MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
6.12.2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Kader Arif, Anne Ferreira, Glyn Ford, Erika Mann u Joan Calabuig Rull
f'isem il-Grupp PSE
dwar the future of the European textile sector in 2008
B6‑0505/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tas-settur tessili Ewropew fl-2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim li ġie konkluż f'Ġunju 2005 bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Ministeru għall-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina dwar sistema ta' sorveljanza konġunta fuq l-importazzjoni għas-sena 2008,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ wara l-2005[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi ċ-Ċina tikkostitwixxi l-pajjiż produttur prinċipali u l-ikbar esportatur dinji ta' tessuti u tal-ħwejjeġ lejn l-Unjoni Ewropea,
B. billi l-Kummissjoni u ċ-Ċina, wara li ntemmet il-Ftehima tal-Multifibre fil-livell tal-WTO fl-2005, ikkonkludew ''Memorandum ta' Ftehim'' u imponew restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina ta' ċerti kategoriji ta' tessuti għal perjodu tranżizzjonali li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,
C. billi l-Unjoni Ewropea u l-Ministru Ċiniż għall-Kummerċ Internazzjonali ddeċidew dwar sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-importazzjonijiet għas-sena 2008,
D billi, wara l-adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO, il-membri tal-WTO ġew awtorizzati jadottaw miżuri ta' salvagwardja speċjali f'forma ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi sa l-aħħar ta' l-2008 kieku s-suq kellu jiġi interrott,
E. billi 70% ta' l-oġġetti ffalsifikati li qed jidħlu fis-swieq Ewropej jiġu miċ-Ċina u nofs il-proċeduri tad-dwana Ewropej kontra l-iffaslifikar jirrelataw mat-tessuti u l-ħwejjeġ,
F. billi fil-maġġoranza tal-każijiet is-settur tessili fl-UE huwa kkonċentrat f'reġjuni li huma affettwati ħafna mir-ristrutturazzjoni ekonomika u billi s-settur huwa magħmul prinċipalment mill-iSMEs,
1. Huwa konxju li t-tneħħija definittiva tas-sistema tal-kwoti hija r-riżultat ta' ftehima li torbot legalment li ġiet konkluża meta ċ-Ċina daħlet tagħmel parti mis-sistema tal-WTO, iżda iqis li l-Unjoni Ewropea tista' tuża, meta jkun hemm bżonn, il-possibiltà legali li tapplika miżuri ta' salvagwardja sa l-aħħar ta' l-2008;
Kompetittività esterna
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-kompetittività esterna tas-settur tessili Ewropew kollu kemm hu, billi tiżgura kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq aħjar u iktar affidabbli bi ftehimiet multilaterali, reġjonali u bilaterali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-opportunità li tinnegozja ftehimiet kummerċjali bħal dawn biex tħeġġeġ pajjiżi terzi biex josservaw l-istandards ambjentali u soċjali, bħal pereżempju x-xogħol deċenti, biex jiġi miġġieled id-dumping ambjentali u soċjali u jiġi garantit żvilupp ekonomiku ġust bejn l-imsieħba;
4. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv l-immodernizzar ta' l-industrija tessili bbażata fl-UE bl-appoġġ lill-innovazzjoni teknoloġika, lir-riċerka u lill-iżvilupp permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas, kif ukoll it-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari għall-iSMEs;
5. Iqis li għandhom jiġu applikati regoli li jorbtu fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet ta' l-oriġini tat-tessuti importati minn pajjiżi terzi u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-proposta pendenti għal regolament dwar l-indikazzjoni tal- ''made in''; jinnota li dan ir-regolament jista' jgħin sabiex ikun hemm aktar ħarsien tal-konsumatur u jista' jappoġġja l-industrija Ewropea, ibbażata fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kwalità;
Kummerċ inġust u ffalsifikar
6. Iqis l-istrumenti tad-difiża kummerċjali bħala mekkaniżmi fundamentali għall-irregolar u bħala għodda leġittima biex jiġu ffaċjati l-prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta' pajjiżi terzi, partikolarment għas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza u l-previżibilità tat-TDIs fl-UE sabiex il-proċeduri jiġu aċċellerati u simplifikati, kif ukoll biex jiġi faċilitat l-aċċess ta' l-iSMEs għat-TDIs;
