Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0496/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0496/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

4.12.2007

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0383/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gianluca Susta
f'isem il-Grupp ALDE
dwar it-tessuti

Proċedura : 2007/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0496/2007
Testi mressqa :
B6-0496/2007
Testi adottati :

B6‑0496/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tessuti

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim li ġie konkluż f'Ġunju 2005 bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Ministeru għall-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina dwar sistema konġunta ta' sorveljanza fuq l-importazzjoni għas-sena 2008,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ 2005[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehima tad-WTO dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ skadiet fl-2005, filwaqt li tneħħew l-aħħar restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tat-tessuti li ntirtu mill-Ftehima Multifiber,

B.  billi l-Kummissjoni u ċ-Ċina kkonkludew ''Memorandum ta' Ftehim'' u imponew restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina ta' ċerti kategoriji ta' tessuti għal perjodu tranżizzjonali li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

C.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Ministeru Ċiniż għall-Kummerċ Internazzjonali ddeċidew dwar sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-importazzjonijiet għas-sena 2008,

D.  billi 70% ta' oġġetti ffalsifikati li qed jidħlu fis-swieq Ewropej jiġu miċ-Ċina u nofs il-proċeduri tad-dwana Ewropej kontra l-iffalsifikar jirrigwardaw it-tessuti u l-ħwejjeġ,

E  billi, wara l-adeżjoni taċ-Ċina mat-WTO, il-membri tad-WTO ġew awtorizzati jadottaw miżuri ta' salvagwardja speċjali taħt forma ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi sa l-aħħar ta' l-2008 kieku s-suq kellu jiġi interrott,

1.   Huwa konxju li t-tneħħija definittiva tas-sistema tal-kwota hija riżultat ta' ftehima li torbot legalment meta iċ-Ċina ngħaqdet mas-sistema tad-WTO, iżda jqis li l-Unjoni Ewropea tista' tuża, meta jkun hemm bżonn, il-possibilità legali li tapplika miżuri ta' salvagwardja sa l-aħħar ta' l-2008;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibda jintuża b'mod sostanzjali għar-ristrutturazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tas-settur tesstili u, b'mod partikolari, il-kumpaniji ż-żgħar li jintlaqtu l-aktar mil-liberalizzazzjoni tas-suq; f'dan ir-rigward, iqis li huwa essenzjali li jittieħdu miżuri biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni teknoloġika;

 

Kompetittività Esterna tas-Settur tat-tessuti bbażat fl-Ewropa

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-ostakli ta' tariffi għolja jew l-ostakli mhux ta' tariffi f'bosta pajjiżi terzi; jenfasizza li t-tiftixa f'pajjiżi terzi ta' kundizzjonijiet aħjar għall-aċċess tas-suq hija vitali għall-futur ta' l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ bbażata fl-Ewropa, speċjament għall-kumpaniji ż-żgħar;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-kompetittività esterna tas-settur tat-tessuti Ewropew, billi tiżgura kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq aħjar bi ftehimiet multilaterali, reġjonali u bilaterali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod attiv ir-riċerka, l-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali fis-settur tat-tessuti, b'mod partikolari għall-kumpaniji ta' daqs żgħir u medju; iqis essenzjali li jittieħdu miżuri biex tiġi appoġġjata l-innovazjoni teknoloġika; jistaqsi jekk il-prezzijiet baxxi li ġejjin mit-tneħħija tas-sistema tal-kwota hux se jkunu ta' benefiċċju effettiv għall-konsumaturi ta' l-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq investigazzjoni tajba u globali dwar din il-kwistjoni importanti;

6.   Iqis li għandhom jiġu applikati regoli li jorbtu dwar l-indikazzjonijiet ta' l-oriġini tat-tessuti impurtati minn pajjiżi terzi u, għaldaqstant, jistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta pendenti għal regolament dwar l-indikazzjoni tal- ''made in'';

7.  Jitolb lill-Kunsill sabiex japprova l-proposta sabiex l-indikazzjonijiet ta' l-oriġini jkunu obbligatorji fuq l-oġġetti importati minn pajjiżi terzi; jinnota li dan ir-regolament jista' jgħin sabiex ikun hemm aktar ħarsien tal-konsumatur u jista' jappoġġja l-industrija Ewropea, ibbażata fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kwalità;

Grupp ta' Livell Għoli

8.  Iqis li l-Grupp ta' Livell Għoli għandu jiżgura s-superviżjoni ta' sistema ta' sorveljanza fuq l-importazzjonijiet tat-tessuti u l-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea;

Kummerċ inġust u ffalsifikar

9.  Ifakkar li l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ (partikolarment l-anti-dumping u l-anti subsidy) huma għodod importanti sabiex jiġu affrontati l-importazzjonijiet illegali minn pajjiżi terzi, speċjalment għas-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ, li issa sar suq miftuh mingħajr ħarsien tal-kwota; jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma tagħmilx riformi unilaterali lis-sistema li jistgħu jikkumplikaw aktar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-adozzjoni ta' miżuri f'dan il-qasam;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel pressjoni politika u ekonomika fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jiżvalutaw b'mod artifiċjali l-munita Ċiniża, li qed tiffaċilita l-fluss ta' l-importazzjonijiet tat-tessuti u tal-ħwejjeġ Ċiniżi;

11.  Huwa mħasseb dwar il-ksur sistematiku tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġġieled kontra dan il-ksur, l-aktar l-iffalsifikar, fuq livell multilaterali, reġjonali u bilaterali, inkluż kull xorta ta' kummerċ inġust;

Is-sorveljanza fuq l-importazzjonijiet

12.  Jilqa' b'sodisfazzjoni sistema konġunta ta' sorveljanza fuq l-importazzjoni li twettaq kontrolli doppji fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' tmin prodotti tessili u tal-ħwejjeġ; madankollu, jesprimi tħassib kbir dwar il-mod kif se tiġi mwaqqfa s-sistema; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura implimentazzjoni xierqa ta' dan l-irduppjar tal-kontrolli u sabiex tevalwa l-effettività tagħha, ħalli tiżgura tranżizzjoni bla ostakli għall-kummerċ ħieles tat-tessuti;

13.  Jenfasizza li s-sistema ta' l-irduppjar tal-kontrolli ma tistax tiġi implimentata fl-2008 biss u li sistema ta' sorveljanza effettiva għandha tiġi garantita għal perjodu ta' żmien itwal;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Uniti sabiex iwettqu konsultazzjonijiet dwar il-kwistjoni ta' l-importazzjonijiet miċ-Ċina;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq sistema ta' monitoraġġ ħalli tevalwa r-riżultati qabel t-tmiem ta' l-ewwel tliet xhur tas-sena u b'hekk tiżgura li jkunu meqjusa mal-ewwel l-effetti l-ħżiena taż-żieda fl-importazzjoni tat-tessuti;

Sikurezza u ħarsien tal-konsumatur

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża l-poteri tagħha biex tipprojbixxi prodotti mhux sikuri milli jidħlu fis-suq ta' l-UE, fil-każ tat-tessuti u l-ħwejjeġ ukoll;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi li prodotti tat-tessuti importati b'mod partikulari miċ-Ċina, li jidħlu fis-suq ta' l-UE, ikunu suġġetti għal rekwiżiti identiċi fir-rigward tas-sigurtà u l-ħarsien tal-konsumatur bħal dawk il-prodotti tat-tessuti mmanifatturati fl-UE;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE

18     Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-ħolqien ta' zona ta' produzzjoni Ewro-Mediterranea fis-settur tat-tessuti, u tieħu vantaġġ mill-viċinanza ġeografika tas-swieq Mediterranji u Ewropej sabiex toħloq zona ta' kompetizzjoni internazzjonali li tkun tista' tiżgura li jinżammu l-produzzjoni industrijali u l-impjiegi;

19.  Jenfasizza li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tat-tessuti ma toħloqx biss kambjamenti radikali fit-tendenzi ta' l-importazzjoni lejn is-suq ta' l-UE, iżda wkoll hemm riskju li jkollha impatt fuq is-settur tal-ħwejjeġ u tat-tessuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-imsieħba Mediterraneji ta' l-UE;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Mediterran biex jieħdu l-passi neċessarji, ħalli jippermettu l-integrazzjoni effettiva ta' l-EuroMed b'integrazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar aktar sħiħa, sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-tessuti;

Informa lill-Parlament Ewropew

21.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew l-informazzjoni kollha dwar kwalunkwe żviluppi fil-qafas tal-kummerċ internazzjonali tat-tessuti;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.