond dikjarazzjoni li saret fl-istess jum mill-Kap tal-forzi armati kollha tat-Truppi ta' l-Art Russi, il-Ġeneral Alexi Maslov, 'm'għadx fadal aktar truppi Russi fil-Georgia, fadal biss truppi għaż-żamma tal-paċi f'Abkhazia u dawk li jagħmlu parti mill-forzi kombinati f'Ossetia t'Isfel bil-parteċipazzjoni tal-Georgia'; billi ma tħalla l-ebda osservatur ta' l-istat tal-Georgia jeżamina s-sitwazzjoni fil-bażi ta' Gudauta,
G. billi fl-14 ta' Novembru, il-President Saakashvili, li akkuża ripetutament lir-Russja li qed tappoġġja movimenti separatisti fil-provinċji ribelli ta' Abkazia u Ossetia t'Isfel, stqarr li riċentament ir-Russja bagħtet truppi, bosta tużżani vetturi armati u sistemi ta' artillerija f'Abkazia li ma kinux parti mill-ħidmiet għaż-żamma tal-paċi hemmhekk; billi l-kap tal-persunal militari tar-Russja, il-Ġeneral Yuri Baluyevsky, ċaħad dawn l-allegazzjonijiet ukoll, u sejjaħ id-dikjarazzjoni tal-President Saakashvili 'informazzjoni ta' provokazzjoni',
H. bill fl-10 ta' Novembru Matyas Eörsi u Kastriot Islami, ko-rapporteurs għall-Georgia tal-Kumitat ta' Monitoraġġ ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa (PACE) fakkru lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jikkonformaw b'mod strett mal-prinċipji ta' l-istat tad-dritt fl-azzjonijiet kollha tagħhom u biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, speċjalment dawk relatati mal-liberta ta' espressjoni, informazzjoni u assoċjazzjoni, filwaqt li wrew li l-vjolenza tal-pulizijia kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi, l-għeluq ta' stazzjonijiet privati tax-xandir, jew is-soppressjoni ta' tixrid ta' informazzjoni kienu inaċċettabbli fi kwalunkwe ċirkostanza f'sistema demokratika, u enfasizzaw li 'għandha tiġi garantita l-liberta tal-midja mingħajr ebda restrizzjoni. Il-miżuri li ttieħdu f'dawn l-aħħar jiem fil-Georgia jirrappreżentaw pass kbir lura mill-aspirazzjoni li din issir stat demokratiku żviluppat li jirrispetta l-valuri fundamentali tad-demokrazija pluralistika u tad-drittijiet tal-bniedem',
I. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jaap de Hoop Scheffer, li f'Ottubru kien diġa enfasizza l-ħtieġa għal trasparenza politika akbar u konformita aktar stretta ma' l-istat tad-dritt jekk il-Georgia trid tipprogressa lejn sħubija man-NATO, irreaġixxa għall-avvenimenti billi enfasizza li 'l-impożizzjoni ta' stat ta' emerġenza u l-għeluq tal-mezzi ta' informazzjoni fil-Georgia huma ta' tħassib serju u mhux konformi mal-valuri Ewro-Atlantiċi';
J. billi fit-12 ta' Novembru l-Assoċjazzjoni tat-Televiżjoni Kummerċjali fl-Ewropa (ACT) esprimiet ix-xokk qawwi u t-tħassib profond tagħha għall-avvenimenti li seħħew f'Tbilisi, u enfasizzat li 'm'hemm l-ebda ċirkustanzi f'soċjeta demokratika li jistgħu jiġġustifikaw lill-pulizija talli sfurzaw xandar indipendenti biex jieqaf milli jxandar. L-obbligu li jkun permess settur tal-midja pluralistiku, fejn l-opinjonijiet kollha jistgħu jiġu espressi, huwa fundamentali għad-demokrazija Ewropea',
K. billi b'mossa sorprendenti ta' konċiljazzjoni, fit-8 ta' Novembru l-President Saakashvili ppropona elezzjonijiet presidenzjali bikrija għall-5 ta' Jannar flimkien ma' referendum dwar id-data għall-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, u fis-16 ta' Novembru neħħa l-istat ta' emerġenza,
1. Jesprimi s-solidarjeta tiegħu mal-poplu tal-Georgia u l-impenn tiegħu biex jappoġġja d-demokrazija żagħżugħa tagħhom, l-indipendenza ta' l-istat tagħhom u l-integrita territorjali tiegħu waqt din il-kriżi;
2. Jilqa' l-progress politiku, demokratiku u ekonomiku miksub mill-President Mikhail Saakashvili u l-Gvern preżenti tal-Georgia meta mqabbel mal-president preċedenti Eduard Shevardnadze;
3. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-iżviluppi riċenti li seħħew fil-Georgia, fejn l-aħħar avvenimenti serji kienu l-attakk vjolenti tal-pulizija fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi, l-għeluq tal-mezzi ta' informazzjoni indipendenti u d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza għal 15-il jum;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet konċernati biex jeżerċitaw l-isforz meħtieġ u li jibqgħu lura milli jużaw lingwaġġ u azzjonijiet li jistgħu jaggravaw aktar il-kriżi politika;
5. Jistieden lill-oppożizzjoni biex l-ewwel nett tuża l-istrutturi parlamentari biex tesprimi l-pożizzjonijiet tagħha qabel ma' toħroġ fit-toroq;
6. Juri li l-mod kif l-awtoritajiet tal-Georgia ttrattaw divrenzji ta' opinjonijiet jista' jwassal għad-dgħajfien tal-kredenzjali demokratiċi tagħha; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt għal protesta paċifika u biex jagħtu lura l-liberta sħiħa lill-midja;
7. Jistieden lill-awtoritarjiet tal-Georgia biex jordnaw investigazzjoni fil-fond, imparzjali u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-liberta tal-midja, speċjalment l-allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv ta' forza minn uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi, sabiex jiġu identifikati dawk kollha responsabbli, jitressqu l-qorti u jiġu applikati s-sanzjonijiet penali u/jew amministrattivi skond il-liġi;
8. Jilqa' t-tneħħija bikrija ta' l-istat ta' emerġenza mill-President Saakashvili fis-16 ta' Novembru u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jimpenjaw ruħhom immedjatament fi djalogu kostruttiv sabiex tiġi kkalmata s-sitwazzjoni attwali u jinstabu soluzzjonijiet adegwati u ta' malajr għall-kwistjonijiet kruċjali; jikkunsidra li t-tensjonijiet politiċi eżistenti għandhom jiġu solvuti fi ħdan l-istituzzjonijiet demokratiċi u mingħajr l-ebda infrazzjoni tal-prinċipji demokratiċi jew tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-liberta tal-midja;
9. Jikkunsidra t-tneħħija ta' l-istat ta' emerġenza u s-sejħa għal elezzjonijiet presidenzjali bikrija bħala pass pożittivi li diġa għen biex jitnaqqsu t-tensjonijiet, u wera li l-pressjoni internazzjonali permezz ta' dikjarazzjonijiet sodi ħafna u bil-miftuħ mill-parteċipanti maġġuri esterni kollha fil-Punent, kif ukoll ir-rispons negattiv fil-midja internazzjonali, jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni domestika fil-pajjiż;
10. Fuq il-bażi ta' din l-esperjenza, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-UE, lin-NATO u lill-Istati Uniti biex isiru aktar attivi fl-enfasi tagħhom ta' l-inġustizzji u n-nuqqasijiet politiċi fil-Georgia u fil-madwar, fejn tiġi inkluża l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP; josserva li ħafna allegazzjonijiet ta' vjolazzjoni ta' proċeduri demokratiċi u ta' drittijiet tal-bniedem fil-Georgia ma ġewx investigati dawn l-aħħar ftit snin; għalhekk huwa ta' l-opinjoni li dibattitu internazzjonali bil-miftuħ jista' jkompli jsaħħaħ id-diskors pluralistiku pubbliku u l-iżvilupp demokratiku fil-Georgia;
