MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
5.12.2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Eugenijus Maldeikis, Roberta Angelilli u Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp UEN
dwar it-tessuti
B6‑0907/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tessuti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim li ġie konkluż f'Ġunju 2005 bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ wara l-2005[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ċ-Ċina tirrapreżenta waħda mill-importaturi ewlenin tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea, b'ammont ta' madwar 5 miljun tunnellata fil-perjodu Jannar-Awissu 2007, żieda ta' 24 % meta mqabbla ma' dik tas-sena ta' qabel,
B billi l-miżuri tranżizzjonali pprovduti fil-Memorandum ta' Ftehim maċ-Ċina, li hi l-akbar produttur fid-dinja u importatur ewlieni lejn l-Unjoni Ewropea, se jiskadu sa tmiem din is-sena u l-aħħar restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tat-tessuti se jispiċċaw,
C. billi l-Unjoni Ewropea u l-Ministeru Ċiniż għall-Kummerċ Internazzjonali ddeċidew dwar sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-importazzjonijiet għas-sena 2008,
D. billi wara s-sħubija taċ-Ċina fid-WTO, il-membri tad-WTO kienu awtorizzati li jadottaw miżuri speċjali ta' salvagwardja fis-sura ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq prodotti esportati miċ-Ċina sa tmiem l-2008 jekk ikun hemm tħarbit fis-suq,
E. billi, f'ħafna każi, is-settur tat-tessuti hu kkonċentrat f'numru ta' reġjuni li huma żvantaġġjati f'termini ta' qgħad u ta' żvilupp ekonomiku, u billi s-settur hu prinċipalment magħmul minn intrapriżi żgħar,
F. billi t-tiftix ta' kundizzjonijiet aħjar għall-aċċess għas-suq f'pajjiżi terzi għall-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ta' l-UE hu vitali għall-futur tas-settur tat-tessuti u taż-żraben,
G. billi garanzija għall-aċċess għall-materja prima hi ukoll fattur ewlieni għall-iżvilupp tas-settur fil-futur,
H. billi hu estremament importanti li tkompli tiġi mmodernizzata u żviluppata mill-ġdid l-industrija tat-tessuti kif ukoll li l-innovazzjoni, ir-riċerka, it-taħriġ u l-miżuri soċjali jikkontribwixxu għall-bidliet possibbli fis-suq dinji,
I. billi 70% ta' l-oġġetti ffalsifikati li qed jidħlu fis-swieq Ewropej jiġu miċ-Ċina u nofs il-proċeduri tad-dwana Ewropej kontra l-iffasifikar jirrigwardaw it-tessuti u l-ħwejjeġ,
J. billi l-istrumenti attwali li jħarsu l-kummerċ (miżuri anti-dumping u anti-subsidy) għandhom ikomplu jkunu għodda importanti biex jaffrontaw l-importazzjoni illegali minn pajjiżi terzi, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ li attwalment tilef il-protezzjoni tal-kwota,
K. billi ftehimiet bilaterali maċ-Ċina għandhom joffru l-opportunità li jiġu sorveljati l-effetti tal-liberalizzazzjoni sħiħa kif ukoll bħala evalwazzjoni kostanti ta' l-iskambji kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-UE,
L. billi l-waqfien tas-'sistema tal-kwota', kif jidher mill-bidliet radikali reċenti fit-tendenzi ta' l-importazzjoni fis-suq ta' l-UE, joħloq riskju li jkun hemm impatt fuq is-setturi tal-ħwejjeġ u tat-tessuti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u partikolarment fl-imsieħba Mediterranji ta' l-UE,
1. Hu konxju mill-fatt li l-abolizzjoni definittiva tas-sistema tal-kwota hi r-riżultat ta' ftehima li torbot legalment u li saret meta ċ-Ċina ssieħbet mas-sistema tad-WTO, li fil-prinċipju għandha żżid ir-rabtiet ekonomiċi taż-żewġ naħat;
2. Iqis li l-Unjoni Ewropea tista' u għandha, jekk meħtieġ, tutilizza legalment l-awtorizzazzjoni sabiex tapplika miżuri ta' salvagwardja sa tmiem is-sena 2008 jekk jiġu rrispettati r-rekwiżiti legali;
3. Iqis li l-irwol u l-funzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli, li għandu jiżgura s-superviżjoni ta' sistema ta' sorveljanza ta' rduppjar ta' kontrolli tal-prodotti esportati Ċiniżi lejn l-UE, bħala estremament importanti; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi implimentazzjoni xierqa ta' dan l-irduppjar ta' kontroll u jqis li s-sistema ta' sorveljanza għandha tiġi estiża lil hinn mill-2008;
4. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel pressjoni politika u ekonomika fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jiżvalutaw b'mod artifiċjali l-munita Ċiniża li qed tiffaċilita l-fluss ta' l-importazzjonijiet tal-ħwejjeġ u tat-tessuti Ċiniżi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa u timplimenta pjan prattiku li jgħin l-istrutturar u t-taħriġ mill-ġdid tas-settur tat-tessuti u partikolament lill-kumpaniji żgħar li huma milquta sew mil-liberalizzazzjoni tas-suq; iqis essenzjali li jittieħdu miżuri biex tiġi appoġġjata l-innovazjoni teknoloġika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibda jintuża b'mod sostanzjali għar-ristrutturazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tas-settur tessili;
6. Hu mħasseb dwar il-livell attwali għoli ta' ostakoli ta' tariffi jew ostakoli mhux ta' tariffi f'pajjiżi terzi, li jevitaw kompetizzjoni effettiva fis-swieq dinjija u jillimataw l-aċċess għall-industrija Ewropea tal-ħwejjeġ u tat-tessuti, partikolarment għall-kumpaniji żgħar fis-settur;
7. Hu mħasseb dwar il-ksur sistematiku tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali jew il-livell insuffiċjenti tal-liġijiet attwali f'pajjiżi terzi li jista' jwassal għal riskji serji għas-saħħa tal-konsumatur mis-settur speċifiku tal-ħwejjeġ;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet ta' ostakoli inġusti għall-aċċess għas-suq u l-ksur ta' l-IPRs, l-aktar l-iffalsifikar, fuq livell multilaterali u bilaterali;
9. Iqis li għandhom jiġu applikati r-regoli li jorbtu dwar l-indikazzjoni ta' l-oriġini għat-tessuti impurtati minn pajjiżi terzi, u f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta pendenti għal regolament;
10. Iqis li l-użu ta' Strumenti għall-Ħarsien tal-Kummerċ (partikolarment anti-dumping u anti-subsidy) bħala għodda leġittima, taħt il-protezzjoni tad-WTO, li biha tista' ssir reazzjoni kontra l-importazzjoni illegali minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma tagħmilx riformi unilaterali lis-sistema li jistgħu jikkumplikaw aktar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-adozzjoni ta' miżuri f'dan il-qasam;
11. Jibża' li l-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-ħwejjeġ u tat-tessuti tista' ġġiegħel ħafna kumpaniji jagħlqu l-impjanti tagħhom fl-Ewropa u jittrasferixxu l-attivitajiet tagħhom barra l-Unjoni Ewropea, b'konsegwenzi serji soċjali u ekonomiċi f'uħud miz-zoni tessili tradizzjonali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kwistjoni ta' tiftix ta' riżorsi xierqa u affidabbli ta' materja prima għat-tessuti fil-politika tal-kummerċ tagħha kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq dak multilaterali;
13. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Mediterran biex jieħdu l-passi neċessarji ħalli jippermettu l-iffunzjonar effettiv u adatt ta' l-integrazzjoni EuroMed, inkluża integrazzjoni aktar sħiħa Nofsinhar-Nofsinhar, sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-tessuti;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2005)0321