Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0510/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0510/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

5.12.2007

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0382/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pedro Guerreiro, Helmuth Markov, Jacky Hénin, Roberto Musacchio, Marco Rizzo, Willy Meyer Pleite u Ilda Figueiredo
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ

Proċedura : 2007/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0510/2007
Testi mressqa :
B6-0510/2007
Testi adottati :

B6‑0510/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-iskadenza, li se sseħħ fil-31 ta' Diċembru, tal-'Memorandum ta' Ftehim' dwar ċerti kategoriji ta' prodotti tessili u tal-ħwejjeġ Ċiniżi esportati lejn l-Istati Membri ta' l-UE, u t-tkomplija tal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ tal-prodotti tessili u tal-ħwejjeġ;

–  wara li kkunsidra s-sistema ta' sorveljanza ta' kontroll doppju ta' l-importazzjoni miċ-Ċina - mill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri u mill-awtoritajiet Ċiniżi - u l-fatt li fl-2008 din se tkopri biss tmienja minn għaxar kategoriji previsti fil-memorandum,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tneħħija tal-kwoti fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ kienet qed twassal għal konsegwenzi soċjali serji, primarjament f'reġjuni fejn l-akbar numru ta' kumpanji u ħaddiema - l-aktar nisa - huma kkonċentrati u fejn il-pagi għadhom baxxi,

B.  billi r-reġjuni ta' l-UE l-aktar milquta mit-telf ta' l-impjiegi fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ huma dawk l-aktar żvantaġġjati - kemm f'termini ta' impjieg, ta' produzzjoni jew ta' benessri soċjali - u billi n-nuqqas ta' protezzjoni ta' din l-industrija twassal biss biex taggrava l-vulnerabilità soċjo-ekonomika tagħhom u l-inugwaljanzi territorjali fi ħdan l-UE,

C.  billi fl-aħħar 15-il sena f'numru ta' Stati Membri għadd ta' kumpanji biddlu l-post tal-produzzjoni tagħhom u marru f'postijiet oħra fid-dinja, partikolarment fl-Afrika ta' Fuq u fl-Asja, u ħallew warajhom qgħad u kriżijiet soċjo-ekonomiċi serji,

D.  billi s-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ hu, min-natura tiegħu, varjat sew; billi din hi industrija li r-ramifikazzjonijiet tagħha jestendu f'setturi oħra u li tikkonsisti l-aktar f'netwerk vast ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li ħafna drabi joperaw permezz ta' sotto-kuntratti,

E.  billi s-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ attwalment jimpjega 'l fuq minn 2.6 miljun ħaddiem u jiġġenera aktar minn 230.000 miljun ewro f'fatturat fl-UE kollha, li jwassal għal proporzjon għoli tal-GDP u ta' l-impjieg f'uħud mill-Istati Membri, per eżempju fil-Portugall,

F.  billi t-tmiem imminenti tal-Memorandum ta' Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina se jwassal għal konsegwenzi serji għar-reġjuni l-inqas ixxurtjati; billi se jirriżulta tnaqqis possibbli fil-GDP reġjonali għal kull abitant u dan jitlob risposta adegwata,

G.  billi għalkemm hemm xi kumpaniji kbar li jimpjegaw numru sew ta' ħaddiema u għandhom fatturat kbir, l-istruttura industrijali tas-settur hi dominata minn mikro-intrapriżi u minn intrapriżi żgħar, uħud minnhom għandhom investiment teknoloġiku kbir,

H.  billi ma ġewx adottati miżuri effettivi sabiex jipproteġu s-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ta' l-UE mill-konsegwenzi - li diġà kienu prevedibbli dak iż-żmien - tas-sħubija taċ-Ċina fid-WTO, kif ukoll ma sar xejn minn dak iż-żmien sabiex jiġi żviluppat is-settur industrijali jew kummerċjali biex b'hekk kienu jonqsu r-riperkussjonijiet li jeżistu bħalissa,

I.  billi, jekk ikun hemm distorsjoni fis-suq, il-membri tad-WTO jitħallew, sa tmiem is-sena 2008, jadottaw miżuri ta' salvagwardja fis-sura ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq prodotti li jiġu esportati miċ-Ċina,

1.  Isostni li s-sistema ta' sorveljanza ta' kontroll doppju ma sservi l-ebda skop jekk ma żżommx milli ssir repetizzjoni tas-sitwazzjoni li seħħet fl-2005, meta l-importazzjoni fl-UE żdiedet b'rata qawwija ħafna;

2.  Isostni li, minbarra s-sistema li hemm prevista ta' sorveljanza ta' kontroll doppju, jeħtieġ li jiġu nfurzati miżuri oħra ta' salvagwardja, li jkopru, fost affarijiet oħra, kategoriji ta' prodotti li jridu jiġu speċifikati mill-Istati Membri, sabiex l-impjieg u l-kummerċ tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ jiġi mħares u promoss fl-UE;

3.  Jirrimarka li xi pajjiżi li huma ta' ċerta importanza fil-kummerċ internazzjonali tat-tessuti u tal-ħwejjeġ adottaw miżuri ta' salvagwardja li japplikaw sa tmiem l-2008, u għalhekk ma jifhimx għaliex l-UE ma għamlitx l-istess ħaġa;

4.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni, kif imħabbra mill-Kummissarju Mandelson, dwar ir-reviżjoni ta' l-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ (TDIs) fl-interessi ta' kumpaniji li qed jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi, minħabba pagi baxxi u standards soċjali u ambjentali; isostni li t-TDIs huma mezzi essenzjali sabiex jingħelbu prattiki ta' kummerċ inġusti, speċjalment fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ;

5.  Isostni li s-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ huma ewlieni għall-UE, bi prospetti kbar għall-futur, u jista' wkoll jgħin biex jittraduċi l-koeżjoni ekonomika u soċjali f'realtà;

6.  Jerġa' jafferma li l-UE għandha tappoġġja dan is-settur bħala industrija - kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Komunitarju - lil hinn mill-attivitajiet promossi mill-Istati Membri;

7.  Iqis li, sabiex jiġu protetti l-impjiegi u jiġi żviluppat u mmodernizzat is-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fl-UE, jeħtieġ, fost oħrajn, li jsir dan li ġej:

  • -jispiċċa l-mudell ibbażat fuq pagi baxxi, kwalifiki baxxi u xogħol prekarju;
  • -jiġu promossi standards għolja ta' taħriġ u ta' kwalifiki professjonali għas-settur;
  • -jiġu promossi miżuri li jaffrontaw l-għadd kbir ta' problemi u l-iskala ta' diffikultajiet iffaċċjati minn familji effettwati mill-qgħad għaliex l-impjiegi ntilfu u l-kumpaniji għalqu u rrilokaw;
  • -jigu evalwati z-zoni u s-sotto-setturi li qed jiffaċċjaw theddida imminenti jew potenzjali ta' għeluq ta' kumpaniji u minħabba f'hekk il-qgħad, sabiex tippermetti li jittieħdu miżuri preventivi skond iċ-ċirkustanzi;
  • -jiżdiedu u jiġu aġġustati s-sorsi u l-modi ta' finanzjament skond il-bzonnijiet ta' kumpaniji mikro, żgħar u ta' daqs medju, mhux l-inqas dawk li m'għandhomx kapital jew li huma strutturalment żbilanċjati;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal politika ġdida ta' kummerċ internazzjonali ħalli tippermetti lill-industriji li joħolqu x-xogħol u attivitajiet ekonomiċi, inklużi dawk tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iħarsu u jsaħħu d-drittijiet soċjali u effettivament iħarsu l-ambjent;

9.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jitħallew jieħdu miżuri ta' politika kummerċjali bil-għan li jipproteġu setturi li qed isofru minn tendenzi ċikliċi ħżiena;

10.  Isostni li s-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fl-UE kellu jegħleb sfidi kostanti fil-kuntest tal-modernizzazzjoni u għalhekk jeħtieġ l-appoġġ tal-Komunità sabiex jippromwovi l-valur miżjud, l-innovazzjoni fil-moda u fid-disinn u fil-kwalità tal-prodott;

11.  Itenni l-proposta tiegħu li jiġi mfassal programm tal-Komunità - appoġġjat minn mezzi xierqa - għas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, u speċjalment għar-reġjuni l-aktar żvantaġġjati li jiddependu minnu, bil-għan li jippromwovi r-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-SMEs, kif ukoll għandu jimxi flimkien ma' programm tal-Komunità sabiex joħloq swieq ġodda u jinkoraġġixxi l-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-settur, per eżempju waqt fieri internazzjonali tal-kummerċ;

12.  Isostni li appoġġ għall-modernizzazzjoni u l-promozzjoni tas-settur għandu jitqies bħala objettiv li japplika b'mod globali għall-politiki ta' l-UE, mhux b'inqas għall-politika strutturali ta' l-UE, u li l-fondi meħtieġa għandhom jiġu allokati skond kif meħtieġ;

13.  Isostni li, sabiex is-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ikun jista' jiġi mmodernizzat, jeħtieġ jiġu nkoraġġiti r-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' inċentivi u ta' programmi speċifiċi ta' għajnuna Komunitarja sabiex jgħinu l-SMEs jinvestu f'attivitajiet diretti ta' riċerka u żvilupp u ta' innovazzjoni mhux teknoloġika;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, permezz tas-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka u Żvilupp, tipprovdi għall-approċċ favur l-SMEs bil-għan li jegħlbu d-diffikultajiet involuti fit-trasferiment ta' Riċerka u Żvilupp għall-kumpaniji, huma ta' liema daqs huma;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja sew l-impatt li l-politika ġdida dwar il-kimika (REACH) qed ikollha fuq is-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, u aktar speċifikament fuq l-SMEs, u sabiex tadotta l-proposti meħtieġa ħalli tiżgura li l-prodotti impurtati ma jkollhomx vantaġġ fir-rigward ta' prodotti mmanifatturati fl-UE;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, li qed jaħdmu fil-qrib mal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali, sabiex ifasslu pjani strateġiċi lokali li jservu ta' ċentri għas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ;

17.  Jemmen li l-istudji, il-proġetti u l-investiment għandhom isiru bil-għan li jattiraw industriji oħra, inklużi dawk marbuta mat-tessuti u mal-ħwejjeġ, li qed joffru valur miżjud u komponent akbar ta' teknoloġija u ta' innovazzjoni, u b'hekk jippermettu d-diversifikazzjoni industrijali meħtieġa f'reġjuni li għandhom konċentrazzjoni għolja tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ;

18.  Isostni li jeħtieġ jitfassal qafas regolatorju, fuq livell ta' UE, sabiex jippenalizza kumpaniji li jirrilokaw fl-UE jew barra minnha; jemmen li l-għajnuna pubblika lin-negozji, fuq livell nazzjonali u Ewropew, għandha tkun suġġetta għall-impenji, min-naħa tagħhom, fuq terminu ta' żmien twil, fir-rigward ta' żvilupp reġjonali u ta' l-impjieg u li l-ebda tip ta' għajnuna m'għandha tingħata jekk isservi biex tinkoraġġixxi rrilokazzjonijiet; jitlob sabiex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jkollhom rwol b'saħħtu fil-bords tal-kumpaniji u f'teħid ta' deċiżjonijiet fundamentali ta' l-organizzazzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu tentattiv ħalli jeliminaw is-sussidji u forom ta' appoġġ għall-kumpaniji li jirrilokaw l-operazzjonijiet tagħhom u sabiex tiġi stipulata sistemazzjoni li permezz tagħha kumpaniji li jirrilokaw ikunu obbligati jħallsu lura l-għajnuna li jkunu ngħataw;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja lill-Istati Membri biex dawn jadottaw miżuri ħalli jikkumbattu l-kontrafazzjoni tat-trejdmark u tal-kuntrabandu u sabiex jintroduċu kontrolli speċifiċi tad-dwana ħalli jidentifikaw prodotti li jkollhom dikjarazzjonijiet ta' l-oriġini foloz jew li qed jiksru r-regoli tal-protezzjoni tat-trejdmark;

21.  Jemmen li l-importazzjoni minn pajjiżi mhux fil-Komunità għandha tkun suġġetta għal regoli vinkolanti dwar l-indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-proposta għal regolament dwar it-tikketti 'made in';

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkummissjona studju dwar l-impatt li l-valutazzjoni ta' l-ewro qed ikollha fuq l-esportazzjoni tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ta' l-UE;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkummissjona studju li juri kif il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, speċjalment f'reġjuni inqas ixxurtjati u li huma ferm dipendenti fuq it-tessuti u l-ħwejjeġ, qed tiġi effettwata mil-liberalizzazzjoni gradwali tas-settur fil-kwadru tad-WTO;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkummissjona studju li juri kif il-valur miżjud hu mqassam fost l-elementi differenti tal-katina tal-valur tas-settur, b'referenza partikolari għall-prodotti impurtati;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkummissjona studju li juri kif is-sitwazzjoni ta' l-impjieg u s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika f'ċentri tat-tessuti u tal-ħwejjeġ qed tiġi effettwata mir-rilokazzjoni tal-produzzjoni tat-tessuti u tal-ħwejjeġ lejn l-Afrika ta' Fuq u partikolarment bit-twaqqif ta' dak li hu msejjaħ is-'suq Ewro-Mediterranju';

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.