MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
5.12.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2008
B6‑0508/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2008 (COM(2007)640),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Politika Annwali għall-2008 (COM(2007)65),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sena 2008 se tkun sena kruċjali għall-ġejjieni ta' l-Ewropa u li matul din is-sena qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri, trid tittieħed deċiżjoni dwar it-Trattat ta' Riforma; billi minkejja l-importanza ta' din il-kwistjoni m'huma qed isiru l-ebda sforzi sabiex iċ-ċittadini jkunu involuti fid-diskussjoni u fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar politika għall-ġejjieni,
B. billi l-appoġġ taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għall-integrazzjoni Ewropea qed jonqos mhux minħabba strateġija insuffiċjenti ta' relazzjonijiet pubbliċi iżda minħabba li rriżulta li l-UE mhix kapaċi ssolvi l-problemi tal-qgħad, tal-faqar, ta' l-inugwaljanza u tan-nuqqas ta' demokrazija,
C. billi l-ġlieda u r-reżistenza ta' ħaddiema, konsumaturi u ta' utenti tas-servizzi pubbliċi kontra riformi fis-sigurtà soċjali inġusti, tnaqqis fid-dħul, privatizzazjoni u liberalizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali u r-rilokazzjoni ta' intrapriżi imposti u promossi bil-politika ta' l-UE qed jissaħħu,
1. Jiddeplora bil-qawwa il-fatt li l-istrateġija u l-politika tal-Kummissjoni jmorru kontra l-islogan mill-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tagħha stess 'Inqiegħdu ċ-Ċittadin l-ewwel' u għalhekk huwa ta' l-opinjoni li tinħtieġ bidla politika sostanzjali mill-Kummissjoni u mill-Unjoni Ewropea;
2. Jappella għal dibattitu profond maċ-ċittadini dwar il-ġejjieni ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll għal referenda fl-Istati Membri kollha ta' l-UE dwar it-Trattat ta' Riforma;
Għal żjieda u titjib fis-servizzi pubbliċi u għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali
3. Huwa ferm imħasseb bir-ritmu li qed jgħaġġel tal-proċess ta' liberalizzazzjoni u ta' deregolazzjoni f'ħafna oqsma, li qed jipperikola l-impjieg, il-kwalità tas-servizzi mogħtija u l-ġejjieni tas-servizzi pubbliċi fl-UE; huwa mħasseb b'mod partikulari dwar ix-xewqa tal-Kummissjoni li, minkejja kull żvantaġġ, issostni u tkompli taħdem favur il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru u tan-navigazzjoni fl-ajru mingħajr ma tagħti ebda garanziji dwar kwistjonijiet soċjali jew ta' sigurtà; ifakkar li għal dawn l-oqsma, bħat-trasport bl-ajru u oħrajn, li jolqtu s-sikurezza ta' persuni u ta' prodotti, l-ewwel kriterju għandu jkun dak tal-kwalità tas-servizzi u ta' livell għoli ta' sikurezza u mhux tal-qligħ finanzjarju; jieħu nota tal-pakkett tat-trasport bil-baħar; huwa kontra kwalunkwe tentattiv li jaħrab mill-votazzjoni tal-Parlament Ewropew, li darbtejn ma laqax il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-port;
4. Jitlob għal moratorju fuq il-politiki ta' liberalizzazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq studji flimkien ma' dawk ikkonċernati dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-politiki ta' liberalizzazzjoni;
5. Jenfasizza l-importanza tas-servizzi pubbliċi u ta' l-għoti tagħhom għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jikkritika bl-aħrax il-preġudizzju kontra l-Istat bħala fornitur tas-servizzi ta' interess ġenerali u jappella sabiex l-affarijiet pubbliċi jitqiegħdu taħt it-tmexxija tas-settur pubbliku; jinsisti għat-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-Istat fir-regolazzjoni, fil-parteċipazzjoni u fl-intervent fis-suq u għal qafas regolatorju aħjar, l-aktar fuq is-swieq kapitali;
6. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħsieb tal-Kummissjoni, rifless fid-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Mandelson sabiex l-istrument ta' difiża għall-kummerċ (TDI) jiġi rrivedut għall-benefiċċju ta' dawk l-intrapriżi li jċaqalqu s-sit tal-produzzjoni tagħhom mill-Ewropa għal pajjiżi terzi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi minħabba standards aktar baxxi soċjali u ekoloġiċi u minħabba pagi baxxi;
7. Ifakkar fit-talba tiegħu għall-ħolqien ta' qafas regolatorju fuq livell ta' l-UE sabiex jippenalizza r-rilokazzjoni ta' ditti fl-UE u 'l barra mill-UE; iqis li l-għajnuna pubblika lill-intrapriżi, fuq livell nazzjonali u ta' l-UE, għandha tkun marbuta ma' impenji fuq tul taż-żmien minnhom fir-rigward ta' żvilupp reġjonali u impjieg, u li m'għandha tingħata ebda għajnuna li tkun tista' tintuża sabiex tippromwovi r-rilokazzjonijiet; jappella għal irwol imsaħħaħ għar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq il-bords eżekuttivi tal-kumpaniji u fid-deċiżjonijiet strutturali tat-tmexxija;
8. Jinnota li f'dawn l-aħħar snin, f'ħafna oqsma l-konċentrazzjoni ħaffet il-pass b'rata qawwija ħafna, li wasslet għal konsegwenzi ħżiena għall-konsumaturi, l-impjegati, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; għalhekk jappella għal azzjoni aktar qawwija mill-Kummissjoni sabiex tikkumbatti l-kartels u sabiex tiġi abbandunata l-politika li hija l-aktar immirata għall-promozzjoni ta' xempji ta' suċċess Ewropej;
9. Jinnota l-ħsieb tal-Kummissjoni li tirrivedi l-Unjoni Monetarja Ewropea għaxar snin wara t-tnedija ta' l-EMU; iqis li l-politika monetarja u fiskali fl-UE hija restrittiva; u bil-għan ewlieni li jkun hemm stabilità fil-prezzijiet u konsolidazzjoni fil-baġit skond il-Patt għall-Istabbilità u t-Tkabbir; jenfasizza li l-proċess ta' konverġenza nominali lejn l-Euro u s-segwitu tiegħu kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi, fuq il-koeżjoni soċjali u ekonomika u l-konverġenza reali bejn l-Istati Membri ta' l-UE, fuq l-investiment pubbliku, filwaqt li qiegħed f'riskju l-irkupru ekonomiku dgħajef attwali, u l-ġlieda kontra l-qgħad;
Is-sostituzzjoni ta' l-Aġenda ta' Liżbona b'aġenda għal Ewropa soċjali
10. Jerġa jafferma l-kritika tiegħu fir-rigward ta' l-Aġenda ta' Liżbona li kienet l-għodda ewlenija fl-UE għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni tas-servizzi essenzjali u pubbliċi, tal-flessibilità u l-adattabilità tas-swieq tax-xogħol, tal-moderazzjoni fil-pagi u tal-ftuħ għall-interessi privati tal-parti l-kbira tal-miżuri tas-sigurtà soċjali, inklużi l-pensjonijiet u dawk tas-saħħa;
11. Jenfasizza li issa huwa ż-żmien għal strateġija ġdida li tfassal triq ġdida għall-Ewropa, triq li fiha impjieg sħiħ, impjiegi diċenti bi drittijiet, pagi aħjar, koeżjoni soċjali u ekonomika u ħarsien soċjali għal kulħadd li jiggarantixxi l-ogħla standards ta' għajxien; triq li tagħti kas tal-ħtiġijiet ta' żvilupp ta' kull Stat Membru, l-aktar dawk anqas żviluppati, u li tippromwovi l-konverġenza reali u tgħin sabiex tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u d-differenzi ekonomiċi, soċjali u reġjonali eżistenti;
12. Jenfasizza li r-reviżjoni ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) u l-Linji Gwida Integrati għaċ-ċiklu li jmiss 2008-2010 m'għandhiex tkun ibbażata fuq il-kunċett ta' flexi-sigurtà tal-Kummissjoni, iżda minflok tibda mill-kunċett ta' 'Ħidma Tajba' bħala l-punt ta' riferenza ċentrali tagħha, b'fokus qawwi fuq il-promozzjoni tal-kwalità fix-xogħol, sigurtà soċjali u inklużjoni soċjali mtejba, pagi ogħla, u t-tisħiħ tad-drittijiet eżistenti tal-ħaddiema u l-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda, il-promozzjoni ta' tmexxija aħjar tar-riskji soċjali u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata;
13. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirtira l-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u sabiex tibda proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mad-direttiva eżistenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol u mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-ħin 'on-call'; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposta ta' reviżjoni ġdida li jkollha l-għan li gradwalment tneħħi l-'opt-out' u li tistabbilixxi obbligi konkreti għall-impjegati sabiex jimplimentaw arranġamenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata;
14. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-Kumitat tax-Xogħol (94/45/KE); jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis kif xieraq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-4 ta' Settembru 2001 dwar din il-kwistjoni;; jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Kumitati tax-Xogħol Ewropej iridu jiksbu d-dritt li jimblukkaw il-miżuri ta' ristrutturar - inklużi dawk relatati ma' l-għaqda ta' kumpaniji jew it-teħid tal-kontroll ta' kumpaniji - għal ċertu perjodu ta' żmien sabiex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jkollhom iċ-ċans li jfasslu pjan alternattiv biex jiġi diskuss mat-tmexxija tal-kumpanija;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs barra mill-impjieg, li għandha tagħti livell għoli ta' ħarsien kontra d-diskriminazzjoni;
16. Jinnota l-ħsieb tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-ħarsien tal-maternità, li għandha twassal għal titjib kbir fil-livell ta' ħarsien ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li jkunu għadhom kif welldu jew li jkunu qed ireddgħu;
17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva; jenfasizza li f'dak il-qafas il-kwistjonijiet ta' pagi minimi u ta' dħul għall-inklużjoni soċjali għandhom jiġu indirizzati mingħajr ma jiġu ddubitati r-regolamenti eżistenti fl-Istati Membri;
18. Jenfasizza l-importanza ta' qasam tas-saħħa pubblika li jkun b'saħħtu u mgħammar sewwa; huwa kontra kwalunkwe privitizzazzjoni f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi politiki li jiżguraw standards għoljin ta' kwalità u l-għoti indaqs ta' servizzi soċjali; iqis li hemm ħtieġa ta' aktar ċarezza u informazzjoni dwar servizzi tas-saħħa sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu mħarsa u infurmati tajjeb meta jużaw servizzi tas-saħħa fi Stati Membri oħra; jappella għal Karta ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti li tkun tista' tgħolli l-istandards u sservi ta' gwida għall-utenti tas-servizzi tas-saħħa;
L-assunzjoni tar-responsabilità sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima
19. Jenfasizza l-irwol ewlieni ta' l-UE fil-livell internazzjonali sabiex tindirizza l-bidla fil-klima u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li waqt il-Konferenza dwar il-Klima f'Bali f'Diċembru 2007 jiġi miftiehem mandat ambizzjuż u komplut sabiex jinbdew in-negozjati dwar l-arranġamenti għal wara l-2012; jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza tfassal strateġiji possibbli għaż-żmien ta' wara l-2012, sabiex iġġib 'il quddiem għall-adozzjoni bikrija l-abbozz ta' direttiva dwar il-Qbid u l-Ħażna tal-Karbonju u r-reviżjoni tad-direttiva ETS u sabiex tinkuraġġixxi segwitu pront sabiex tkun implimentata l-White Paper dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima;
20. Jenfasizza l-ħtieġa għal proposta leġiżlattiva fl-2008 bħala riżultat ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta' l-UE ta' emissjoni ta' 120 g CO2/km sa l-2012;
21. Jiddispjaċih li biċċtejn ewlenin mil-leġiżlazzjoni ambjentali li kienu tħabbru fl-Istrateġija Politika Annwali ta' l-2008 tal-Kummissjoni huma nieqsa, jiġifieri l-proposta leġiżlattiva sabiex tillimita l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu mill-avjazzjoni u l-proposta leġiżlattiva dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-vapuri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex iddaħħal il-proposti leġiżlattivi meħtieġa fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tagħha għas-sena 2008;
22. Jenfasizza li l-għan ta' l-UE li jsir aktar użu minn mezzi aktar sostenibbli ta' trasport għadu 'l bogħod milli jintlaħaq; jenfasizza l-urġenza ta' miżuri ta' trasport effiċjenti skond il-prinċipju tas-sostenibilità u l-promozzjoni ta' investiment f'mezzi ta' trasport b'kuxjenza akbar ambjentali; jappella sabiex l-evalwazzjoni u l-kalkolu ta' l-ispejjeż esterni kollha tat-trasport u ta' l-internalizzazzjoni tagħhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sa Ġunju 2008, flimkien ma' analiżi ta' l-impatt ta' l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha tat-trasport; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipproponi taxxa ta' l-UE fuq il-pitrolju;
Lejn politika ta' l-enerġija sostenibbli
23. Huwa kontra l-proċess ta' liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffoka l-analiżi strateġika tagħha tal-politika dwar l-enerġija ta' l-UE fuq l-impatt negattiv tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija f'termini ta' żjidiet sostanzjali fil-prezzijiet (apparti ż-żjidiet fil-prezzijiet tal-materja prima) u fuq garanziji għad-distribuzzjoni ta' l-elettriku;
24. Iqis li l-Istati Membri u l-UE għandhom jagħmlu sforzi kuraġġużi sabiex itemmu d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili u jdawwru t-tendenza insostenibbli ta' bħalissa; jenfasizza li s-sostenibilità ekoloġika u soċjali għandha tkun fil-qalba tal-programmi ta' investiment pubbliku ta' l-UE u ta' l-Istati Membri; jinnota li l-investimenti għandhom ikunu maħsuba għall-promozzjoni ta' enerġiji li jiġġeddu, għas-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku miż-żjieda fl-enerġija u fl-użu tar-riżorsi, għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u għall-promozzjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija bis-saħħa ta' tnaqqis tal-livelli globali tal-konsum ta' l-enerġija;
25. Iqis li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq it-titjib ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, fuq l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-promozzjoni ta' teknoloġiji ta' ko-ġenerazzjoni, u jenfasizza li jinħtieġu b'mod urġenti politiki speċifiċi biex jippromwovu l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu fil-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ; jenfasizza li l-mudelli sostenibbli ta' konsum u ta' produzzjoni għandhom ikunu bbażati fuq approċċ aktar orizzontali minn dak maħsub mill-Kummissjoni u jkunu l-qofol ta' l-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli;
26. Jirrikonoxxi li l-iffrankar fl-enerġija u l-politiki li għandhom x'jaqsmu ma' l-enerġija se jkunu l-aktar sfidi rilevanti fis-snin li ġejjin, l-aktar bix-xogħlijiet ta' bħalissa u bit-tlestija ta' netwerk Ewropew tal-gass u ta' suq Ewropew tan-netwerk tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku, u jenfasizza l-ħtieġa li titlesta d-diskussjoni dwar 'pakkett ta' l-enerġija' u li jintlaħaq ftehim aħħari mal-Kunsill qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin; jenfasizza l-importanza tal-leġiżlazzjoni mħabbra dwar l-enerġija sabiex jintlaħqu, bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet li jorbtu, it-tliet objettivi ta' 20% li jikkonċernaw l-iffrankar fl-enerġija, l-użu ta' enerġiji li jiġġeddu u l-miri nazzjonali speċifiċi fi ħdan limitu komuni ta' l-UE għall-ETS;
27. Japprezza l-istrateġija tal-Kummissjoni li tiddefinixxi b'mod ċar x'inhuma l-enerġiji li jiġġeddu u li ma jinvolvux la l-enerġija nukleari u lanqas it-teknoloġiji għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju;
28. Jenfasizza li l-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa għall-bijofjuwils hija kwistjoni li teħtieġ li tkun indirizzata b'urġenza fl-UE b'mod li l-miżuri ta' l-UE għat-trażżin tal-bidla fil-klima ma jkollhomx konsegwenzi negattivi fuq il-pajjiżi li jipproduċu l-bijomassa; juri tħassib dwar l-istrateġija tal-Kummissjoni li tintroduċi sistema ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni ta' bijofjuwils sostenibbli fl-UE u li tirregola biss l-importazzjoni minn pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa li l-perikli tad-deforestizzazzjoni, tad-degradazzjoni tal-ħamrija u tar-riżorsi naturali kif ukoll tan-nuqqas ta' provvista adegwata ta' l-ikel għall-popolazzjonijiet kollha ikkonċernati, ma jkunux evitati biss fl-Unjoni Ewropea; iqis li jkun importanti li jitwettaq studju bir-reqqa tal-vantaġġ imbassar f'termini ta' tnaqqis reali tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG), li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' bijofjuwils; jenfasizza li l-bijofjuwils iridu jiġu introdotti b'mod li jikkonforma mas-sostenibilità skond kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi;
Garanzija ta' sikurezza ta' l-ikel u ta' standards ta' kwalità għolja fil-produzzjoni tal-biedja
29. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tqisx il-qasam tas-sikurezza ta' l-ikel bħala prijorità għall-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tagħha għall-2008 u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri adegwati sabiex tiżgura li s-sikurezza u l-kwalità ta' l-ikel u tal-prodotti ta' l-ikel fis-suq intern ikunu ggarantiti;
30. Jenfasizza li l-Kummissjoni, bħala maniġer tar-riskju fil-proċess ta' analiżi tar-riskju, għandha terfa' r-responsabilità ukoll fil-komunikazzjoni tar-riskju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dan ċar fil-miżuri kollha meħuda fil-qasam tas-sikurezza ta' l-ikel;
31. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma qisitx is-sistema l-ġdida ta' profili nutrittivi bħala Prijorità ta' Komunikazzjoni għall-2008 u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri adegwati sabiex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikunu mgħarrfa biżżejjed dwar il-progress u l-implimentazzjoni tas-sistema ta' profili nutrittivi;
32. Jenfasiiza l-ħtieġa ta' reviżjoni tad-direttivi eżistenti dwar l-Addittivi ta' l-Ikel (revoka tad-Direttivi 62/2645/KEE, 65/66/KEE, 78/663/KEE, 78/664/KEE, 81/712/KEE, 89/107/KEE, 94/35/KE u 95//2/KE u d-Deċiżjonijiet Nri 292/97/KE u 2002/247/KE): iqis li l-addittivi kollha li diġà qegħdin fis-suq għandhom jiġu evalwati mill-ġdid, li għandhom biss jintużaw jekk huma ta' ġid għall-konsumaturi, li m'għandhomx iqarrqu lil-konsumaturi fir-rigward ta' kwalitajiet speċifiċi, li m'għandhomx ikollhom effetti ħżiena fuq l-ambjent, li għandha tkun żgurata ċertezza legali akbar fir-rigward tad-definizzjonijiet, li l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta' addittivi għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni rikorrenti u li r-riskji għas-saħħa tan-nanoteknoloġija għandhom jitqiesu billi jiġu stipulati valuri limitu separati;
33. Jiddispjaċih li ż-żewġ azzjonijiet relatati mas-saħħa li ġew imħabbra fl-APS 2008 ma jidhrux fis-CLWP 2008 ('L-iżvilupp ta' qafas legali għall-evalwazzjoni tar-riskju mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel (EFSA) ta' ikel u għalf ġenetikament immodifikat' u 'L-Immodernizzar tal-leġiżlazzjoni għat-tagħmir mediku, biex titjieb is-sikurezza tal-pazjent u ta' l-utent, filwaqt li jkun żġurat ambjent regolatorju ċar'); jistieden lill-Kummissjoni sabiex iddaħħal il-proposti leġiżlattivi meħtieġa fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tagħha għas-sena 2008;
34. Juri xi ftit jew wisq kritika għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-hekk imsejħa 'Verifika tas-Saħħa sabiex tissimplifika l-Politika Agrikola Komuni' b'mod partikulari peress li tkompli l-metodu tas-separazzjoni tas-sussidji mill-produzzjoni, iżżomm id-distribuzzjoni inġusta tas-sussidji fost il-produtturi kif ukoll fost il-pajjiżi u tippromwovi l-mudell ta' 'biedja intensiva' b'effetti negattivi fuq il-kwalità ta' l-ikel; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tressaqx proposti dwar kif issolvi l-problemi ta' l-ażjendi agrikoli tal-familja u l-ażjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-CAP il-ġdid, is-sopravivenza tagħhom hija fil-periklu;
35. Iqis li, fil-kuntest tar-reviżjoni fil-ġejjieni tal-CAP, l-għajnuna diretta għandha titqassam b'mod aktar ġust sabiex jinħelsu riżorsi finanzjarji, filwaqt li bħala bażi tintuża ekwità akbar, jiddaħħal limitu massimu ta' għajnuna għal kull impriża u jiżdied il-persentaġġ ta' għajnuna lill-bdiewa li ma jirċevux biżżejjed għajnuna mill-CAP (modulazzjoni); iqis li l-aħjar użu li jista' jsir mir-riżorsi ffrankati jkun f'forma ta' kumpens u ta' miżuri agro-ambjentali;
36. Jenfasizza li l-prinċipju bażiku ta' Politika Agrikola Komuni għandu jkun il-prinċipju tas-'sovranità fl-ikel għall-kulħadd' u li l-għan ewlieni tal-produzzjoni agrikola għandu jkun il-produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità skond il-ħtiġijiet tal-ħarsien ambjentali;
37. Iqis li għandha tingħata importanza partikulari għall-produzzjoni tal-bijogass mill-bijomassa, speċjalment mill-bijomassa ta' oriġini urbana; jirrikonoxxi l-irwol tal-bijofjuwils bħala mezz sabiex jiġi rkuprat dak li jifdal żejjed, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-impatt negattiv tal-produzzjoni tal-bijoalkoħol u tal-bijodiżil, l-aktar meta din tinvolvi uċuħ tar-raba' agro-enerġetiċi u l-użu ta' fatturi ta' produzzjoni skarsi b'impatt fuq il-biedja; jenfasizza li sabiex ikun hemm żvilupp sostenibbli b'ekwilibriju ambjentali, huwa ferm importanti li tiġi mħeġġa biedja li l-funzjoni ewlenija tagħha hija l-produzzjoni ta' l-ikel u l-prinċipju bażiku tas-sovranità ta' l-ikel;
Lejn politika tas-sajd sostenibbli
38. Iqis li s-sostenibilità tar-riżorsi ta' l-industrija tas-sajd hi bżonnjuża jekk wieħed irid jiggarantixxi s-sajd u l-vijabbiltà tas-settur tas-sajd; Iqisha essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u s-sostenibilità ambjentali; huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġi implimentat mekkaniżmu li jissussidja jew li jikkumpensa lis-sajjieda li ġew affettwati mill-programmi għar-rikostruzzjoni ta' l-istokks tal-ħut jew minn miżuri oħra li jżidu l-ħarsien ta' l-ekosistemi, speċjalment fir-reġjuni l-inqas vantaġġjati;
39. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li għandha tittieħed perspettiva aktar wiesa' lejn miżuri biex jitħares l-ambjent tal-baħar u biex jinbnew mill-ġdid ir-riżorsi tal-ħut li spiċċaw, b'mod partikulari billi jitqiesu u jiġu studjati fatturi oħrajn li jkollhom effett kunsiderevoli fuq l-ambjent tal-baħar u fuq il-qagħda tar-riżorsi tal-ħut, bħat-tniġġis tal-kosta u tal-baħar miftuħ, id-drenaġġ industrijali u agrikolu, it-tindif tal-ħama u t-trasport bil-baħar, biex jikkumplimentaw il-metodi attwali ta' l-immaniġġjar; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattiva Komunitarja f'dan il-qasam;
40. Huwa mħasseb li f'ċerti setturi tas-sajd hemm disparità ċara fil-livell tad-dħul bejn il-popolazzjoni li tgħix mis-sajd u setturi oħra tal-popolazzjoni, li hija aggravata minħabba l-fatt li d-dħul tagħhom jiddependi fuq l-inċertezza ta' l-industrija tas-sajd, mill-valur inċert tal-ħut u mill-ispejjeż ta' ċerti fatturi tal-produzzjoni; iqis li l-politiki Komunitarji għandhom jiġu riveduti sabiex jiggarantixxu livell ta' għixien ekwu għall-popolazzjoni li tgħix mis-sajd, speċjalment billi jsir titjib fil-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq ta' l-intrapriżi;
41. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq, kemm jista' jkun malajr, komunikazzjoni dwar il-linji gwida dwar il-proposta għar-reviżjoni tas-CMO fil-prodotti tas-sajd; iqis li għandha tingħata prijorità lit-titjib fil-mod kif jiġi stabbilit il-prezz ta' l-ewwel bejgħ, billi jiġu adattati l-mekkaniżmi ta' intervent eżistenti jew billi jinħolqu oħrajn ġodda sabiex ikun hemm risposta għall-ħtiġijiet tas-settur tas-sajd fl-Istati Membri u biex jingħata kontribut għal ridistribuzzjoni iżjed ekwa tal-valur miżjud tul il-katina tal-valur fis-settur;
Protezzjoni aħjar għall-konsumatur
42. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Direttiva ta' Qafas dwar id-Drittijiet Kuntrattwali tal-Konsumatur; jinsisti li strument orizzontali bħal dan m'għandux ikun ibbażat fuq il-prinċipju ta' l-armonizzazzjoni massima, iżda fuq il-provvediment ta' livell għoli ta' standards minimi għall-Ewropea kollha li jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw regoli iżjed strinġenti;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-linji gwida tal-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp ta' l-hekk imsejjaħ l-Approċċ il-Ġdid dwar ir-reviżjoni tas-Suq Wieħed; Jinsisti fuq it-tisħiħ ta' l-irwol tal-korpi tas-sorveljanza tas-suq sabiex jiġi żgurat li jġu rtirati mis-suq il-prodotti li jistgħu jikkompromettu s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, il-ħarsien ta' l-ambjent jew kwistjonijiet rilevanti oħra ta' interess pubbliku; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-koperazzjoni tagħha ma' l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur nazzjonali/transnazzjonali;
44. Jiġbed l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta' fiduċja tal-konsumatur minħabba l-episodji riċenti ta' rtirar mis-suq ta' prodotti perikolużi, u jitlob li jkun hemm tisħiħ ta' l-obbligi tal-Kummissjoni u ta' l-awtoritajiet rilevanti ta' l-Istati Membri sabiex jipprovdu l-informazzjoni lill-pubbliku dwar prodotti perikolużi u biex jieħdu azzjoni;
45. Jenfasizza li l-iżvilupp xjentifiku l-ġdid ta' terapiji avvanzati, bħat-terapija tal-ġene, it-terapija taċ-ċelloli somatiċi u l-inġinerija tat-tessuti, għandhom jiġu segwiti mill-qrib ħafna u li għandha tkun disponibbli informazzjoni korretta dwar it-trattamenti affidabbli u l-prodotti mediċinali sikuri għall-pazjenti u l-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, sabiex tiġi offruta l-aqwa kura tas-saħħa possibbli;
It-tisħiħ tal-ħarsien ambjentali
46. Jirrikonoxxi li l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità huma fatturi prinċipali fl-iżvilupp sostenibbli għat-tul u li fil-ġejjieni għandhom ikunu prijorità; jikkunsidra li l-Pjan t'Azzjoni għall-Bijodiversità għall-2010 u lil hinn u l-istrateġija tematika għar-riżorsi naturali la għandhom ambizzjoni u lanqas punt fokali, minkejja l-fatt li t-telf tal-bijodiversità jfisser it-telf irriversibbli ta' l-irwol ta' l-ekosistemi fis-soċjetà u fl-ekonomija; Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tfassal Pjan t'Azzjoni għall-Bijodiversità matul it-30 sena li ġejjin;
47. Iqis li t-tisħiħ tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili ta' l-UE u l-iżvilupp ta' strateġija integrata dwar il-prevenzjoni tad-diżastri għal diżastri li jiġru fl-UE jew f'pajjiżi li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu kif imsemmi fl-APS 2008 huma importanti ħafna, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kwistjoni tal-protezzjoni ċivili fil-programm leġiżlattiv tagħha għall-2008;
Le għat-tnaqqis fil-istandards tal-kwalità u tar-regolamenti eżistenti
48. Jenfasizza, fir-rigward tar-Reviżjoni Strateġika ta' l-Aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar, li l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt soċjali u ekonomiku jridu jipprovdu gwida ewlenija dwar l-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, minflok ma sempliċiment jiffukaw biss fuq it-tnaqqis ta' l-ispejjeż amministrattivi għan-negozji u fuq 'it-tneħħija ta' l-ostakoli għall-kompetittività tal-kumpaniji'; huwa kontra t-tendenza tal-Kummissjoni li tevita lill-Parlament Ewropew billi tipproponi liġijiet mhux vinkolanti minflok leġiżlazzjoni;
49. Jinsisti li l-eżami tal-proposti pendenti u s-segwitu tal-Programm Kontinwu ta’ Simplifikazzjoni m'għandhomx iwasslu għat-tnaqqis fl-istandards u fir-regolamenti eżistenti, speċjalment fir-rigward ta' oqsma sensittivi bħas-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-iskart tal-prodotti ta' l-elettriku, il-qafas leġiżlattiv dwar il-bijoċidi u r-regoli għall-prodotti farmaċewtiċi, fejn iridu jinżammu livelli għolja ta' standards ambjentali, ta' sikurezza u sanitarji;
50. Jirrimarka li studju riċenti li sar għall-Kumitat għall-Impiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ikkonkluda li l-iskop u l-kwalità ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt soċjali li saru s'issa mill-Kummissjoni kienu tabilħaqq fjakki, u li f'diversi okkażjonijiet ma saret l-ebda evalwazzjoni ta' l-impatt soċjali; Jenfasizza li r-Reviżjoni ta' l-Approċċ Komuni għall-Evalwazzjoni ta' l-Impatt trid tirranġa din is-sistwazzjoni; jenfasizza li l-evalwazzjonijiet li jkunu xierqa għandhom jevalwaw l-impatti ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tar-regolamentazzjoni possibbli b'mod indaqs;Kontra miżuri ripressivi li jipprevjenu l-immigrazzjoni
51. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-traġedja umanitarja ta' kuljum fil-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea fejn mietu eluf ta' migranti; iqis li r-rondi permanenti tal-Frontex ma jsolvux il-problemi; iqis li l-aqwa mezz biex nevitaw din id-drama umanitarja jkun il-ftuħ ta' kanali legali għall-immigrazzjoni;
52. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament 'Dublin II' (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003) u jħeġġeġ li matul din ir-reviżjoni għandu jsir qbil dwar mekkaniżmu għall-qsim tar-responsabilità sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jkollhom proporzjon ġust tar-responsabilità u li l-pajjiżi benefiċjarji ma jitħallewx mingħajr għajnuna;
53. Jistenna li r-reġim ta' l-UE dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jqis bis-sħiħ il-kriterji soċjali u l-ħtieġa li tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali tal-migranti, minflok ma sempliċiment jiffoka biss fuq il-benefiċċji ekonomiċi għan-negozji;
54. Jirrimarka li l-proposta għal direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza ta' ħaddiema b'sengħa kbira jista' jipprovoka t-telf ta' l-aħjar imħuħ (brain drain) fil-pajjiżi l-fqar, u huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi ta' dan; iqis li jeħtieġ jinfetħu l-kanali tal-migrazzjoni legali għall-ħaddiema li m'humiex kwalifikati, u mhux biss għal ħaddiema staġonali;
55. Huwa kontra, fid-dawl tal-falliment drammatiku tat-timijiet Frontex u RABIT, il-proposta biex tiġi stabbilita Sistema ta' Sorveljanza tal-Fruntieri Ewropej; jenfasizza li l-azzjonijiet kollha ta' l-UE fil-fruntieri esterni tan-nofsinhar tagħha għandhom jagħtu prijorità lis-salvataġġ ta' persuni li jkunu fuq il-baħar u mhux lill-kriminalizzazzjoni tagħhom;
Favur l-istat tad-dritt u l-koperazzjoni vantaġġjuża b'mod reċiproku fir-relazzjonijiet internazzjonali
56. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni riċenti dwar 'Il-bini ta' l-istat għall-paċi fil-Lvant Nofsani: strateġija ta' azzjoni ta' l-UE'; filwaqt li jfaħħar ir-rieda tal-Kummissjoni li tkompli l-impenn tagħha fl-isforzi favur l-istabilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni, jinsisti li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol attiv fl-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tan-NU u fil-kisba tal-paċi fir-reġjun;
57. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva ta' Paċi Għarbija u jesprimi t-twemmin sod tiegħu li huma biss it-tmiem ta' l-okkupazzjoni, it-twaqqif ta' Stat Palestinjan ibbażat fuq il-fruntieri ta' l-1967 b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu u soluzzjoni ġusta għar-refuġjati Palestinjani abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 194 ta' l-Assemblea Ġenerali tal-11 ta' Diċembru 1948 li jistgħu tassew jiżguraw il-paċi u s-sigurtà dejjiema u l-istabilità reġjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-fehim reċiproku li ntlaħaq f'Annapolis biex jinbdew in-negozjati dwar l-istatus finali bla kundizzjonijiet minn qabel, u jitlob għat-tmiem ta' l-azzjonijiet kollha li jxekklu l-bidu ta' dawn in-negozjati; għalhekk jikkundanna d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fl-art; jenfasizza li l-Iżrael għandu jikkonforma ma' l-obbligi internazzjonali tiegħu, jiffriża kull attività fit-territorji okkupati, inkluż it-tkabbir naturali, jiffriża l-bini tal-ħajt illegali u jżarmah, jeħles il-priġunieri politiċi, inklużi l-membri kollha tal-PLC, u jieqaf minn kull użu ta' kastigi kollettivi; jinsisti li l-aġġornament tar-relazzjonijiet bilaterali jrid ikun kontinġenti fuq il-konformità ta' l-Iżrael ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali;
58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta' azzjoni għal Gaża li għandu jinkludi modi kif għandha tiġi ffaċċjata s-sitwazzjoni f'Gaża u li jipprovdi mezzi biex tiġi affrontata l-kriżi umanitarja, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-aċċess u l-moviment (AMA) u biex tieħu sehem fi sforzi biex jitneħħa l-blokk minnufih; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita r-rabta meħtieġa bejn ix-Xatt tal-Punent u Gaża sabiex jiġi żgurat stat Palestinjan futur u kontingwu li jkun jifforma unità politika, ġeografika u ekonomika waħda;
59. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fl-Afganistan; huwa tal-fehma li l-istabilità ma tista' qatt tinkiseb b'mezzi militari u li r-rispett lejn is-sovranità u l-integrità territorjali u l-assistenza għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom għandhom ikunu l-qofol tal-politika ta' l-UE fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi;
60. Huwa mħasseb li l-kwistjoni tar-refuġjati Iraqini tista', jekk ma tiġix iffaċċjata malajr u b'mod komprensiv, tipperikola l-istabilità fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi l-mezzi biex tiġi affrontata din il-kwistjoni, b'mod speċjali l-kwistjoni ta' kif dawn se jerġgħu jissetiljaw, u jinsisti fuq ir-responsabilità li għandha l-komunità internazzjonali, b'mod speċjali l-potenzi okkupanti, biex taffronta dan id-diżastru umanitarju u politiku minnufih;
61. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-azzjoni militari transkonfinali mit-truppi Torok fit-Tramuntana ta' l-Iraq; Jistieden lill-Kummissjoni biex fin-negozjati dwar l-adeżjoni tat-Turkija tinsisti fuq il-ħarsien ta' l-impenn tagħha lejn relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien, u li t-Turkija tieqaf minn kull vjolazzjoni ta' l-integrità territorjali ta' l-Iraq u li tmewwet it-tensjoni fil-fruntiera Torka-Iraqqina;
62. Jappoġġja l-proċess ta' tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, iżda jqis li n-negozjati dwar l-adeżjoni ta' pajjiżi kandidati u l-istabilizzazzjoni u l-proċess ta' assoċjazzjoni għandhom jirrispettaw l-interessi soċjali u ekonomiċi u d-drittijiet tal-popli involuti, għandhom isiru b'pass raġonevoli għall-ekonomiji tal-pajjiżi inkwistjoni u m'għandhomx jimponu ftehimiet ta' kummerċ ħieles li jkunu ta' ħsara għall-partijiet dgħajfa tal-ftehimiet;
63. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istaġnar tal-proċess ta' riforma fit-Turkija fi żmien meta n-negozjati dwar l-adeżjoni jinsabu għaddejjin bil-ftuħ ta' kapitoli ġodda; ifakkar li l-konformità sħiħa mal-kriterji politiċi għandha tingħata prijorità u li n-nuqqas ta' progress f'dan ir-rigward se jkollu implikazzjonijiet serji fuq il-proċess ta' negozjati; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa mit-Turkija tal-Protokoll Addizzjonali li jestendi l-Ftehima ta' Assoċċjazzjoni KE-Turkija għal għaxar Stati Membri ġodda, u li t-Turkija ffirmat f'Lulju 2005, hija kundizzjoni bażika għat-tkomplija b'suċċess tan-negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni;
64. Jinnota li fil-programm tal-Kummissjoni hemm previsti Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Balkani tal-Punent; ifakkar lill-Kummissjoni li, skond ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ta' l-10 ta' Ġunju 1999, il-Kosovo huwa parti mis-Serbja, u li kull pożizzjoni ta' l-UE dwar l-istatus futur tal-provinċja u l-assistenza għall-Kosovo u l-koperazzjoni miegħu għandha tirrispetta b'mod sħiħ il-liġi internazzjonali;
65. Jilqa' b'sodisfazzjon il-prontezza tal-Kummissjoni li tiżviluppa relazzjonijiet ulterjuri ma' pajjiżi li jinsabu fil-viċinat ta' l-Ewropa; jitlob biex dawn ir-relazzjonijiet jiġu żviluppati abbażi ta' sħubiji u b'rispett sħiħ ta' l-interessi tal-popli u l-pajjiżi involuti, u mhux billi jinxtorbu r-riżorsi ta' dawn il-pajjiżi, l-iżjed dawk enerġetiċi, għall-benefiċċju tal-kapital ta' l-UE; jikkundanna l-fatt li l-Politika Ewropea tal-Viċinat ma tikkunsidrax il-konsegwenzi soċjali tat-tranżitu fil-pajjiżi tal-viċinat u ma tipproponix miżuri ta' appoġġ biex taffrontahom;
66. Jikkundanna l-fatt li ħlief għad-djalogu ma ġiet prevista l-ebda inizjattiva favur l-iżvilupp ta' relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran u l-fatt li m'hemm previst l-ebda approċċ multilaterali fir-rigward ta' dawn ir-relazzjonijiet, u li minflok hemm approċċ bilaterali bil-ħsieb li jiġi kontrollat l-iżvilupp tul il-fruntieri tan-nofsinhar ta' l-UE;
67. Jikkundanna l-fatt li m'hemm l-ebda inizjattiva tal-Kummissjoni li tevita l-proliferazzjoni ta' l-armi u li tippromwovi d-diżarmament; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni ta' tellieqa ta' l-armamenti oħra fl-Ewropa li tista' tirriżulta mill-pjani li jiġu installati sistemi ġodda ta' kontra l-missili fl-Istati Membri ta' l-UE; jinsisti fuq il-karattru esklussivament paċifiku ta' kwalunkwe attivtà li ssir fl-ispazju; jenfasizza fuq l-urġenza ta' inizjattivi ġodda biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa, b'mod partikulari l-armi nukleari; itenni l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' zona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani u f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' l-UE biex issib soluzzjoni ma' l-Iran li tkun innegozjata b'mod politiku; iqis li huwa fundamentali li titwaqqaf zona Ewropea li tkun ħielsa mill-armi nukleari bħala kontribut għall-kisba ta' dinja bla armi nukleari;
68. Jikkundanna l-fatt li, fil-programm leġiżlattiv tagħha għall-2008, il-Kummissjoni ma kkunsidratx daqs kemm jixraq il-politika għall-iżvilupp; jilbqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tibqa' taħdem fuq l-implimentazzjoni ta' l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-istrument u l-fondi disponibbli b'mod esklussiv għall-finijiet ta' l-iżvilupp; huwa kontra bil-qawwa kollha kwalunkwe tentattiv biex il-fondi għall-iżvilupp jintużaw għall-skopijiet militari; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza fundamentali tat-trasparenza u tar-responsabilità fil-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji li jiġu trasferiti f'diversi fondi u proġetti; jesprimi d-determinazzjoni soda tiegħu li jeżerċita b'mod effettiv id-drittijiet demokratiċi ta' l-iskrutinju sabiex jevita użu ħażin mill-fondi;
69. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sammit UE-Afrika li ġej u jistieden għal relazzjonijiet ġodda, ekwi u żmilitarizzati li jiffavorixxu l-interessi u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tas-sħab Afrikani l-iżjed dgħajfa, u li ma jkollhomx l-objettiv li jisfruttaw ir-riżorsi naturali rikki tal-kontinent u li ma jkollhomx ambizzjonijiet neo-kolonjali; jinsisti li l-iżvilupp sostenibbli, it-tneħħija tal-faqar, il-ġlieda kontra l-pandemiji u l-bidla fil-klima, il-migrazzjoni, id-deżertifikazzjoni, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sigurtà u l-ġestjoni xierqa tal-ġid komuni għandhom ikunu impenji kollettivi u objettivi ewlenin tal-koperazzjoni UE-Afrika, u jenfasizza l-irwol ċentrali ta' l-MDGs, li jipprovdu qafas għal dawn l-objettivi li huwa maqbul b'mod globali;
70. Huwa mħasseb dwar id-dewmien fir-ratifika tal-Ftehima riveduta ta' Cotonou, li tista' tostakola l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), xi ħaġa li aktarx se twassal għal tnaqqis fl-allokazzjonijiet annwali ta' l-għajnuna għall-koperazzjoni bejn l-ACP u l-UE, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin fit-tlestija tal-proċess ta' ratifikazzjoni malajr kemm jista' jkun;
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.