11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jiżguraw elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'konformita sħiħa ma' standards internazzjonali; jistieden lill-Gvern biex jirrispetta d-diviżjoni tal-poteri fis-sistemta politika tal-Georgia, biex jibqa' lura milli juża 'riżorsi amministrattivi' waqt il-kampanja elettorali u biex jiggarantixxi l-liberta ta' l-espressjoni lill-kandidati kollha; jilqa' l-prontezza ta' l-awtoritajiet tal-Georgia biex jippermettu lil osservaturi internazzjonali jimmoniterjaw l-elezzjonijiet;
12. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni elettorali tal-pajjiż biex tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta' l-OSCE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill ta' l-Ewropa; jilqa' t-tnaqqis tal-limitu ta' l-elezzjoni minn 7% għal 5%;
13. Jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Georgia biex jikkolaboraw fl-abbozzar ta' liġi biex tiġi regolata attivita awdjo-viżiva sabiex bl-assistenza ta' esperti Ewropej jiġi żgurat li r-regolamenti eżistenti li jiggarantixxu l-liberta ta' l-espressjoni u dibattitu pubbliku ġust jiġu mtejba u armonizzati aktar ma' prinċipji Ewropej;
14. Iħeġġeġ lill-elite politika tal-Georgia u lis-soċjeta ċivili biex jimpenjaw ruħhom f'dibattitu dwar is-separazzjoni tal-poteri fis-sistema politika li tista' twassal għal skrutinju aktar effiċjenti ta' l-azzjonijiet ta' l-eżekuttiv u l-pluralizzazzjoni tad-dibattitu pubbliku dwar bosta kwistjonijiet kruċjali, li jibdew mill-implikazzjonijiet soċjali tar-riforma ekonomika u l-'fattur Russu' fil-politiki domestiċi tal-Georgia u jkomplu sa approċċi differenti lejn kunflitti ffriżati;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimpedixxu lir-Russja milli tabbuża mis-sitwazzjoni tal-Georgia; jinnota li, għalkemm m'hemm l-ebda evidenza ċara jekk l-akkużi tal-Gvern tal-Georgia li r-Russja qed tibgħat aktar truppi f'Abkhazia humiex veri, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmluha ċara ħafna lir-Russja li passi bħal dawn se jkunu kkunsidrati assolutament intollerabbli; barra minn hekk iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistiednu lir-Russja tibdel l-approċċ ġenerali tagħha lejn il-Georgia u tieqaf tuża r-relazzjonijiet ekonomiċi bħala arma politika; jenfasizza li passi bħal dawn għandhom ikunu parti minn politika ta' l-UE aktar deċiżiva fir-rigward tal-Viċinat tagħha fil-Lvant u li m'għandhiex tirrifjuta koperazzjoni mar-Russja, iżda bil-kontra għandha toffri koperazzjoni fejn ikun possibbli (pereżempju fl-oqsma tal-koperazzjoni reġjonali, il-ġestjoni ta' kriżi, u ż-żamma tal-paċi); madankollu jikkunsidra li fl-istess ħin, l-UE għandha tadotta pożizzjoni aktar riżoluta dwar kwistjonijiet kruċjali fir-reġjun, u għandha tieħu impenji aktar profondi minkejja l-attitudni negattivi tar-Russja fil-preżent lejn is-sehem ta' l-UE fil-viċinat komuni tagħhom; jenfasizza li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa f'idejn l-elite politiku tar-Russja li jifhem li mhux ir-rivalita ġeo-politika ma' l-UE li qed tnaqqas l-influwenza Russa fuq il-viċinat tagħha, iżda l-politika distruttiva tar-Russja stess lejn uħud mill-ġirien tagħha;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President u lill-Parlament tal-Georgia, u lid-Duma Statali u lill-President tal-Federazzjoni Russa.