Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0497/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0497/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

5.12.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Robert Sturdy u Maria Martens,
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

Proċedura : 2007/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0497/2007
Testi mressqa :
B6-0497/2007
Testi adottati :

B6‑0497/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (AKP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tad-19 ta' Novembru 2007 fir-rigward tal-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (FPE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ta’ l-20 ta’ Novembru 2007 f'Kigali dwar l-eżami mill-ġdid tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' politika tad-9 ta' Novembru 2007 mill-Ministri ta’ l-Istati ta' l-AKP dwar il-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 36(1) tal-Ftehima ta' Cotonou jistabbilixxi l-qbil tal-partijiet li jikkonkludu arranġamenti ġodda ta' kummerċ kompatibbli mad-WTO, filwaqt li progressivament jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ li hemm bejniethom u tissaħħaħ il-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ u l-iżvilupp,

B.  billi ċ-ċdiment li jeżenta din il-ftehima mil-liġi tad-WTO se tiskadi fi tmiem l-2007, ħaġa li toħloq tħassib f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-AKP,

C.  billi diversi Stati ta’ l-AKP jsibuha bi tqila ħafna li jikkonkludu ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku u ddikjaraw li huma tpoġġew taħt pressjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiffirmaw Ftehima ta’ Partenarjat Ekonomiku, filwaqt li oħrajn jinsistu fuq l-importanza għall-ekonomija tagħhom li jkollhom aċċess għas-suq ta' l-UE,

D.  billi n-negozjati dwar Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku kompluti, biex tiġi ssostitwita l-Ftehima ta' Cotonou, m'humiex mixjin 'il quddiem bl-istess pass fis-sitt reġjuni u x’aktarx li m’humiex se jiġu konklużi fi kwalunkwe każ qabel tmiem l-2007,

E.  billi f'Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea għamlet offerta lill-Istati ta' l-AKP għal ftehima temporanja, bħala l-ewwel fażi tal-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku li jkopru biss il-kummerċ ta’ prodotti, u li għandha tiġi implimentata mill-31 ta' Diċembru 2007,

1.  Itenni t-twemmin tiegħu li l-FPE jridu jkunu strumenti ta’ żvilupp sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-faqar fl-Istati ta’ l-AKP u biex titrawwem l-integrazzjoni gradwali ta’ l-Istati ta’ l-AKP għal go l-ekonomija dinjija;

2.  Jesprimi, madankollu, it-tħassib kbir tiegħu għat-tnikkir fin-negozjati, li bħala riżultat tiegħu, fl-akbar probabilità, l-ebda ftehima kompluta m’hi se tiġi ffirmata ma’ xi wieħed mill-gruppi reġjonali ta’ l-AKP sal-31 ta' Diċembru 2007;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu eliminati r-riskji li jkun hemm vakwu fir-relazzjoni bejn l-UE u l-AKP sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali li teżisti madwar ir-relazzjoni ta’ bejn l-UE u l-AKP, li jkollha konsegwenzi disastrużi għall-pajjiżi ta’ l-AKP li m’humiex fil-kategorija tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati b’mod partikulari, u li tkun ta’ theddida għall-benesseri u l-għajxien ta’ miljuni ta’ bnedmin fl-Istati ta’ l-AKP;

4.  Jinnota l-proposta magħmula mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 2007 u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-GAERC tas-17 ta' Novembru 2007 biex jiġu konklużi, fl-ewwel fażi tan-negozjati, ftehimiet temporanji limitati għall-kummerċ ta' prodotti;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-AKP li għadhom għaddejjin; jirrikonoxxi dan l-approċċ ta’ ‘żewġ fażijiet’ kif propost mill-Kummissjoni Ewropea bħala arranġament temporanju u prammatiku, sabiex ma jiġix interrott il-fluss ta' prodotti bi żvantaġġi tariffarji lejn l-UE lil hemm mill-1 ta' Jannar 2008;

6.  Jinnota b’interess il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Qafas temporanja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Msieħba tal-Komunità ta' l-Afrika tal-Lvant, konkluża f'Kampala fis-27 ta’ Novembru 2007, li tiggarantixxi aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti ta’ dawk l-Istati għas-suq ta’ l-UE;

