MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
5.12.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gianluca Susta, Thierry Cornillet u Danutė Budreikaitė
f'isem il-Grupp ALDE
dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika
B6‑0499/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),
- wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAER) tad-19 ta' Novembru 2007 fir-rigward tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE adottata fl-20 ta’ Novembru 2007 f'Kigali dwar ir-reviżjoni tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs),
- wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' politika tad-9 ta' Novembru 2007 mill-Ministri ta’ l-Istati ta' l-ACP dwar l-EPAs,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 36(1) tal-Ftehima ta' Cotonou jistabbilixxi l-ftehim tal-partijiet biex jikkonkludu arranġamenti ġodda ta' kummerċ kompatibbli mad-WTO, filwaqt li progressivament jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ bejniethom u titjieb il-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ u l-iżvilupp,
B. billi l-eżenzjoni ta’ din il-ftehima mil-liġi tad-WTO se tiskadi fit-tmiem ta’ l-2007,
C. billi diversi Stati ta’ l-ACP jsibuha bi tqila ħafna biex jikkonkludu ftehimiet EPA u ddikjaraw li huma tpoġġew taħt pressjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiffirmaw EPA, filwaqt li oħrajn jinsistu fuq l-importanza għall-ekonomija tagħhom li jkollhom aċċess għas-suq ta' l-UE,
D. billi l-ħolqien ta’ swieq reġjonali jirrappreżenta strument ewlieni biex l-EPAs jiġu implimentati b’suċċess,
E. billi n-negozjati dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, biex tiġi sostitwita l-Ftehima ta' Cotonou, m'humiex mixjin bl-istess pass fis-sitt reġjuni u x’aktarx m’humiex se jiġu konklużi fi kwalunkwe każ qabel it-tmiem ta’ l-2007,
F. billi f'Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea għamlet offerta lill-Istati ta’ l-ACP għal ftehima temporanja, bħala l-ewwel fażi ta’ l-EPAs li jkopru l-kummerċ fi prodotti u l-oqsma kollha li diġà jista’ jsir ftehim dwarhom, bħal regoli ta’ oriġini, li għandha tiġi implimentata sa mill-31 ta' Diċembru 2007,
G. filwaqt li jfakkar li, skond id-Dikjarazzjoni ta’ Cape Town, l-objettiv ewlieni tan-negozjati EPA hu li jissaħħu l-ekonomiji ta’ l-Istati ta’ l-ACP,
H. filwaqt li jenfasizza l-fatt li d-Dikjarazzjoni ta' Cape Town talbet biex in-negozjati jkunu strutturati b'mod miftuħ u trasparenti, li jqis id-differenzi fir-riżorsi u fil-livell ta’ l-iżvilupp bejn iż-żewġ naħat li jkunu qed jinnegozjaw,
I. filwaqt li jfakkar li l-objettiv tal-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali ACP-UE hu li jkun promoss l-iżvilupp u li titrawwem l-integrazzjoni gradwali ta’ l-Istati ta’ l-ACP fl-ekonomija dinjija,
1. Itenni t-twemmin tiegħu li l-EPAs iridu jkunu strumenti ta’ żvilupp sabiex ikunu promossi l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-faqar fl-Istati ta’ l-ACP u biex titrawwem l-integrazzjoni gradwali ta’ l-Istati ta’ l-ACP fl-ekonomija dinjija;
2. Jinnota l-pass bil-mod tan-negozjati, li minħabba f’hekk, x’aktarx, ma tiġi ffirmata l-ebda ftehima sħiħa ma’ kwalunkwe wieħed mill-gruppi reġjonali ta’ l-ACP sal-31 ta’ Diċembru 2007, li jista’ joħloq inċertezza fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP;
3. Jinnota d-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġi adottat approċċ f’żewġ fażijiet sabiex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ għal xi Stati ta' l-ACP u biex in-negozjati jibqgħu għaddejjin lilhinn mill-31 ta' Diċembru 2007 dwar EPAs komprensivi li jkunu favur l-iżvilupp;
4. Jinnota l-proposta magħmula mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 2007 u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-GAERC tas-17 ta' Novembru 2007 biex jiġu konklużi, fl-ewwel fażi tan-negozjati, ftehimiet temporanji limitati għall-kummerċ ta' prodotti;
5. Jinnota l-konklużjoni tal-Ftehima ta' Qafas temporanja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Msieħba tal-Komunità ta' l-Afrika tal-Lvant, konkluża f'Kampala fis-27 ta’ Novembru 2007, li tiggarantixxi li l-prodotti ta’ dawk l-Istati jkollhom aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq ta’ l-UE;
6. Jitlob biex il-limitu minimu għall-aċċess tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) għal ftehimiet temporanji jitbaxxa b'mod adegwat biex ikun jaqbel mal-livell ta' żvilupp tagħhom;