7. Jibża' li prattiki kummerċjali inġusti jistgħu jwasslu lil bosta kumpaniji fis-settur biex jagħlqu l-fabbriki tagħhom fl-Ewropa u biex jittrasferixxu l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-Unjoni Ewropea, b'konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji f'ċerti oqsma tessili tradizzjonali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel pressjoni politika u ekonomika fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jiżvalutaw b'mod artifiċjali l-munita Ċiniża, għaliex dan qed jiffaċilita l-fluss ta' l-importazzjonijiet tat-tessuti u tal-ħwejjeġ Ċiniżi; jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrevedu l-bilanċ tal-kambju estern tagħhom ta' l-euro/dollar;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tindirizza l-ksur tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, speċjalment l-iffalsifikar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċċja dan il-ksur b'iktar saħħa fuq livell multilaterali u bilaterali;
Is-sorveljanza ta' l-importazzjonijiet
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kif għandha titwaqqaf is-sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-importazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi implimentazzjoni xierqa ta' dan l-irduppjar tal-kontrolli u biex tevalwa l-effettività tagħha; jenfasizza li s-sistema ta' l-irduppjar tal-kontrolli ma tistax tiġi implimentata fl-2008 biss u li sistema ta' sorveljanza effettiva għandha tiġi garantita għal perjodu ta' żmien itwal;
11. Jitlob lill-Grupp Tessili ta' Livell Għoli biex jiżgura li s-sistema ta' sorveljanza ta' l-importazzjonijiet tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea qed taħdem kif suppost;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq sistema ta' monitoraġġ ħalli tevalwa r-riżultati qabel t-tmiem ta' l-ewwel tliet xhur ta' l-2008 biex b'hekk tiżgura li l-effetti ħżiena taż-żieda fl-importazzjoni tat-tessuti jkunu meqjusa mill-ewwel; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta r-riżultati lill-Parlament;
Appoġġ għall-industrija tessili u għall-ħaddiema ta' l-industrija fl-UE
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, meta s-settur tessili huwa affettwat b'mod negattiv mil-liberalizzazzjoni tas-suq, jgħinu lill-ħaddiema permezz ta' miżuri soċjali u biex jimplimentaw il-pjanijiet prattiċi għal kumpaniji li qed jiffaċċjaw miżuri ta' ristrutturazzjoni; ifakkar li l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa strument biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet;
Sigurtà u ħarsien tal-konsumatur
14. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi li prodotti tessili importati li jidħlu fis-suq ta' l-UE jkunu soġġetti għal rekwiżiti identiċi fir-rigward tas-sigurtà u l-ħarsien tal-konsumatur bħal dawk il-prodotti tessili mmanifatturati fl-UE;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni u studju xierqa dwar il-kwistjoni ta' l-allegazzjoni ta' ''pass-through'' (trasferiment) tat-tnaqqis tal-prezzijiet lill-konsumaturi ta' l-UE;
Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE
16. Jenfasizza li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tat-tessuti mhux biss se toħloq kambjamenti radikali fit-tendenzi ta' l-importazzjoni fis-suq ta' l-UE, iżda wkoll hemm riskju li jkollha impatt fuq is-settur tal-ħwejjeġ u tat-tessuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-ħolqien ta' zona ta' produzzjoni Ewro-Mediterranja fis-settur tat-tessuti, billi tibbenefika mill-viċinanza ġeografika tas-swieq Mediterranji u Ewropej sabiex tinħoloq zona ta' kompetizzjoni internazzjonali li tkun tista' tiżgura li jinżammu l-produzzjoni industrijali u l-impjiegi;
Informazzjoni tal-Parlament Ewropew
18. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew bl-informazzjoni kollha dwar kwalunkwe żvilupp fil-qafas tal-kummerċ internazzjonali tat-tessuti;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2005)0321