7.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' suq reġjonali ġenwin jirrappreżenta bażi essenzjali biex l-FPE jiġu implimentati b'suċċess u li l-integrazzjoni reġjonali hi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ l-Istati ta' l-AKP; jisħaq li, jekk jagħti l-każ li jsiru ftehimiet temporanji ma' gruppi sottoreġjonali, il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali għar-reġjuni tal-FPE għandu jibqa’ kundizzjoni priċipali;

8.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jassumu r-responsabilità tagħhom biex ikomplu n-negozjati dwar il-kwistjonijiet l-oħra malajr kemm jista’ jkun; jenfasizza li ftehima għal perjodu twil tista' tintlaħaq biss jekk il-partijiet kollha kkonċernati jħossu li huma impenjati għaliha;

9.  Jirrikonoxxi li huwa importanti għall-Istati ta' l-AKP jimpenjaw ruħhom għall-proċess tal-partenarjat ekonomiku u li jippromwovu r-riformi meħtieġa biex l-istrutturi soċjali u ekonomiċi jinġiebu konformi mal-ftehimiet; iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' l-AKP biex jimplimentaw regoli ta' governanza tajba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm mal-prinċipji ta' asimmetrija sħiħa u flessibilità;

10.  Jisħaq li l-asimmetrija sħiħa fil-ftehimiet, kompatibbli mar-rekwiżiti tad-WTO, għandha tinkludi flessibilità massima fir-rigward tat-tnaqqis fit-tariffi, il-kopertura ta’ prodotti sensittivi u perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat qabel ma l-ftehima tkun trid tiġi implimentata għal kollox;

11.  Jenfasizza li l-offerta tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' l-oriġini tikkaratterizza tnaqqis tar-restrizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet attwali; jemmen li l-flessibilità meħtieġa għandha tinbena ġol-ftehima, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-livell ta' l-iżvilupp industrijali bejn l-UE u l-Istati ta' l-AKP kif ukoll fost l-Istati ta' l-AKP;

12.  Jinnota l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jiġu stimulati l-investiment, il-kummerċ ta’ servizzi u regoli dwar il-kompetizzjoni fil-FPE, peress li dan kollu jwassal għal tkabbir ekonomiku; jirrikonoxxi n-nuqqas ta' ħeġġa ta' xi gruppi reġjonali ta' l-AKP fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, fatt li jeħtieġ li jitqies mill-Kummissjoni;

13.  Ifakkar fl-impenji mill-Kunsill u l-Kummissjoni li ma jinnegozjawx dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini, bħal m’huma l-esklussività tad-dejta, l-estenzjonijiet tal-brevetti u l-limitazzjoni tar-raġunijiet tal-liċenzji obbligatorji;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika, waqt in-negozjati u wara li dawn jiġu konklużi, ta' l-impatt soċjali ta' l-FPE fuq il-gruppi li l-iktar jinsabu f'riskju;

15.  Jisħaq li r-regoli tal-kummerċ għandhom ikunu akkumpanjati minn żjieda fl-appoġġ għall-assistenza marbuta mal-kummerċ; jitlob li jsiru impenji konkreti qabel ma ssir il-konklużjoni tan-negozjati tal-FPE, li jkunu jindirizzaw l-assistenza marbuta mal-kummerċ u l-ispejjeż ta' aġġustament assoċjati mal-FPE, inluża l-għajnuna teknika biex l-Istati ta' l-AKP jkunu jistgħu jissodisfaw ir-regolamenti u l-istandards ta' l-importazzjoni ta' l-UE u b'hekk jibbenefikaw bis-sħiħ mill-aċċess imtejjeb għas-suq;

16.  Jisħaq li l-ftehimiet temporanji rigward prodotti biss għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna marbuta mal-FPE għall-appoġġ tal-kummerċ;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet temporanji ta' l-FPE skond l-Artikolu 300(3), it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill ta' l-AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-AKP u l-UE.