7. Jenfasizza li l-ħolqien ta' suq reġjonali ġenwin jirrappreżenta bażi essenzjali biex l-EPAs jiġu implimentati b'suċċess u li l-integrazzjoni reġjonali hi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ l-Istati ta' l-ACP; jenfasizza li għalhekk il-ftehimiet iridu jgħinu biex ir-reġjuni jibqgħu uniti;
8. Jistieden liż-żewġ partijiet biex jassumu r-responsabilità tagħhom biex jitkomplew in-negozjati dwar il-kwistjonijiet l-oħra malajr kemm jista’ jkun; jenfasizza li ftehima fit-tul tista' biss tintlaħaq jekk il-partijiet kollha kkonċernati jħossuhom impenjati għaliha;
9. Jafferma mill-ġdid li l-EPAs għandhom ikunu kompatibbli għal kollox mad-WTO; jafferma li, minħabba li l-maġġoranza kbira ta’ l-LDCs ta’ l-ACP għandhom ekonomiji fraġli, il-livell ta’ kompatibilità għandu jsir konformi mal-livell ta’ żvilupp u tal-limitazzjonijiet ekonomiċi tagħhom (bħal dawk li jaffettwaw lill-pajjiżi li huma gżejjer u dawk li huma mdawra bl-art, etc.); iħeġġeġ għalhekk għal flessibilità meta jkunu ttrattati l-prodotti sensittivi, it-tul ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni u l-esklużjonijiet;
10. Iħeġġeġ biex jitqiesu l-interessi speċifiċi tar-reġjuni l-iktar imbiegħda u tal-pajjiżi u t-territorji barranin fin-negozjati EPA fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 299(2) u (3) tat-Trattat KE;
11. Jirrikonoxxi li huwa importanti għall-Istati ta' l-ACP li jimpenjaw ruħhom għall-proċess ta’ sħubija ekonomika u li jippromwovu r-riformi meħtieġa biex l-istrutturi soċjali u ekonomiċi jsiru konformi mal-ftehimiet; iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' l-ACP biex jimplimentaw regoli ta' governanza tajba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm mal-prinċipji ta’ asimmetrija sħiħa u ta’ flessibilità;
12. Jenfasizza li l-offerta tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' oriġini tindika li qed jirtabu d-dispożizzjonijiet attwali; jemmen li l-flessibilità meħtieġa għandha tkun mibnija fil-ftehima, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-livell ta' l-iżvilupp industrijali bejn l-UE u l-Istati ta' l-ACP kif ukoll fost l-Istati ta' l-ACP;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkun flessibbli dwar oqsma relatati mas-servizzi, mal-kompetizzjoni, mal-proprjetà intellettwali u ma’ l-akkwisti tal-gvern, minħabba li xi reġjuni ta’ l-ACP jsibuha bi tqila biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;
14. Ifakkar l-impenji tal-Kunsill u l-Kummissjoni li ma jinnegozjawx dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għal mediċini, bħall-esklużività tad-dejta, l-estenzjonijiet ta’ privattivi u l-limitazzjoni tar-raġunijiet ta’ liċenzji obbligatorji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika, matul in-negozjati u wara li jiġu konklużi, ta' l-impatt soċjali ta' l-EPAs fuq il-gruppi li l-iktar jinsabu f'riskju;
16. Jenfasizza li r-regoli tal-kummerċ iridu jkunu akkumpanjati minn żieda fl-appoġġ għall-assistenza relatata mal-kummerċ, partikolarment bħala appoġġ għall-kummerċ reġjonali u f’konformità mar-regolamenti u l-istandards ta’ l-UE dwar l-importazzjoni, u li ftehimiet temporanji jridu jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna għall-kummerċ relatata ma’ l-EPA minbarra l-finanzjament ta’ l-EDF; jitlob li jittieħdu impenji konkreti qabel il-konklużjoni tan-negozjati EPA, li jindirizzaw l-assistenza relatata mal-kummerċ u l-ispejjeż ta' aġġustament assoċjati ma' l-EPAs, f’konformità sħiħa ma’ l-istrateġija ta’ l-UE dwar l-għajnuna għall-kummerċ;
17. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li qed tiġi diskussa biex jiġu stabbiliti fondi reġjonali ta' l-EPA, li se jiffaċilitaw l-orjentazzjoni tar-riżorsi tad-donaturi ta’ l-UE u se jipprovdu assistenza finanzjarja għal inizjattivi ta’ diversifikazzjoni tad-dħul;
18. Iqis li l-konklużjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet dwar kummerċ ħieles ma’ pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw m’għandhiex twassal għal tnaqqis fil-preferenzi kummerċjali li bħalissa jgawdu minnhom il-pajjiżi ta’ l-ACP;
19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet temporanji EPA skond l-Artikolu 300(3), it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill ta' l-ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE.