Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0509/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0509/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

5.12.2007

imressqa wara il-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0383/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Caroline Lucas u Pierre Jonckheer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar it-tessuti

Proċedura : 2007/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0509/2007
Testi mressqa :
B6-0509/2007
Testi adottati :

B6‑0509/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tessuti

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim li ġie konkluż f'Ġunju 2005 bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni Ewropea, li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina dwar sistema ta' sorveljanza konġunta fuq l-importazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ilbies wara l-2005[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehima tad-WTO dwar it-tessuti u l-ilbies skadiet fl-2005, meta fl-istess ħin magħha waqgħu l-aħħar restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tat-tessuti u l-ilbies li kienu ntirtu mill-Ftehima ‘Multifibre’,

B.  billi l-UE tibqa’ waħda mill-esportaturi ewlenin tat-tessuti, filwaqt li għandha bilanċ kummerċjali negattiv fuq l-ilbies, b’mod partikulari minħabba ż-żjidiet enormi fil-merkanzija impurtata miċ-Ċina,

C.  billi fl-2005 l-Kummissjoni u ċ-Ċina kkonkludew ''Memorandum ta' Fehim'' li jimponi restrizzjonijiet fuq l-impotazzjoni miċ-Ċina ta' għaxar kategoriji ta’ lbies għal perjodu tranżizzjonali, li se jiskadi fl-1 ta' Jannar 2008,

C.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Ministeru Ċiniż għall-Kummerċ Barrani ddeċidew dwar sistema ta' sorveljanza konġunta fuq l-importazzjoni għas-sena 2008,

E  billi l-membri tad-WTO huma awtorizzati li jadottaw miżuri speċjali ta’ salvagwardja fis-sura ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq merkanzija esportata miċ-Ċina sa tmien l-2008, fil-każ li jkun hemm effetti ta’ tħarbit fuq is-swieq tagħhom,

1.  Huwa konxju li t-tneħħija tas-sistema tal-kwoti hija r-riżultat ta’ ftehima li torbot legalment ta’ meta ċ-Ċina ngħaqdet mad-WTO, iżda jfakkar li l-ftehima ta’ l-adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO tippermetti lill-membri kollha tad-WTO, inkluża l-Unjoni Ewropea, japplikaw miżuri ta’ salvagwardja kontra l-merkanzija impurtata miċ-Ċina sa tmiem l-2008, jekk jiġi li dan ikun meħtieġ;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi pariri sodi lill-industrija tat-tessuti u l-ilbies ibbażata fl-UE, speċjalment lill-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, fir-rigward tal-vantaġġi kompetittivi relattivi tagħhom f’suq globali ta’ l-ilbies, sabiex jiġu orjentati r-riċerka u l-iżvilupp;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod attiv ir-riċerka, l-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali fis-settur tat-tessuti, b'mod partikolari għall-kumpaniji ta' daqs żgħir u medju; jidhirlu li huwa essenzjali li jittieħdu miżuri biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni teknoloġika;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga jekk il-prezzijiet baxxi ta’ l-ilbies li jirriżultaw mill-iskadenza tas-sistema tal-kwoti humiex effettivament ta’ benefiċċju għall-konsumaturi ta’ l-UE jew humiex sempliċement assorbiti minn bejjiegħa bl-imnut kbar li jkunu qed jaraw profitti esaġerati permezz ta’ possibilitajiet ġodda ta’ forniment globali;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kif se tiġi stabbilita s-sistema ta' sorveljanza konġunta fuq l-importazzjonijiet; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi implimentazzjoni kif għandha tkun tas-sistema miftiehma ta’ l-iċċekkjar doppju u sabiex tevalwa kontinwament l-effikaċja tagħha fil-ħin reali, filwaqt li diġa’ tiżgura li ssir l-ewwel evalwazzjoni għall-ewwel kwart ta’ l-2008, sabiex l-effetti ta' tħarbit li jirriżultaw minn mewġa ta' importazzjoni tat-tessuti ikunu jistgħu jiġu meqjusa kif jixraq u fil-pront;

6.  Jiddispjaċih li s-sistema ta’ ċċekkjar doppju se tkun implimentata biss għas-sena 2008; jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li sistema ta’ sorveljanza effettiva se tibqa’ teżisti għal-lest għal perjodu itwal;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha f’konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Uniti dwar il-kwistjoni tal-prodotti ta’ l-ilbies importati miċ-Ċina, sakemm ir-restrizzjonijiet ta’ l-Istati Uniti fuq l-importazzjoni jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2008, bil-possibilità li jwasslu jerġa' għal aktar devjazzjonijiet li jħarbtu k-fluss ta' l-importazzjoni lejn l-UE;

8.  Ifakkar li l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali (kontra d-dumping, kontra s-sussidju u miżuri ta’ salvagwardja) huma l-għodda disponibbli legalment biex l-industrija bbażata fl-UE tkun imħarsa kontra prattiki kummerċjali inġusti, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel użu attiv ta’ dawn l-istrumenti, fil-każ li jiġu skoperti prattiki kummerċjali inġusti fis-settur tat-tessuti u l-ilbies;

Sigurtà u ħarsien tal-konsumatur

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża l-poteri tagħha biex tipprojbixxi prodotti li m’humiex sikuri milli jidħlu fis-suq ta' l-UE, fil-każ tat-tessuti u l-ilbies ukoll;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi li prodotti tat-tessuti u ta’ l-ilbies impurtati li jidħlu fis-suq ta' l-UE jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ sigurtà u ħarsien tal-konsumatur bħal dawk il-prodotti tessili u ta’ lbies mmanifatturati ġewwa l-UE;

11.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-istandards tas-sigurtà u tal-ħarsien tal-konsumatur tal-qasam ta’ l-ilbies qegħdin jonqsu, anke fi ħdan l-Unjoni Ewropea; jistiedem lill-Kummissjoni biex tevalwa l-effetti tal-kompetizzjoni globali mingħajr kontroll tas-settur fuq il-manifattura bbażata fl-UE;

12.  Jidhirlu li għandhom jiġu applikati regoli li jorbtu dwar l-indikazzjoni ta' l-oriġini għat-tessuti impurtati minn pajjiżi terzi u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta pendenti għal regolament; jidhirlu, barra minn hekk, li għandu jiddaħħal l-ittikkettar fir-rigward tal-prodotti u l-metodi ta’ pproċessar (product and processing methods - PPM) tal-prodotti tat-tessuti u ta’ l-ilbies, u jiestieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni xierqa fuq il-livell tad-WTO;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE;

 

13  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja t-twaqqif ta' zona ta' produzzjoni Ewro-Mediterranja fis-settur tat-tessuti u l-ilbies, billi tieħu vantaġġ mill-viċinanza ġeografika tas-swieq Mediterranji u Ewropej sabiex tinħoloq zona li tkun kompetittiva internazzjonalment li tkun tista' tiżgura li jinżammu għaddejjin il-produzzjoni industrijali u l-impjiegi;

 

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-impatt tal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-settur tat-tessuti u l-ilbies, b'mod partikulari fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati li kienu ġew mogħtija parir mill-Bank Dinji u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jinvestu fis-settur ta’ l-esportazzjoni ta’ l-ilbies; jinsab imħasseb b’mod partikulari dwar l-abolizzjoni ta’ drittijiet bażiċi soċjali u tax-xogħol li xi pajjiżi li huma l-inqas żviluppati japplikaw sabiex jibqgħu kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa kif il-programm ‘Aide-for-Trade' (Għajnuna għall-Kummerċ) u programmi simili jistgħu jgħinu lill-pajjiżi l-inqas żviluppati biex jinvolvu ruħhom fi programmi settorjali li huma sostenibbli soċjalment u ambjentalment; Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-utilità ta’ għodod ta’ mmaniġġjar tal-lat tal-provvista għas-settur ta’ l-ilbies, sabiex jitwittew id-differenzi fil-kompetizzjoni globali u biex tiġi evitata tellieqa lejn il-qiegħ nett ta’ l-istandards soċjali u ambjentali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri.