Proċedura : 2007/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0495/2007

Testi mressqa :

B6-0495/2007

Dibattiti :

PV 13/12/2007 - 4
CRE 13/12/2007 - 4

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 6.14
CRE 13/12/2007 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0628

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 103kWORD 52k
3.12.2007
PE 398.168v01-00
 
B6‑0495/2007
imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0383/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Tokia Saïfi, Robert Sturdy, Georgios Papastamkos, Vasco Graça Moura, Daniel Caspary
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar it-tessuti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tessuti 
B6‑0495/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim li ġie konkluż f'Ġunju 2005 bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Ministeru għall-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina dwar sistema konġunta ta' sorveljanza fuq l-importazzjoni f'Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ 2005(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehima tad-WTO dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ skadiet fl-2005, filwaqt li tneħħew l-aħħar restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tat-tessuti li ntirtu mill-Ftehima Multifiber,

B.  billi l-Kummissjoni u ċ-Ċina kkonkludew ''Memorandum ta' Ftehim'' u imponew restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina ta' ċerti kategoriji ta' tessuti għal perjodu tranżizzjonali li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

C.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Ministeru Ċiniż għall-Kummerċ Internazzjonali ddeċidew dwar sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-importazzjonijiet għas-sena 2008,

D.  billi 70% ta' l-oġġetti ffalsifikati li qed jidħlu fis-swieq Ewropej jiġu miċ-Ċina u nofs il-proċeduri tad-dwana Ewropej kontra l-iffalsifikar jirrigwardaw mat-tessuti u l-ħwejjeġ,

E  billi, wara l-adeżjoni taċ-Ċina mat-WTO, il-membri tad-WTO huma awtorizzati jadottaw miżuri ta' salvagwardja speċjali taħt forma ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi sa l-aħħar ta' l-2008 kieku s-suq kellu jiġi interrott,

F.  billi l-Unjoni Ewropea hija t-tieni l-akbar esportatriċi tat-tessuti u tal-ħwejjeġ,

Kompetittività Esterna tas-Settur tat-tessuti bbażata fl-Ewropa

1.  Jenfasizza li t-tiftixa f'pajjiżi terzi ta' kundizzjonijiet aħjar għall-aċċess tas-suq hija vitali għall-futur ta' l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ibbażata fl-Ewropa, speċjament għall-kumpaniji ż-żgħar;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-ostakli tat-tariffi għolja jew ostakli mhux tariffi f'bosta pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-kompetittività esterna tas-settur tat-tessuti Ewropew, billi tiżgura kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq aħjar bi ftehimiet ta' kummerċ multilaterali, reġjonali u bilaterali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod attiv ir-riċerka, l-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali fis-settur tat-tessuti, b'mod partikolari għall-kumpaniji ta' daqs żgħir u medju; iqis essenzjali li jittieħdu miżuri biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibda jintuża b'mod sostanzjali għar-ristrutturazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tas-settur tat-tessuti;

Kummerċ inġust u ffalsifikar

4.  Ifakkar li l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ (partikolarment l-anti-dumping u l-anti subsidy) huma għodod importanti sabiex jiġu affrontati l-importazzjonijiet illegali minn pajjiżi terzi, speċjalment għas-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ, li issa sar suq miftuh mingħajr ħarsien tal-kwota;

5.  Huwa mħasseb dwar il-ksur sistematiku tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġġieled kontra dan il-ksur, l-aktar l-iffalsifikar, fuq livell multilaterali, reġjonali u bilaterali, inkluż kull xorta ta' kummerċ inġust;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel pressjoni politika u ekonomika fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jiżvalutaw b'mod artifiċjali l-munita Ċiniża li hija artifiċjalment issottovalutata u li tiffaċilita l-fluss ta' l-importazzjonijiet tat-tessuti u tal-ħwejjeġ Ċiniżi;

Is-sorveljanza fuq l-importazzjonijiet

7.  Jilqa' b'sodisfazzjoni sistema konġunta ta' sorveljanza fuq l-importazzjoni li twettaq kontrolli doppji fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' tmin prodotti tat-tessili u tal-ħwejjeġ; madankollu, jesprimi tħassib kbir dwar il-mod ta' kif se tiġi mwaqqfa s-sistema; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura implimentazzjoni xierqa ta' dan l-irduppjar tal-kontrolli u sabiex tevalwa l-effettività tagħha, ħalli tiżgura tranżizzjoni bla ostakli għall-kummerċ ħieles tat-tessuti;

8.  Jenfasizza li s-sistema ta' l-irduppjar tal-kontrolli ma tistax tiġi implimentata fl-2008 biss u li sistema ta' sorveljanza effettiva għandha tiġi garantita għal perjodu ta' żmien itwal; jenfasizza li l-kategoriji ta' prodotti li mhux ser jgħaddu minn kontrolli rduppjati, għandhom jingħataw lis-sorveljanza tad-dwana.

9.  Iqis li l-Grupp ta' Livell Għoli għandu jiżgura s-superviżjoni ta' sistema ta' sorveljanza fuq l-importazzjonijiet tat-tessuti u l-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea;

10.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tista' tapplika miżuri ta' salvagwardja skond ir-regoli tad-WTO f'każ li jkun hemm tgħawwiġ fid-duq sa l-aħħar ta' l-2008; jitlob lill-Kummissjoni biex f'każ ta' bżonn tagħmel dan;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkoordina l-isforzi tagħha ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-kwistjoni ta' l-importazzjonijet tat-tessuti miċ-Ċina, sabiex tiġi monitorjata l-evoluzzjoni tal-kummerċ globali tat-tessuti;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE

12.  Jenfasizza li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tat-tessuti ma toħloqx biss kambjamenti radikali fit-tendenzi ta' l-importazzjoni lejn is-suq ta' l-UE, iżda wkoll hemm riskju li jkollha impatt fuq is-settur tal-ħwejjeġ u tat-tessuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-imsieħba Mediterraneji ta' l-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-imsieħba tal-Mediterran biex jieħdu l-passi neċessarji, billi jippermettu l-integrazzjoni effettiva ta' l-EuroMed b'integrazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar sħiħa, sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-tessuti;

Sikurezza u ħarsien tal-konsumatur

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża l-poteri tagħha biex tipprojbixxi prodotti mhux sikuri milli jidħlu fis-suq ta' l-UE, fil-każ tat-tessuti u l-ħwejjeġ ukoll; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-koperazzjoni tal-kontrolli u tad-dwana ma' pajjiżi terzi, speċjalment maċ-Ċina;

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

15.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew l-informazzjoni kollha dwar kwalunkwe żviluppi fil-qafas tal-kummerċ internazzjonali tat-tessuti;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P6_TA(2005)0321

Avviż legali - Politika tal-privatezza