Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0498/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0498/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

5.12.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika

Proċedura : 2007/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0498/2007
Testi mressqa :
B6-0498/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0498/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

I. Preambolu

  • A.B.   billi l-Ftehima ta' Cotonou tistabbilixxi l-ftehim tal-partijiet biex jikkonkludu arranġamenti ġodda ta' kummerċ kompatibbli mad-WTO, li progressivament ineħħu l-ostakli għall-kummerċ bejniethom, itejjbu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ u l-iżvilupp, fuq il-bażi ta' l-acquis u li jtejjbu l-aċċess għas-swieq,
  • B.billi l-istabbiliment ta' swieq reġjonali jirrapreżenta strument ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-EPAs, u billi l-integrazzjoni reġjonali tirrapreżenta bażi importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' l-Istati ta' l-ACP,
  • C.ifakkar li l-objettiv tal-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali ACP-UE hu li jkun promoss l-iżvilupp u titrawwem l-integrazzjoni gradwali ta’ l-Istati ta’ l-ACP fl-ekonomija dinjija,
  • D.ifakkar li, skond id-Dikjarazzjoni ta’ Cape Town, l-objettiv ewlieni tan-negozjati EPA hu li jissaħħu l-ekonomiji ta’ l-Istati ta’ l-ACP,
  • E.jenfasizza li d-Dikjarazzjoni ta' Cape Town talbet biex in-negozjati jkunu strutturati b'mod miftuħ u trasparenti, li jqis id-differenzi fir-riżorsi u fil-livell ta’ l-iżvilupp bejn iż-żewġ naħat li jkunu qed jinnegozjaw,
  • F.jirikonoxxi l-fatt li, s'issa, għal raġunijiet varji, l-ebda tim ta' negozjaturi ta' l-ACP ma kien kapaċi li jikkonkludi n-negozjati fuq EPA komprensiv;

II. Il-proċess tan-negozjati

  • 1.Jinnota li l-Istati ta' l-ACP iddikjaraw li tqiegħdu taħt pressjoni mill-Kummissjoni biex jiffirmaw EPA u li dan imur kontra l-ispirtu tas-sħubija ACP-UE;
  • 2.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi li għad hemm bżonn aktar żmien biex l-istati ta' l-ACP jevalwaw, b'mod komprensiv, l-implikazzjonijiet tal-ftehimiet proposti, billi n-negozjati bdew isiru bis-serjetà f'dawn l-aħħar sentejn biss;
  • 3.Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni ddikjarat li, jekk ma jiġux stabbiliti ftehimiet, mill-1 ta' Jannar 2008, se jiġu imposti tariffi fuq ħafna esportazzjonijiet minn Stati ta’ l-ACP li mhumiex fil-kategorija ta' l-Inqas Pajjiżi Żviluppati (LDCs), u li dan jhedded il-benesseri u l-għajxien ta' miljuni ta' ħaddiema fi Stati ta’ l-ACP;
  • 4.Jinnota d-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġi adottat approċċ f’żewġ fażijiet bl-għan li jkun evitat tfixkil fil-kummerċ għal xi Stati ta' l-ACP u biex in-negozjati jibqgħu għaddejjin lilhinn mill-31 ta' Diċembru 2007 dwar EPAs komprensivi li jkunu favur l-iżvilupp;
  • 5.Jenfasizza l-importanza ta’ swieq reġjonali u jenfasizza li kwalunkwe approċċ f'żewġ fażijiet, jew kwalunkwe inizjattiva oħra li tista' tostakola l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP li għaddejjin bħalissa, għandhom jkunu evitati;
  • 6.Jenfasizza li l-Kummissjoni trid tonora l-impenji li ttieħdu fil-Ftehima ta' Cotonou biex ikun żgurat li l-Istati ta' l-ACP - inklużi dawk li m'humiex LDCs - li m'humiex f'qagħda li tippermettilhom li jiffirmaw EPA jridu jkunu pprovduti b'qafas ġdid għall-kummerċ li jkun ekwivalenti għas-sitwazzjonijiet eżistenti tagħhom u f'konformità ma' l-Artikolu 37(6) tal-Ftehima ta' Cotonou;
  • 7.Jistieden lill-partijiet biex jinkludu klawsola ta' reviżjoni perjodika fl-EPAs kollha, sabiex tkun evalwata l-implimentazzjoni tagħhom u biex ikun possibbli kwalunkwe tibdil neċessarju;

III. Prinċipji

   Approċċ globali

  • 8.Jemmen li l-ftehimiet kollha li jintlaħqu, kemm jekk ikunu temporanji kemm jekk ikunu EPAs kompleti, għandhom jiżguraw li l-ebda pajjiż ma jsib ruħu f'qagħda agħar wara l-iskadenza taż-żmien għan-negozjati;
  • 9.Jitlob li l-limitu minimu stipulat fil-ftehimiet temporanji għall-aċċess għal status ta' LDC jitbaxxa b'mod adegwat biex ikun jaqbel mal-livell ta' żvilupp tagħhom;
  • 10.Jenfasizza li l-proċess ta' integrazzjoni reġjonali għar-reġjuni ta' l-EPA jrid ikun prinċipju bażiku ta' l-EPAs, u li dawn il-ftehimiet iridu jkunu konsistenti ma', u jikkontribwixxu għal, tisħiħ ta' l-inizjattivi ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP;

   Titjib fl-Aċċess għas-Suq

  • 11.Japprezza li, għal dawk l-LDCs li għadhom m'humiex parti fi ftehima temporanja, l-inizjattiva 'Kollox minbarra l-armi' (EBA) waħidha mhix biżżejjed, u għandha tkun akkumpanjata minn regoli ta' l-oriġini mtejba u ssimplifikati;
  • 12.Jenfasizza li s-simplifikazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini hija prerekwiżit u li għandha tkun introdotta l-flessibilità meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ġodda;
  • 13.Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tinkludi l-assimetriji xierqa fil-ftehimiet, b'mod partikulari dwar: id-definizzjoni ta' 'sostanzjalment il-kummerċ kollu'; il-kopertura ta' prodotti sensittivi; it-tul tal-perjodi ta' transizzjoni u tar-ritmu tal-liberalizzazzjoni bbażat fuq il-benchmarks ta' l-iżvilupp; is-salvagwardji; u r-riżoluzzjoni ta' tilwim;
  • 14.Jinnota li l-konklużjoni ta' ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet mill-Kummissjoni tista' twassal għal iktar tneħħija ta' preferenzi ta' kummerċ li l-Istati ta' l-ACP bħalissa jgawdu minnhom, u li l-UE għalhekk għandha tqis dan u tipprovdi appoġġ xieraq għall-aġġustament, iktar kompettitività u diversifikazzjoni fl-Istati ta' l-ACP;
  • 15.Jitlob għalhekk għajnuna teknika u finanzjarja adegwata għall-Istati ta' l-ACP li tippermettilhom li jkunu konformi mar-regoli dwar l-importazzjoni ta' l-UE u jissodisfaw l-istandards relatati u b'hekk jieħdu benefiċċju sħiħ mill-aċċess imtejjeb għas-suq;

   L-indirizzar tal-limiti min-naħa ta' l-offerta

  • 16.Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ħafna mid-dispożizzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fl-oqsma tas-servizzi, l-kompetizzjoni, l-proprjetà intellettwali, u l-akkwisti tal-gvern minħabba li xi reġjuni ta’ l-ACP ma jridux jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun flessibbli f'din il-kwistjoni;
  • 17.Jiddispjaċih li d-dewmien fir-ratifikazzjoni tal-Ftehima ta' Cotonou riveduta tista' timpedixxi l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), li jista' jwassal għal tnaqqas fl-allokazzjonijiet annwali ta' l-għajnuna għall-koperazzjoni ACP-UE, u għalhekk jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha biex ilestu l-proċess ta' ratifikazzjoni malajr kemm jista' jkun;
  • 18.Jenfasizza li ftehim dwar 'merkanzija biss' irid jinkludi dispożizzjonijiet speċifici għall-għajnuna marbuta ma' l-EPA għall-appoġġ tal-kummerċ, flimkien ma' l-iffinanzjar mill-EDF, biex tibni kapaċità min-naħa ta' l-offerta u tindirizza l-impatt soċjali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-Istati ta' l-ACP;
  • 19.Jenfasizza li, barra min hemm, li t-twassil tar-riżorsi ta' l-EDF ma jridx ikun marbut, jew subordinat, għall-iffirmar ta' EPAs;

   Diversifikazzjoni tad-Dħul tal-Gvern

  • 20.Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-isfidi tad-diversifikazzjoni tad-dħul li jiffaċċjaw l-Istati ta' l-ACP, b'mod partikulari ladarba d-dazji fuq l-importazzjoni fuq kważi l-kummerċ kollu ma' l-UE se jitneħħew;
  • 21.Jilqa' l-proposta għall-istabbiliment ta' Fondi Reġjonali ta' l-EPA, li jinkludu 'faċilità ta’ aġġustament fiskali', li tikkonsisti f'kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri ta' l-UE, sabiex tipprovdi assistenza finanzjarja għal inizjattivi ta' diversifikazzjoni tad-dħul fl-Istati ta’ l-ACP u sabiex tkun ta’ appoġġ għal inizjattivi ta’ kummerċ ġust;

   L-Indirizzar ta’ l-Effetti tal-kummerċ estern tar-riforma tal-politika komuni għall-agrikoltura

  • 22.Jitlob lill-UE biex tiżgura li kwalunkwe riforma tal-politika komuni għall-agrikoltura (CAP) tkun koerenti bis-sħiħ ma' l-objettivi tal-politika ta' l-iżvilupp u l-koperazzjoni ma' l-Istati ta' l-ACP;
  • 23.Jemmen li tagħlimiet importanti minn riformi agrikoli aktar bikrin (inklużi l-aġġustamenti fl-oqsma tal-banana u tar-rum, kif ukoll ir-riforma tal-CAP ta' l-UE) iridu jkunu applikati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament tas-settur taz-zokkor;

   Id-dimensjoni tal-ġeneru

  • 24.Jiddispjaċih li, s'issa, ma ġewx żviluppati miżuri pożittivi speċifiċi biex jiġu salvagwardati u promossi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet skond l-Artikolu 31 tal-Ftehima ta' Cotonou, u li ma kienx hemm integrazzjoni tas-sessi fil-proċess tan-negozjati ta' l-EPA; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika, matul in-negozjati u wara li jiġu konklużi, ta' l-impatt soċjali ta' l-EPAs fuq il-gruppi l-iktar vulnerabbli;

Konklużjoni

  • 25.Jaqbel li jorganizza superviżjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE biex ikun immonitorat u rivedut pubblikament l-impatt ta' l-implimentazzjoni ta' l-EPA fuq il-kummerċ u l-iżvilupp, biex titjieb il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u biex jitfasslu mekkaniżmi biex jiżguraw ir-responsabiltà u r-rappurtar regolari tal-kontribuzzjoni ta' l-EPA għall-iżvilupp ekwu u sostenibbli;
  • 26.Jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li kwalunkwe qafas ġdid għall-kummerċ ma jħalli l-ebda pajjiż f'qagħda agħar milli kien, u, barra minn hekk, li arranġamenti ġodda għall-kummerċ jrawwmu l-prosperitá u l-iżvilupp sostenibbli fl-Istati kollha ta’ l-ACP;
  • 27.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta' l-Istati ta' l-ACP.